Language of document : ECLI:EU:T:2010:152

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

21 ta’ April 2010 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva Thai Silk – Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti li tirrapreżenta għasfur – Ammissibbiltà tar-rikors – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑361/08,

Peek & Cloppenburg, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja),

van Graaf GmbH & Co. KG, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija),

irrappreżentati minn V. von Bomhard, A. Renck, T. Dolde u J. Pause, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Schäffner, bħala aġent,

konvenut,

l-intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, li ġie ammess jissostitwixxi l-Office of the Permanent Secretary, The Prime Minister’s Office, Thailand (it-Tajlandja), il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, hija

The Queen Sirikit Institute of Sericulture, Office of the Permanent Secretary, Ministry of Agriculture and Cooperatives, Thailand (it-Tajlandja), stabbilit f’Bangkok (it-Tajlandja), irrappreżentat minn A. Kockläuner, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tal-10 ta’ Ġunju 2008 (Każ R 1677/2007-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Peek & Cloppenburg u l-Office of the Permanent Secretary, The Prime Minister’s Office, Thailand,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Papasavvas u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-29 ta’ Ottubru 2004, l-Office of the Permanent Secretary, The Prime Minister’s Office, Thailand (it-Tajlanda), ippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 24 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 24: “ħarir”;

–        klassi 25: “ħwejjeġ tal-ħarir”.

4        Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 24/2005, tat-13 ta’ Ġunju 2005.

5        Fis-7 ta’ Settembru 2005, waħda miż-żewġ rikorrenti f’din il-kawża, jiġifieri Peek & Cloppenburg, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009) kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, filwaqt li allegat probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

6        L-oppiżizzjoni kienet ibbażata fuq ir-reġistrazzjoni Ġermaniża Nru 30336340 tat-trade mark figurattiva segwenti:

Image not found

7        L-applikazzjoni għal din it-trade mark kienet saret fit-18 ta’ Lulju 2003 u r-reġistrazzjoni tagħha saret fl-14 ta’ Ġunju 2004 għall-prodotti u s-servizzi segwenti li jaqgħu taħt il-klassijiet 18, 25 u 35:

–        klassi 18: “Artikli magħmula mill-ġilda, b’mod partikolari ċinturini, basktijiet, kontenituri (li jaqgħu fil-klassi 18), u artikli ornamentali magħmula mill-ġilda, b’mod partikolari portmonijiet, portafolli tal-but, portafolli taċ-ċwievet, umbrelel”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ (inklużi ħwejjeġ maħdumin mis-suf u minsuġin u artikli għall-ilblies magħmula mill-ġilda) għan-nisa, għall-irġiel u għat-tfal, b’mod partikolari ħwejjeġ għal barra, għal ġewwa, ħwejjeġ informali u għall-isport; żraben, inklużi stvali u papoċċi, ċinturini”;

–        klassi 35: “Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċċju, preżentazzjoni ta’ prodotti, distribuzzjoni ta’ kampjuni għal skopijiet ta’ reklamar, irkant ta’ prodotti u servizzi, studji tas-suq”.

8        L-oppożizzjoni kienet diretta kontra l-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark.

9        B’deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni, għaliex is-sinjali kunfliġġenti ma kinux jixxiebhu u għaliex, f’kull każ, ma kienet teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni fit-territorju Komunitarju.

10      Fis-26 ta’ Ottubru 2007, Peek & Cloppenburg appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni quddiem l-UASI.

11      Fil-15 ta’ Novembru 2007, Peek & Cloppenburg applikat quddiem id-Deutsches Patent- und Markenamt (Uffiċċju Ġermaniż għall-privattivi u għat-trade marks) għat-trasferiment tat-trade mark preċedenti lir-rikorrenti l-oħra f’din il-kawża, jiġifieri van Graaf GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem, “van Graaf”).

12      B’deċiżjoni tal-10 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. L-imsemmi bord kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni inkwantu s-sinjali inkwistjoni kienu differenti mil-lat viżiv, fonetiku u kunċettwali, b’tali mod li ma kienx meħtieġ li jitqabblu l-prodotti kkonċernati, għaliex waħda mill-kundizzjonijiet taħt l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma kinitx sodisfatta. Huwa ppreċiża li, anki jekk jingħad li jeżisti xebh bejn is-sinjali, minħabba x-xebh kunċettwali tagħhom, ir-riżultat ma jinbidilx anki jekk il-prodotti kkonċernati jitqiesu bħala identiċi, għaliex il-pubbliku rilevanti ma jiħux żball rigward l-oriġini kummerċjali tagħhom.

13      Fil-11 ta’ Awwissu 2008, id-Deutsches Patent- und Markenamt ħareġ ċertifikat li minnu jirriżulta li van Graaf kienet il-proprjetarju l-ġdid minflok Peek & Cloppenburg b’effett mis-17 ta’ Novembru 2007.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

15      L-UASI u The Queen Sirikit Institute of Sericulture, Office of the Permanent Secretary, Ministry of Agriculture and Cooperatives, Thailand, ippreżentaw ir-risposta tagħhom fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2008.

16      Fis-16 ta’ Diċembru 2008, fir-risposta tiegħu, The Queen Sirikit Institute of Sericulture, Office of the Permanent Secretary, Ministry of Agriculture and Cooperatives, Thailand, ippreżenta talba għal sostituzzjoni sabiex jintervjeni fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali minflok l-Office of the Permanent Secretary, The Prime Minister’s Office, Thailand, u bagħat, fit-8 ta’ Jannar 2009, lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, kopja tal-kuntratt ta’ ċessjoni tat-trade mark Komunitarja Thai Silk.

17      B’ittra rreġistrata mibgħuta lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Frar 2009, l-UASI indika l-kunsens tiegħu għal din it-talba għal sostituzzjoni. B’ittra rreġistrata fl-istess jum, ir-rikorrenti indikaw li ma jopponux ruħhom għaliha.

18      B’digriet tad-19 ta’ Ġunju 2009, il-Qorti Ġenerali ammettiet lil The Queen Sirikit Institute of Sericulture, Office of the Permanent Secretary, Ministry of Agriculture and Cooperatives, Thailand, sabiex jissostiwixxi lill-Office of the Permanent Secretary, The Prime Minister’s Office, Thailand, inkwantu intervenjent fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

19      B’deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2009, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiċħad ir-risposta ta’ The Queen Sirikit Institute of Sericulture, Office of the Permanent Secretary, Ministry of Agriculture and Cooperatives, Thailand, bħala inammissibbli, għaliex huwa sar intervenjent fil-kawża biss mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ġunju 2009, b’tali mod li, fid-data tal-preżentata tal-imsemmija risposta, jiġifieri fis-16 ta’ Diċembru 2008, huwa kien parti terza fil-kawża. Il-Qorti Ġenerali stiednet lill-intervenjent sabiex jippreżenta l-argumentazzjoni tiegħu rigward din il-kawża waqt is-seduta.

20      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Lulju 2009, The Queen Sirikit Institute of Sericulture, Office of the Permanent Secretary, Ministry of Agriculture and Cooperatives, Thailand, ippreżenta mill-ġdid ir-risposta tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2008, kif ukoll l-annessi tagħha, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni f’din il-proċedura, u dan sabiex jitħares b’mod effettiv id-dritt tiegħu għal smigħ.

21      Il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, wara li ra ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li jaċċetta l-imsemmi dokument u li jagħti lill-partijiet l-oħra l-possibbiltà li jesprimu ruħhom waqt is-seduta.

22      Ir-rikorrenti, Peek & Cloppenburg kif ukoll van Graaf, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

23      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors ta’ van Graaf bħala inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors ta’ Peek & Cloppenburg bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

24      L-intervenjent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Ottubru 2009.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 Argumenti tal-partijiet

26      Ir-rikorrenti jippreċiżaw li, għal raġunijiet ta’ proċedura u bħala prekawzjoni, ir-rikors ġie ppreżentat minn Peek & Cloppenburg, inkwantu parti formalment leża fis-sens tal-Artikolu 63(4) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(4) tar-Regolament Nru 207/2009), u minn van Graaf, inkwantu parti effettivament leża. Huma jitolbu wkoll li jiġu informati b’kull deċiżjoni eventwali tal-Qorti Ġenerali fejn jingħad li waħda biss fosthom għandha locus standi.

27      Filwaqt li jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 63(4) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI josserva li Peek & Cloppenburg kienet parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, b’tali mod li hija biss għandha dritt għal rikors. Huwa minnu li t-trade mark ġiet ċeduta lil van Graaf u li din tinsab effettivament leża mid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, hija l-kwalità formali ta’ parti fil-proċedura ta’ rikors li hija determinanti għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni. Peress li van Graaf qatt ma kienet parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, hija ma għandhiex locus standi.

28      Skont l-UASI, li jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, van Graaf tista’ tintervjeni minflok Peek & Cloppenburg, minħabba ċ-ċessjoni tat-trade mark preċedenti, taħt il-kundizzjoni li hija titlob li tidħol fid-drittijiet ta’ din tal-aħħar u li l-Qorti Ġenerali tawtorizza dan fil-kuntest ta’ digriet. Madankollu, van Graaf ma ppreżentat l-ebda talba f’dan is-sens.

29      L-intervenjent jallega li r-rikors huwa inammissibli, għaliex minn naħa, Peek & Cloppenburg ma għadhiex proprjetarja tat-trade mark b’effett mis-17 ta’ Novembru 2007, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tikkawżalha dannu fis-sens tal-artikolu 63(4) tar-Regolament Nru 40/94, u min-naħa l-oħra, għaliex van Graaf ma kinitx parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u ma intervenietx f’dawn il-proċedimenti minkejja li hija saret proprjetarja tat-trade mark preċedenti ftit wara l-preżentazzjoni tal-appell quddiem il-bord tal-appell. Għaldaqstant l-ebda waħda miż-żewġ rikorrenti ma għandha locus standi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

30      L-Artikolu 63(4) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li r-rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell huwa “miftuħ[…] għal kull parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ Appell li tkun intlaqtet b’mod żvantaġġuż mid-deċiżjoni”.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, f’kawża li fiha ċ-ċessjoni ta’ trade mark tkun seħħet wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, iżda qabel il-preżentazzjoni tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, ġie deċiż li, skont l-Artikolu 63(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-proprjetarji l-ġodda ta’ trade mark preċedenti jistgħu jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u għandhom jiġu ammessi bħala partijiet fil-proċedura, ladarba jkunu pprovaw li huma intitolati għad-dritt invokat quddiem l-UASI. [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ġunju 2005, Canali Irelandvs UASI – Canal Jean (CANAL JEAN CO. NEW YORK), T‑301/03, Ġabra p. II‑2479, punt 19].

32      Għandu wkoll jiġi osservat li, f’din il-kawża li tat lok għas-sentenza CANAL JEAN CO. NEW YORK, punt 31 iktar ’il fuq, peress li l-proprjetarju l-ġdid tat-trade mark ipproduċa l-prova taċ-ċessjoni tal-imsemmija trade mark u peress li l-UASI rreġistra din iċ-ċessjoni wara l-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, dan il-proprjetarju l-ġdid kien sar parti fil-proċedimenti quddiem l-UASI (punt 20).

33      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, b’ittra tal-15 ta’ Novembru 2007, Peek & Cloppenburg talbet lid-Deutsches Patent- und Markenamt iċ-ċessjoni ta’ diversi trade marks, fosthom it-trade mark preċedenti, lil van Graaf u li d-Deutsches Patent- und Markenamt ħareġ, fil-11 ta’ Awwissu 2008, lir-rappreżentant ta’ din tal-aħħar ċertifikat li jistabbilixxi ċ-ċessjoni favoriha ta’ din it-trade mark b’effett mis-17 ta’ Novembru 2007, b’tali mod li van Graaf saret il-parti fil-proċedimenti quddiem l-UASI fis-sens tal-Artikolu 63(4) tar-Regolament Nru 40/94 [ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Diċembru 2007, Xentral vs UASI – Pages jaunes (PAGESJAUNES.COM), T‑134/06, Ġabra. p. II‑5213].

34      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-fatt li ċ-ċessjoni tat-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata b’mod uffiċjali mid-Deutsches Patent- und Markenamt u mhux mill-UASI, għaliex it-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata fil-Ġermanja u għaliex ma ġiex ikkontestat il-fatt li din it-trade mark ġiet ċeduta lil van Graaf.

35      Għaldaqstant ir-rikors huwa ammissibbli f’dak li jirrigwarda van Graaf.

36      Peress li dan huwa rikors wieħed, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi ta’ Peek & Cloppenburg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta´ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 31, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2003, Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, T‑374/00, Ġabra p. II-2275, punt 57, u tad-9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il-Kummissjoni, T‑282/06, Ġabra p. II‑2149, punt 50).

37      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq, jirriżulta li r-rikors għandu jiġi ddikjarat bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

38      Ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Argumenti tal-partijiet

39      Ir-rikorrenti jallegaw li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u li jaqgħu taħt il-klassi 25 huma identiċi għal dawk koperti mit-trade mark preċedenti. Fir-rigward tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, u li jaqgħu taħt il-klassi 24, u dawk koperti mit-trade mark preċedenti li jaqgħu taħt il-klassi 25, jeżisti xebh peress li l-ħwejjeġ kif ukoll il-ħarir jagħmlu parti mill-kategorija tat-tessuti. Barra minn hekk, peress li l-ħwejjeġ jservu għall-ilbies kif ukoll peress li l-ħarir jiġi użat fil-kompożizzjoni tagħhom u jservi għall-produzzjoni tagħhom, dawn il-prodotti huma f’kompetizzjoni bejniethom. Il-kanali ta’ distribuzzjoni u l-postijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni huma wkoll, ta’ spiss, identiċi.

40      Ir-rikorrenti jsostnu li, fuq il-livell viżiv, is-sinjali inkwistjoni jixxiebhu ħafna, għaliex huma ddominati mill-istampa ta’ pagun, b’tali mod li d-differenzi minimi bejn l-imsemmija sinjali fir-rappreżentazzjoni tal-paguni u fl-elementi sekondarji mhumiex biżżejjed sabiex iwasslu lill-konsumatur għal perċezzjoni differenti ta’ dawn is-sinjali. Huma jallegaw li mhuwiex realistiku u ma jagħmilx sens li, kif għamel il-Bord tal-Appell, wieħed iqis li huwa impossibbli li “l-elementi figurattivi rispettivi jiġu assoċjati ma’ speċi annimali speċifika”. Huma jqisu, bil-kontra, li konsumatur medju jagħraf fis-sinjali inkwistjoni r-rappreżentazzjoni ta’ pagun, li ma għandu l-ebda karattru deskrittiv għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 24 u 25, u b’hekk jiġbed l-attenzjoni tal-imsemmi konsumatur. Barra minn hekk, l-elementi li huma differenti bejn iż-żewġ sinjali, jiġifieri l-qafas, il-linja u l-kuluri, huma tant sekondarji li ma jneħħux l-attenzjoni tal-konsumatur medju mill-elementi dominanti komuni. Barra minn hekk, l-espressjoni “thai silk” tiddeskrivi l-ħarir u l-ilbies fir-rigward tal-konsumatur Ġermaniż, li jifhem perfettament it-tifsira tagħha, u għaldaqstant ma għandhiex effett fuq il-perċezzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

41      Skont ir-rikorrenti, bosta sentenzi tal-Qorti Ġenerali kkonstataw l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba elementi viżivi li jixxiebhu, minkejja li wieħed mis-sinjali li jiġu mqabbla jinkludi wkoll element verbali, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-karattru iktar distintiv tas-sinjal l-ieħor.

42      Ir-rikorrenti jżidu li, fuq il-livell fonetiku, is-sinjali inkwistjoni jew jixxiebhu ħafna, jew inkella ma jistgħux jitqabblu u li, fuq il-livell kunċettwali, huma jixxiebhu ħafna, jew inkella huma identiċi.

43      Huma jikkonkludu li, fis-suq Ġermaniż, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti, li huwa magħmul minn konsumaturi informati normalment u raġonevolment attenti u prudenti. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa, il-konsumatur jiftakar immaġni imperfetta tat-trade marks u, min-naħa l-oħra, li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv intrinsiku għoli. It-tqabbil viżiv tat-trade marks huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni li jinbiegħu ġeneralment fi ħwienet b’self-service.

44      L-UASI u l-intervenjent jitlobu li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

45      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, meta ssir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tintlaqa’ jekk “minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”.

46      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, “trade marks preċedenti” tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

47      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI – Terumo (CAPIO), T‑325/06, Ġabra p. II-174, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 29, tad-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 17].

48      Barra minn hekk, il-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku għandha tiġi evalwata b’mod ġlobali billi jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza CAPIO, punt 47 iktar ’il fuq, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 22, u tat-22 ta’ Ġunju 2000, Marca Mode, C‑425/98, Ġabra p. I‑4861, punt 40).

49      Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċe versa [is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, Ġabra p. I‑7333, punt 48, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 25]. L-interdipendenza bejn dawn il-fatturi hija espressa fis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94, li tistipula li l-kunċett ta’ xebh għandu jiġi interpretat fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-evalwazzjoni tagħha tiddependi minn bosta fatturi, b’mod partikolari, kemm it-trade mark hija magħrufa fis-suq, l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bejn it-trade mark u s-sinjal użat jew irreġistrat, il-livell tax-xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti (ara s-sentenza CAPIO, punt 47 iktar ’il fuq, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni globali għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Fil-fatt, jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li jipprovdi li “teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku”, li l-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tat-tip ta’ prodott jew servizz inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Issa, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala ħaġa sħiħa u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza CAPIO, punt 47 iktar ’il fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi SABEL, punt 24 iktar ’il fuq, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 47 iktar ’il fuq, punt 25).

51      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa preżunt li huwa normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-konsumatur medju rari jkollu l-possibbiltà jqabbel direttament diversi trade marks, iżda jrid jafda fl-immaġni imperfetta tagħhom li huwa jiftakar. Għandu wkoll jiġi kkunsidrat il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties), T‑104/01, Ġabra p. II‑4359, punt 28, u tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESELIT), T‑186/02, Ġabra p. II‑1887, punt 38; ara, b’analoġija, is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 47 iċċitata iktar ’il fuq, punt 26].

52      F’dan il-każ, mill-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, minn naħa, li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni l-pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż, ladarba t-trade mark preċedenti hija trade mark Ġermaniża u, min-naħa l-oħra, li l-pubbliku rilevanti li tiegħu għandha tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni huwa dak magħmul mill-konsumatur medju li jitkellem bil-Ġermaniż, li huwa mistenni li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. Din il-premessa, li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, għandha tiġi aċċettata.

53      Huwa minnu li l-intervenjent jallega li l-pubbliku kkonċernat huwa pubbliku b’livell għoli ta’ attenzjoni.

54      Madankollu, fir-rigward ta’ prodotti bħal dawk inkwistjoni li huma ta’ konsum regolari, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell kellu raġun jikkunsidra li l-pubbliku kkonċernat kien magħmul mill-konsumatur medju informat normalment u raġonevolment attent u prudenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2005, Bunker & BKR vs UASI – Marine Stock (B.K.R.), T‑423/04, Ġabra p. II‑4035, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq ix-xebh tas-sinjali

55      Fl-ewwel lok, fir-rigward tax-xebh fuq il-livell viżiv, il-Bord tal-Appell kellu raġun jikkonstata, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali inkwistjoni kienu differenti mil-lat viżiv.

56      Fil-fatt, huwa minnu li ż-żewġ sinjali huma komposti minn element li jirrappreżenta annimal. B’hekk, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija komposta minn annimal li huwa meqjus li jirrappreżenta b’mod stilizzat pagun li jidher mill-profil f’pożizzjoni wieqfa dirett lejn il-lemin, b’saqajh ma jidhrux u denbu twil donnu mgħotti b’tikek ikkuluriti. Dan l-element huwa ta’ kulur blu u jinsab fin-nofs ta’ ċirku li huwa wkoll ta’ kulur blu, u taħtu tidher l-espressjoni “thai silk”. Min-naħa l-oħra, it-trade mark preċedenti hija komposta minn element li wkoll jirrappreżenta għasfur, li jidher mill-profil f’pożizzjoni wieqfa dirett lejn il-lemin, li ma jintgħarafx immedjatament bħala pagun, inkwantu r-rappreżentazzjoni hija skematika. Dan l-għasfur għandu għalla, saqajn impinġija skematikament u denb li donnu mgħotti bi qxur. Madankollu, anki jekk parti mill-pubbliku kkonċernat setgħet tipperċepixxi f’dan l-element figurattiv ir-rappreżentazzjoni ta’ pagun, din tant hija mbiegħda mir-rappreżentazzjoni stilizzata ta’ dan l-annimal fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni li l-imsemmi pubbliku jipperċepihom b’mod differenti mil-lat viżiv.

57      Kif osserva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi fatt li ż-żewġ rappreżentazzjonijiet huma mdawra lejn il-lemin ma jistax inissel xebh viżiv bejn is-sinjali kunfliġġenti.

58      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tqabbil fuq il-livell fonetiku, għandu jiġi mfakkar li, fis-sens strett tal-kelma, ir-riproduzzjoni fonetika ta’ sinjal kumpless tikkorrispondi għal dik tal-elementi verbali kollha tiegħu, indipendentement min-natura grafika speċifika tagħhom, li taqa’ iktar taħt l-analiżi tas-sinjal fuq il-livell viżiv [s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Mejju 2005, Creative Technology vs UASI – Vila Ortiz (PC WORKS), T‑352/02, Ġabra p. II‑1745, punt 42).

59      F’dan ir-rigward, kif osserva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li s-sinjali inkwistjoni huma wkoll differenti. Fil-fatt, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija komposta mill-element verbali “thai silk”, li ma jidhirx fit-trade mark preċedenti. Sakemm il-pubbliku kkonċernat juża dan l-element verbali sabiex jirreferi għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, ma jeżisti l-ebda xebh fonetiku li jista’, jekk ikun il-każ, ikun ġej mill-fatt li l-imsemmi pubbliku jidentifika l-istess annimal fiż-żewġ sinjali. Fil-fatt, ma jistax jiġi maħsub li l-pubbliku kkonċernat jirreferi għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni mingħajr ma jippronunzja l-element verbali ta’ din it-trade mark, iżda t-terminu Ġermaniż li jikkorrispondi għall-annimal irrappreżentat fl-element figurattiv tagħha, li madankollu huwa kemmxejn impreċiż, għaliex ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmi pubbliku ma jagħrafx direttament pagun f’dan l-element figurattiv.

60      Anki jekk jingħad li l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jista’ jitqies bħala deskrittiv, kif jallegaw ir-rikorrenti, jibqa’ l-fatt li l-pubbliku kkonċernat, x’ħin jiġi biex jirreferi għall-imsemmija trade mark, jippronunzja esklużivament l-element verbali ta’ din it-trade mark u mhux it-terminu korrispondenti għall-annimal irrappreżentat fl-element figurattiv tagħha, sa fejn din il-korrispondenza hija, minna nfisha, indiretta kif ukoll, f’dan il-każ, inċerta fir-rigward tal-imsemmi terminu, u dan minkejja l-ġurisprudenza, invokata mir-rikorrenti, li tipprovdi li l-pubbliku ma jikkunsidrax element deskrittiv li jagħmel parti minn trade mark kumplessa bħala element distintiv u dominanti tal-impressjoni ġenerali mogħtija minn din it-trade mark [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2008, NewSoft Technology vs UASI – Soft (Presto! Bizcard Reader) T‑205/06, Ġabra p.  II-78, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata].

61      Fit-tielet lok, fir-rigward tat-tqabbil fuq il-livell kunċettwali, huwa minnu li, kif osserva l-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex ikun hemm xebh, il-pubbliku kkonċernat għandu jipperċepixxi direttament iż-żewġ rappreżentazzjonijiet bħala r-rappreżentazzjoni ta’ pagun. Huwa wkoll minnu li din l-ipoteżi ma tistax tiġi kkonfermata, għaliex iż-żewġ rappreżentazzjonijiet ma jixxiebhux.

62      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li parti mill-pubbliku kkonċernat tagħraf pagun fiż-żewġ elementi figurattivi, u dan jista’ jwassal għal ċertu xebh kunċettwali bejn is-sinjali kunfliġġenti. Fil-fatt, it-trade mark preċedenti, minkejja li mpinġija b’mod skematiku, tirriproduċi x’uħud mill-attributi tal-pagun, jiġifieri l-għalla u d-denb twil. Fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, toqrob b’mod dirett għal rappreżentazzjoni ta’ pagun minħabba l-preżenza tat-tikek ikkuluriti u l-qagħda ġenerali.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li x-xebh kunċettwali jirriżulta mill-fatt li żewġ trade marks jużaw immaġni li jaqblu bejniethom fil-kontenut semantiku tagħhom (is-sentenza SABEL, punt 48 iktar ’il fuq, punt 24). B’dan il-mod, meta jitqies li l-pubbliku kkonċernat jista’ jasal biex jipperċepixxi pagun fis-sinjali kunfliġġenti, dawn tal-aħħar jużaw immaġni li jaqblu fil-kontenut kunċettwali tagħhom, fis-sens li tali immaġni jissuġġerixxu jew jittrażmettu lill-imsemmi pubbliku idea ta’ sbuħija jew ta’ eleganza tal-prodotti kkonċernati, li tradizzjonalment hija attribwita lill-pagun.

64      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali xebh kunċettwali għandu jitqies bħala baxx minħabba l-fatt li huwa b’mod indirett li s-sinjali kunfliġġenti jissuġġerixxu jew jittrażmettu lill-pubbliku kkonċernat l-istess kontenut kunċettwali.

65      B’mod konformi ma’ dan, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkonkluda, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx jeżisti xebh kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni. Madankollu għandu jiġi osservat li din il-konstatazzjoni ma tistax, f’dan l-istadju, tirriżulta fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex il-Bord tal-Appell, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, meta kkunsidra l-eżistenza ta’ xebh kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni, eżamina wkoll l-eżistenza ta’ eventwali probabbiltà ta’ konfużjoni.

 Fuq ix-xebh tal-prodotti

66      Kif jirriżulta mill-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti li jaqgħu taħt il-klassi 25, jiġifieri l-ħwejjeġ, jinkludu dawk koperti mit-trade mark figurattiva Thai Silk li jaqgħu taħt il-klassijiet 24 u 25, jiġifieri, rispettivament, il-ħarir u l-ħwejjeġ mill-ħarir.

67      Minn dan jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala identiċi, b’tali mod li l-argument tal-intervenjent li l-ħwejjeġ u l-ħarir mhumiex identiċi ma jistax jintlaqa’.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

68      Minkejja li l-prodotti inkwistjoni huma identiċi u minkejja l-eżistenza ta’ xebh kunċettwali baxx bejn is-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell kellu raġun jikkonkludi li l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade marks inkwistjoni ma setgħetx toħloq probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku kkonċernat.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li ma jistax jiġi eskluż li x-xebh kunċettwali li jirriżulta mill-fatt li żewġ trade marks jużaw immaġni li jaqblu bejniethom fil-kontenut semantiku tagħhom jista’ joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ fejn it-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv partikolari, sew intrinsiku, sew minħabba l-fama li hija għandha fost il-pubbliku. Madankollu, fil-każ li t-trade mark ma jkollhiex fama partikolari u tikkonsisti f’immaġni li ma tippreżentax ħafna elementi immaġinarji, is-sempliċi xebh kunċettwali bejn it-trade marks mhuwiex biżżejjed sabiex joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni (ara s-sentenza SABEL, punt 48 iktar ’il fuq, punti 24 u 25).

70      Għandu jiġi kkonstatat li bl-ebda mod ma jirriżulta, mill-proċess jew mill-argumenti tar-rikorrenti, li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv partikolari, sew intrinsiku, sew minħabba allegata fama.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, l-aspetti viżivi, fonetiċi jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti ma għandhomx dejjem l-istess piż. Għandhom jiġu analizzati l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom it-trade marks jistgħu jiġu ppreżentati fis-suq. L-importanza tal-elementi ta’ xebh jew ta’ differenza tista’ tiddependi, b’mod partikolari, fuq il-karatteristiċi intrinsiċi ta’ dawn tal-aħħar jew fuq il-kundizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade marks kunfliġġenti. Jekk il-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni normalment jinbiegħu fil-ħwienet b’self-service fejn il-konsumatur jagħżel huwa stess il-prodott u għandu, għaldaqstant, joqgħod prinċipalment fuq l-immaġni tat-trade mark applikata fuq dan il-prodott, xebh viżiv tas-sinjali jkun, bħala regola ġenerali, ta’ importanza ħafna ikbar. Jekk, min-naħa l-oħra, il-prodott kopert jinbiegħ l-iktar b’mod orali, normalment jiġi attribwit iktar piż lix-xebh fonetiku tas-sinjali. [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2004, New Look vs UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T‑117/03 sa T‑119/03 u T‑171/03, Ġabra. p. II‑3471, punt 49].

72      Fid-dawl tal-prodotti kkonċernati u tal-mod ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li x-xebh viżiv u fonetiku tas-sinjali inkwistjoni, li huwa, f’dan il-każ, l-iktar importanti, ma jeżistix.

73      Għalhekk, id-differenzi viżivi u fonetiċi kkonstatati huma tali li jinnewtralizzaw ix-xebh kunċettwali baxx. Fil-fatt, quddiem iż-żewġ sinjali inkwistjoni, huwa assolutament eskluż li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jistabbilixxi rabta bejniethom li toħloq probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħu u li ġġiegħlu jemmen li l-prodotti kkonċernati ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi li huma marbuta ekonomikament. Barra minn hekk, anki jekk il-produtturi ta’ ħwejjeġ xi drabi joħolqu diversi linji ta’ prodotti, huwa assolutament improbabbli, kif osserva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li quddiem iż-żewġ sinjali inkwistjoni l-pubbliku kkonċernat jista’ jemmen li huma varjanti tal-istess trade mark jew ta’ sub-trade marks tal-istess produttur.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għanu jiġi miċħud l-uniku motiv u, għaldaqstant, ir-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

75      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Peek & Cloppenburg kif ukoll Van Graaf tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Peek & Cloppenburg kif ukoll van Graaf GmbH & Co. KG huma kkundannati għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ April 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.