Language of document : ECLI:EU:T:2011:6

Kawża T-362/08

IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds gGmbH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti dwar it-twettiq ta’ proġett industrijali f’żona protetta taħt id-Direttiva 92/43/KEE — Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru — Oppożizzjoni min-naħa tal-Istat Membru — Rifjut parzjali ta’ aċċess — Eċċezzjoni li tirrigwarda l-politika ekonomika ta’ Stat Membru — Artikolu 4(5) sa (7) tar-Regolament Nru 1049/2001”

Sommarju tas-sentenza

1.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1) sa (3) u (5))

2.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-interess pubbliku — Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(a) u (5))

3.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4, 9 u 11(2)

4.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Obbligu li jingħata aċċess parzjali għal data mhux koperta mill-eċċezzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1) sa (3) u (6))

1.      Fil-każ ta’ korrispondenza bejn id-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tirrifjuta aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru, minn naħa, u t-talba ta’ dan tal-aħħar bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, jirriżulta li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti li tistħarreġ, fuq talba ta’ dak li lilu tkun saret oppożizzjoni u rċieva rifjut ta’ aċċess mill-istituzzjoni mitluba, jekk dan ir-rifjut setax validament ikun ibbażat fuq l-eċċezzjonijiet indikati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u li dan ir-rifjut jirriżultax mill-evalwazzjoni tagħhom mill-istituzzjoni stess jew mill-Istat Membru kkonċernat. Isegwi li, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni ma huwiex sempliċi stħarriġ prima facie. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma żżommhiex milli twettaq stħarriġ komplet tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-istituzzjoni li għandha tosserva, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ motivazzjoni u li tiddependi mill-evalwazzjoni materjali, mill-Istat Membru kkonċernat, tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet previsti fil-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament.

L-eżerċizzju ta’ stħarriġ komplet mill-qorti tal-Unjoni tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet materjali inkwistjoni ma jimplikax neċessarjament li l-istituzzjoni, awtriċi tad-deċiżjoni, hija jew ma hijiex awtorizzata twettaq stħarriġ komplet tal-oppożizzjoni murija mill-Istat Membru bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. Anki jekk l-imsemmija istituzzjoni tirrifjuta l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru wara li tkun ikkonstatat, fuq il-bażi ta’ stħarriġ prima facie, li, skontha, il-motivi ta’ oppożizzjoni mogħtija minn dan l-Istat Membru ma kinux invokati b’mod manifestament mhux xieraq, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni ma huwiex limitat, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(5), għal stħarriġ prima facie tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet materjali msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu, peress li hija tistħarreġ l-applikabbiltà ta’ dawn l-eċċezzjonijiet fuq il-bażi tal-evalwazzjoni materjali mill-Istat Membru kkonċernat.

(ara l-punti 86‑88)

2.      F’dak li jirrigwarda l-portata tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokument mill-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet materjali msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrikonoxxut lil l-istituzzjoni, awtriċi tad-deċiżjoni, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iżvelar ta’ dokumenti li jaqgħu fl-oqsma koperti minn dawn l-eċċezzjonijiet jistax jaffettwa l-interess pubbliku. Tali marġni ta’ diskrezzjoni huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq il-fatt li tali deċiżjoni ta’ rifjut għandha natura kumplessa u delikata li titlob grad ta’ prudenza partikolari u li l-kriterji indikati fl-imsemmi Artikolu 4(1)(a) huma ġenerali ħafna.

Dan ir-raġunament huwa wkoll validu jekk, fil-każ tar-rifjut tal-istituzzjoni li tagħti aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni materjali msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi regolament tistrieħ fuq l-evalwazzjoni tal-Istat Membru. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-iżvelar ta’ dokument jaffettwax ħażin l-interessi protetti minn dawn l-eċċezzjonijiet materjali tista’ taqa’ taħt ir-responsabbiltajiet politiċi ta’ dan l-Istat Membru. F’każ bħal dan, dan l-Istat Membru għandu jiddisponi, bl-istess mod bħall-istituzzjoni, minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’.

L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu, għaldaqstant, sempliċement jivverifika l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter.

(ara l-punti 104, 105, 107)

3.      Fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokument bis-saħħa ta’ eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-motivazzjoni għandha tagħti spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni li jsir magħruf kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jaffettwa ħażin l-interess protett minn din l-eċċezzjoni. Madankollu, jista’ jkun impossibbli li jiġu indikati r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità fir-rigward ta’ dokument, kemm jekk jirrigwarda jew le dokument sensittiv fis-sens tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut ta’ dan tal-aħħar, u b’hekk, dan iċaħħad l-eċċezzjoni mill-finalità essenzjali tagħha.

In-neċessità li jastjenu milli jirreferu għal elementi li jippreġudikaw indirettament l-interessi li l-eċċezzjonijiet inkwisjtoni għandhom speċifikament l-għan li jipproteġu hija b’mod partikolari enfasizzata fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod partikolari li, meta dokument, kemm jekk ikollu jew le natura sensittiva fis-sens tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, ikun is-suġġett ta’ riferiment fir-reġistru ta’ istituzzjoni, tali riferiment għandu jsir b’mod li ma jagħmilx ħsara għall-protezzjoni tal-interessi msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punti 110‑112)

4.      L-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/200, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ma huwiex marbut b’mod indiviżibbli mal-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, għalkemm l-eżami konkret tal-eċċezzjonijiet imsemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet ċertament huwa kundizzjoni indispensabbli sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali għad-dokument, l-eżami ta’ tali possibbiltà ma jirrigwardax il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet inkwistjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-imsemmi Artikolu 4(6), għandu jiġi eżaminat jekk l-għan imfittex bir-rifjut li jingħata aċċess għal dokument jistax jintlaħaq anki fl-ipoteżi fejn jitħassru biss il-partijiet li jistgħu jaffettwaw ħażin l-interess protett.

Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiġu barra minn hekk eżaminati separatament u fi stadju tal-analiżi differenti minn dawk tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu.

(ara l-punti 147, 148)