Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal administratif de Paris (Franza) fit-12 ta' Novembru 2009 - Ville de Lyon vs Caisse des dépôts et consignations

(Kawża C-524/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal administratif de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ville de Lyon

Konvenuta: Caisse des dépôts et consignations.

Domandi preliminari

Il-komunikazzjoni jew rifjut ta' komunikazzjoni ta' informazzjoni skont il-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament (KE) Nru 2216/2004, tal-21 ta' Diċembru 2004 1, hija ta' kompetenza biss tal-Amministratur Ċentrali jew ukoll tal-Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali?

Fil-każ li l-Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali jkun kompetenti, din l-informazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala "tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent" fit-tifsira tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4/KE tat-28 ta' Jannar 2003 2 li għalih "il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali" ma tistax tiġi kkontestata jew il-komunikazzjoni tiegħu huwa rregolat minn regoli speċifiċi ta' kunfidenzjalità?

Fil-każijiet fejn japplikaw regoli speċifiċi ta' kunfidenzjalità, din l-informazzjoni ma tistax tiġi kkomunikata qabel l-iskadenza ta' terminu ta' ħames snin jew dan it-terminu jikkonċerna biss il-perijodu ta' ħames snin ta' allokazzjoni ta' kwoti skont id-Direttiva 2003/87/KE tat-13 ta' Ottubru 2003 3?

Fil-każ li dan it-terminu ta' ħames snin ikun japplika, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 tal-21 ta' Diċembru 2004 jippermetti deroga minn dan it-terminu u r-rifjut mill-possibbiltà ta' deroga jista' jiġi kkontestat, abbażi ta' dan l-Artikolu, lil awtorità lokali li trid il-komunikazzjoni tal-informazzjoni sabiex tinnegozja konvenzjoni ta' delega ta' servizz pubbliku ta' tisħin urban?

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004, tal- 21 ta' Diċembru 2004, għal sistema standardizzata u sikura ta' reġistri skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 319M, p. 1)

2 - Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta' Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitlu 15, Vol. 7, p. 375)

3 - Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitlu 15, Vol. 7, p. 631).