Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vredegerecht te Antwerpen (il-Belġju) fit-30 ta’ Mejju 2018 – Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen (NMBS) vs Larissa Nijs

(Kawża C-349/18)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Vredegerecht te Antwerpen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen (NMBS)

Konvenuta: Larissa Nijs

Domandi preliminari

L-Artikolu 9(4) tar-[Regolament (KE) Nru 1371/2007] 1 tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji, moqri flimkien mal-Artikolu 2(a) u mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 2 , għandu jiġi interpretat fis-sens li dejjem tinħoloq relazzjoni ġuridika kuntrattwali bejn il-kumpannija tat-trasport u l-passiġġier, anki meta l-passiġġier jagħmel użu mis-servizzi tat-trasportatur mingħajr ma jikseb biljett?

Fil-każ li r-risposta li ngħatat għad-domanda preċedenti hija fin-negattiv, il-protezzjoni mogħtija permezz tat-teorija tal-klawżoli inġusti testendi wkoll għall-passiġġier li jagħmel użu mit-trasport pubbliku mingħajr ma jkun kiseb biljett u li, meta jagħmel dan, huwa obbligat li minbarra l-ispiża tat-trasport jagħmel ħlas addizzjonali, konformement mal-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasportatur, li huma meqjusa bħala applikabbli b’mod ġenerali fuq il-bażi tan-natura tagħhom ta’ regolament jew minħabba l-pubblikazzjoni tagħhom f’pubblikazzjoni uffiċjali tal-Istat?

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, li jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti” jipprekludi lill-qorti, fil-każijiet kollha, milli timmodera l-klawżola meqjusa bħala inġusta jew milli tapplika l-liġi ordinarja minflok?

Fil-każ li r-risposta li ngħatat għad-domanda preċedenti hija fin-negattiv, liema huma ċ-ċirkustanzi li fihom il-qorti nazzjonali tista’ tipproċedi sabiex timmodera l-klawżola meqjusa bħala inġusta jew tissostitwixxiha b’liġi ordinarja?

Fil-każ li d-domandi preċedenti ma jistgħux jingħataw risposta in abstracto, tqum il-kwistjoni jekk, fil-każ li, wara li tkun qabdet fil-fatt passiġġier li ma jkunx ħallas il-biljett, il-kumpannija ferrovjarja nazzjonali tissanzjonah ċivilment billi timponi ħlas addizzjonali, kemm jekk minbarra l-ispiża tat-trasport jew le, u fejn il-qorti tikkonstata li dan il-ħlas addizzjonali impost huwa inġust fis-sens tal-Artikolu 2(a) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, l-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva jipprekludi lill-qorti milli tannulla l-klawżola u tapplika l-liġi ordinarja dwar ir-responsabbiltà sabiex tikkumpensa lil din il-kumpannija ferrovjarja nazzjonali għad-dannu li sostniet?

____________

1     ĠU 2007, L 315, p. 14.

2     Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).