Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ April 2024 – Caronte&Tourist Isole Minori vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-208/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Caronte&Tourist Isole Minori SpA (Messina, l-Italja) (rappreżentant: M. Maćešić, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2024) 1065 final tal-14 ta’ Frar 2024, sa fejn tirrifjuta aċċess għal dokumenti nri. 2,5, 7 u 9 billi tinvoka l-eċċezzjonijiet imniżżla fit-tieni u fit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar- Regolament (KE) Nru 1049/2001 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u tagħti aċċess għad-dokumenti mitluba, bl-eċċezzjoni tad-data dwar il-protezzjoni tal-privatezza u l-integrità tal-individwu;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta applikat it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001.

Huwa allegat li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li, meta ġie miċħud l-aċċess għad-dokumenti, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet ma jistax jiġi invokat meta waħda mill-partijiet fil-proċedimenti nazzjonali jkun Stat Membru, għaliex ikun fatt formali inkontestabbli li l-Istat jippromulga l-liġi, jeżegwixxi l-liġijiet u l-proċessi dwar il-liġijiet. L-iskop tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet ikun biex joħloq kundizzjonijiet ekwi bejn żewġ suġġetti li qiegħdin jipparteċipaw f’proċedura ċivili. Minn dan isegwi, bħala formalità, li meta Stat Membru jkun parti għall-proċedimenti, li dejjem hemm żbilanċ favur l-Istat Membru.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta applikat it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001.

Il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-motiv ta’ fiduċja u kooperazzjoni reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-proċess ta’ konsultazzjonijiet filwaqt li tadotta l-Att nazzjonali l-ġdid tat-Trasport Marittimu tal-Liner (li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92) 1 billi dan l-argument imur kontra l-kawża Schlyter2 , jiġifieri li l-atmosfera ta’ fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru ma tistax tipprevali fuq il-prinċipju ta’ trasparenza fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida.

L-iżvelar tad-dokumenti mitluba jidher li ma jimminax l-iskop tal-Proċedura Pilota tal-UE (inizzjat mir-rikorrenti) għaliex ir-rikorrenti preċedentement irċeviet ittra ta’ qabel l-għeluq mid-DG Mobbiltà u Trasport, li minnha huwa evidenti li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tibdix proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar punti relatati mal-kwistjonijiet tar-reġim leġiżlattiv ta’ qabel li jinsabu fid-dokumenti mitluba.

Id-DG Mobbiltà u Trasport (li jimmaniġġja l-Proċedura Pilota tal-UE) kien diġà familjari mal-kummenti tal-abbozz tal-Att il-ġdid tat-Trasport Marittimu tal-Liner (li jimplimenta l-imsemmi Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92), għaliex ipparteċipa b’mod attiv fil-proċess tal-adozzjoni tal-Att il-ġdid billi wettaq evalwazzjoni bir-reqqa.

It-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tiddetermina l-eżistenza ta’ interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar.

Il-Kummissjoni naqset milli tosserva d-dmir ta’ motivazzjoni għall-assenza ta’ interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar, kif kien stabbilit fil-kawża Turco1 għaliex aċċertat biss li jkun irrilevanti jekk ir-riżultat tal-proċeduri nazzjonali għal kumpens għad-dannu għal ksur tad-dritt tal-UE kontra l-Istat Membu kien ikollu effett pubbliku.

Hemm interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar f’din il-ħaġa minħabba l-fatt li s-suq tal-kabotaġġ marittimu Kroat ikun parti tas-suq intern tal-UE u li l-Att il-ġdid dwar Trasport Marittimu tal-Liner (li jimplimenta l-imsemmi Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92) huwa, ratione personae, applikabbli għas-sidien tal-vapuri minn Stati Membri oħra wkoll. Barra minn hekk, ratione materiae, l-Att il-ġdid dwar it-Trasport Marittimu tal-Liner li jimplimenta l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ta’ kabotaġġ marittimu (waħda mill-libertajiet fundamentali) li jaffettwa d-drittijiet tas-sid tal-vapur li jwettaq liberament servizzi ta’ kabotaġġ marittimu, li fir-rigward tiegħu tipprevali t-trasparenza.

____________

1     (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

1     Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu)

(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10).

1     Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ April 2015, Carl Schlyter vs Il-Kummissjoni (T-402, EU:T:2015:209).

1     Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, Kingdom of Sweden u Maurizio Turco vs Il-Kunsill (kawżi magħquda C-39/05 P u C-52/05 P, EU:C:2008:374).