Language of document : ECLI:EU:C:2009:665

Kawża C-29/08

Skatteverket

vs

AB SKF

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Regeringsrätten)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikoli 2, 4, 13(B)(d)(5) u 17 — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 2, 9, 135(1)(f) u 168 — Trasferiment minn kumpannija parent ta’ sussidjarja u tal-holding tagħha f’kumpannija kkontrollata — Kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT — Eżenzjoni — Provvisti ta’ servizzi miksuba fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ ishma — Possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill‑bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Attivitajiet ekonomiċi fis-sens tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva — Kunċett

(Direttivi tal-Kunsill 77/388, Artikoli 2(1), 4(1) u (2), u 2006/112, Artikoli 2(1) u 9(1))

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill‑bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva — Tranżazzjonijiet relatati ma’ holdings imsemmija fl‑Artikolu 13(B)(d)(5)

(Direttivi tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13(B)(d)(5) u 2006/112, Artikolu 135(1)(f))

3.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill‑bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tnaqqis tat-taxxa tal‑input imħallsa

(Direttivi tal-Kunsill 77/388, Artikolu 17(1) u (2), u 2006/112, Artikolu 168)

1.        L-Artikoli 2(1) u 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, fuq l‑armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill‑bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7, kif ukoll l‑Artikoli 2(1) u 9(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li trasferiment, minn kumpannija parent, tal-ishma kollha ta’ kumpannija li hija 100 % proprjetà tagħha kif ukoll tal-bqija tal-holding tagħha f’kumpannija kkontrollata li preċedentement kienet 100 % proprjetà tagħha, u li lilhom hija kienet ukoll ipprovdiet servizzi suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud, jikkostitwixxi attività ekonomika li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi.

Fil-fatt, permezz tat-trasferiment tal-ishma kollha li hija għandha f’sussidjarja u f’kumpannija kkontrollata, kumpannija parent ittemm il‑holding tagħha f’dawn il-kumpanniji. Meta din il-kumpannija parent, fil‑kapaċità tagħha bħala kumpannija parent ta’ grupp industrijali, involviet ruħha fil-ġestjoni ta’ din is-sussidjarja u ta’ din il-kumpannija kkontrollata billi pprovditilhom, bi ħlas, diversi provvisti ta’ servizzi ta’ natura amministrattiva, ta’ kontabbiltà u ta’ natura kummerċjali, li għalihom hija kienet suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud, l-imsemmi trasferiment, magħmul bil-għan li l-imsemmija kumpannija parent tirristruttura grupp ta’ kumpanniji, jista’ jiġi kkunsidrat bħala tranżazzjoni li tinvolvi l-ġbir ta’ dħul ta’ natura permanenti minn attivitajiet li jmorru lil hinn mill-kuntest tas-sempliċi bejgħ ta’ ishma. Din it-tranżazzjoni għandha rabta diretta mal‑organizzazzjoni tal-attività tal-grupp u b’hekk tikkostitwixxi l‑estensjoni diretta, permanenti u neċessarja tal-attività taxxabbli tal‑persuna taxxabbli. B’hekk, tali tranżazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

Madankollu, sa fejn it-trasferiment ta’ ishma huwa assimilabbli għat‑trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom ta’ impriża, fis-sens tal‑Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva, kif emendata bid-Direttiva 95/7 jew tal‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/112 u sakemm l‑Istat Membru kkonċernat ikun għażel il-possibbiltà prevista f’dawn id‑dispożizzjonijiet, din it-tranżazzjoni ma tikkostitwixxix attività ekonomika suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

Il-fatt li t-trasferiment ta’ ishma jiżvolġi f’numru ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi ma jaffetwax dawn il-konklużjonijiet.

(ara l-punti 32, 33, 41 u d-dispożittiv 1, 4)

2.        Trasferiment, minn kumpannija parent, tal-ishma kollha ta’ kumpannija li hija 100 % proprjetà tagħha kif ukoll tal-bqija tal-holding tagħha f’kumpannija kkontrollata li preċedentement kienet 100 % proprjetà tagħha, u li lilhom hija kienet ukoll ipprovdiet servizzi suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi eżentat minn din it-taxxa skont l‑Artikolu 13(B)(d)(5) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal‑liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 95/7, kif ukoll skont l-Artikolu 135(1)(f) tad‑Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

Fil-fatt, il-kliem “transazzjonijiet […f’]debentures [holdings]” fis-sens ta’ dawn id-dipożizzjonijiet jirrigwarda, għalhekk, tranżazzjonijiet li jistgħu joħolqu, ibiddlu jew jestingwu d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fuq titoli, ħlief fir-rigward tas-servizzi ta’ natura amministrattiva, materjali jew teknika kif ukoll tal-attivitajiet ta’ informazzjoni finanzjarja li ma jbiddlux is-sitwazzjoni ġuridika u finanzjarja bejn il-partijiet. Peress li bejgħ ta’ ishma jbiddel is-sitwazzjoni ġuridika u finanzjarja tal-partijiet fit‑tranżazzjoni, dan huwa għaldaqstant kopert, sa fejn jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, mill-eżenzjoni prevista fid‑dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

Il-fatt li t-trasferiment ta’ ishma jiżvolġi f’numru ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi ma jaffetwax dawn il-konklużjonijiet.

(ara l-punti 48‑50, 53, u d-dispożittiv 2, 4)

3.        Id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud imħallsa fuq il‑provvisti ta’ servizzi magħmula għall-ħtiġijiet ta’ trasferiment, minn kumpannija parent, tal-ishma kollha ta’ kumpannija li hija 100 % proprjetà tagħha kif ukoll tal-bqija tal-holding tagħha f’kumpannija kkontrollata li preċedentement kienet 100 % proprjetà tagħha, huwa disponibbli, taħt l‑Artikolu 17(1) u (2) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal‑liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 95/7, kif ukoll taħt l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112, jekk teżisti rabta diretta u immedjata bejn l-ispejjeż marbuta mal-provvisti tal-input ta’ servizzi u l-attivitajiet ekonomiċi kollha tal-persuna taxxabbli.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom jiżvolġu t-tranżazzjonijiet inkwistjoni, jekk l‑ispejjeż sostnuti jistgħux jiġu inklużi fil-prezz tal-ishma mibjugħa jew jekk jagħmlux sempliċement parti mill-elementi li jikkostitwixxu l-prezz tat-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt l-attivitajiet ekonomiċi tal-persuna taxxabbli.

Il-fatt li t-trasferiment ta’ ishma jiżvolġi f’numru ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi ma jaffettwax dawn il-konklużjonijiet.

(ara l-punt 73, u d-dispożittiv 3, 4)