Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Settembru 2009 - Tecnoprocess Srl vs Il-Kummissjoni u d-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fir-Repubblika tan-Niġerja

(Kawża T-367/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Tecnoprocess Srl (Ruma, l-Italja) (rappreżentant: A. Majoli, avukat)

Konvenuti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, id-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fir-Repubblika tan-Niġerja.

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata, fis-sens tal-Artikolu 232 KE, in-nuqqas tad-Delegazzjoni tal-UE ta' Abuja u tal-Kummissjoni Ewropea.

tiddikjara, abbażi tal-Artikolu 288 tat-Trattat, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tad-Delegazzjoni u tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti, u tikkundannhom, anki in solidum, għall-kumpens tad-dannu fil-konfront tagħha stess għal ammont ta' EUR 600.000 (sittin elf).

Motivi u argumenti prinċipali

Il-kumpannija rikorrenti f'din il-kawża hija l-istess waħda bħal dik fil-Kawża T-264/09 Tecnoprocess vs Il-Kummissjoni u d-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fir-Renju tal-Marokk .

Is-suġġett tal-kawża huma l-kundizzjonijiet applikabbli għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt "EuropeAid 123511/D/SUP/NG - Supply, Installation, delivery, Comisioning and After-Sale Service of 114 27 Kva Generators to the EC Assisted Prime Project in Nigeria", intiż sabiex jiżgura l-provvista u l-installazzjoni ta' mija u erbatax-il ġeneratur ta' 27 Kva, kif ukoll it-twettiq ta' servizzi ta' assistenza ta' wara l-bejgħ, favur in-"National Authorising Officer, National Planning Commission" u, b'mod partikolari l-uffiċċji tal-awtorità msemmija li jinsabu f'sitta miż-żoni ġeografiċi prinċipali tan-Niġerja.

Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuti ma kinux diliġenti fl-istħarriġ tal-kundizzjonijiet li twettaq fihom il-kuntratt inkwistjoni, billi naqsu milli jimplementaw soluzzjoni sodisfaċenti għall-interessi tagħha fid-dawl tan-nuqqasijiet gravi li jistgħu jiġu kkonstatati fit-twettiq tiegħu.

Insostenn tat-talbiet tagħha, hija tinvoka motivi u argumenti prinċipali li jixbħu lil dawk invokati fil-Kawża T-264/09, iċċitata iktar 'il fuq.

____________

1 - ĠU C 220, 12.09.09, p. 16.