Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Settembru 2009 - Insula vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-366/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Conseil scientifique international pour le développement des îles (Insula) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: J.-D. Simonet u P. Marsal, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tiddikjara li t-talba tal-Kummissjoni li tingħata lura s-somma ta' EUR 114 996.82 hija infondata u, għaldaqstant, tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex toħroġ nota ta' kreditu għall-ammont ta' EUR 114 996.82;

tiddikjara li t-talba tal-Kummissjoni li tingħata lura s-somma ta' EUR 253 617.08 hija parzjalment fondata u, għaldaqstant, tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex toħroġ nota ta' kreditu għall-ammont ta' EUR 174 044.85;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni fis-somma ta' EUR 146 261.06;

sussidjarjament, tiddikjara li r-rikorrent għandu dritt għal kumpens ta' EUR 573 273.42;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Bir-rikors preżenti, ibbażat fuq klawżola ta' arbitraġġ, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tikkonstata n-nonkonformità tan-noti ta' debitu, li bihom il-Kummissjoni titlob, wara rapport ta' verifika tal-OLAF, il-ħlas lura tal-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija lir-rikorrent, mal-klawżoli ta' kuntratti differenti konklużi fil-kuntest ta' proġetti li jidħlu fil-qafas ta' programm speċifiku ta' riċerka u żvilupp tekonoloġiku u ta' dimostrazzjoni fuq l-Enerġija, l-Ambjent u l-Iżvilupp sostenibbli, kif ukoll tal-programm ALTENER II.

Il-motivi u l-argument prinċipali invokati mir-rikorrent huma essenzjalment identiċi għal dawk invokati fil-kuntest tal-Kawża T-246/09, Insula vs Il-Kummissjoni1.

____________

1 - ĠU 2009, C 193, p.30.