Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ April 2024 – Smart Kid vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-227/24)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Smart Kid S.A. (Varsavja, il-Polonja) (rappreżentanti: Z. Kiedacz, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2024)1118 tal-15 ta’ Frar 2024, adottata fil-kawża eżaminata mill-Kummissjoni Ewropea, bir-referenza EASE 2023/2923, li tirrifjuta parzjalment l-aċċess għad-dokumenti pubbliċi wara li saret talba għal aċċess minn Smart Kid fis-17 ta’ Mejju 2023;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 15(3) TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 1 u 2 u mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 .

Ir-rikorrenti tosserva li l-Artikolu 15(3) TFUE moqri flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedu d-dritt li kull persuna ġuridika li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru jkollha aċċess għad-dokumenti tal-korpi tal-Unjoni, konformement mal-prinċipji ġenerali u mal-limitazzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt iddefiniti mir-Regolament Nru 1049/2001. Il-Kummissjoni tikser dan id-dritt sa fejn tapplika b’mod inġustifikat u żbaljat l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri billi tinvoka b’mod żbaljat l-interessi kummerċjali tal-awturi tad-dokumenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

Ir-rikorrenti ssostni, hekk kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li l-atti ġuridiċi adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma suġġetti għall-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-imsemmi att. Il-motivazzjoni hekk kif tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata tagħmel kunsiderevolment iktar diffiċli l-possibbiltà ta’ analiżi, mir-rikorrenti, tal-fondatezza tal-aġir tal-Kummissjoni.

____________

1     Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2021 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).