Language of document : ECLI:EU:T:2005:102

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

16 ta' Marzu 2005(*)

"Trade Mark Komunitarja – Proċedura ta' Oppożizzjoni – Applikazzjoni għal Trade Mark verbali FLEXI AIR – Trade Mark verbali preċedenti FLEX – Raġunijiet għal rifjut – Riskju ta' konfużjoni – Talba għal prova ta' użu ġenwin – Artikolu 8(1)(b), Artikolu 8(2)(a)(ii) u Artikolu 43(2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-112/03,

L'Oréal SA, stabbilita f'Pariġi (Franza), irrappreżentata minn X. Buffet Delmas d'Autane, avocat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u disinji) (UASI), irrappreżentat minn B. Filtenborg, S. Laitinen u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut

bil-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u disinji) li kienet

Revlon (Suisse) SA, stabbilita fi Schlieren (L-Iżvizzera)

li għandha bħala suġġet appell kontra d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u disinji) tal-15 ta' Jannar 2003 (każ R 396/2001-4), dwar proċedura ta' oppożizzjoni bejn L'Oréal SA u Revlon (Suisse) SA,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla)

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' Marzu 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-31 ta' Lulju 2003,

wara li rat id-dokument supplementari anness mar-rikors, ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Settembru 2003, li hija kopja ta' deċizjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell tal-Uffiċċju ta' l-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u disinji) tal-11 ta' Lulju 2003 fil-Każ R 831/2002-2, dwar proċedura ta' oppożizzjoni bejn Revlon (Suisse) SA u Lancôme Parfums et Beauté & Cie,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-21 ta' Ottubru 2003,

wara s-seduta tat-28 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-9 ta' Diċembru 1998, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal Trade Mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u disinji) (iktar 'il quddiem l-"Uffiċċju"), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-Trade Mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-Trade Mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali FLEXI AIR.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jinsabu fil-Klassi 3 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade Marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: "xampù; ġel, muss u balzmi, u preparazzjonijiet fil-forma ta' aerosol għall-qtugħ u għall-arranġament tax-xagħar u għall-kura tax-xagħar; sprej tax-xagħar; żebgħa tax-xagħar u prodotti għat-tneħħija tal-kulur tax-xagħar; prodotti sabiex imewġu u jinnoklaw ix-xagħar; żjut essenzjali".

4        Fit-30 ta' Awissu 1999, l-applikazzjoni għat-Trade Mark ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 69/99.

5        Fit-30 ta' Novembru 1999, Revlon (Suisse) SA (iktar 'il quddiem l-"opponent"), ippreżentat oppożizzjoni, bis-saħħa ta' l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-Trade Mark li saret applikazzjoni għaliha.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-Trade Mark verbali FLEX (iktar 'il quddiem it-"Trade Mark preċedenti"), li kienet is-suġġett tar-reġistrazzjonijiet li ġejjin:

–        reġistrazzjoni fi Franza għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3 u 34, jiġifieri, "preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra tal-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għat-tindif, l-ippolixjar, il-brix u t-togħrik; spapen, fwejjaħ, żjut essenzjali, prodotti kożmetiċi, lozzjonijiet għax-xagħar; dentifriċi; tabakk (mhux raffinat jew immanifatturat); prodotti għal min ipejjep; sulfarini";

–        reġistrazzjoni fl-Iżvezja għal prodotti li jinsabu fi klassi 3, jiġifieri "xampù; balzmu għax-xagħar, muss, sprej u ġel għax-xagħar";

–        reġistrazzjoni fir-Renju Unit għal prodotti li jinsabu fi klassi 3, jiġifieri "xampù, u conditioners, kollha għax-xagħar".

7        In sostenn ta' l-oppożizzjoni tiegħu, l-opponent invoka r-raġuni relattiv għal rifjut li jinsab fl-Artikolu 8 (1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

8        Fis-7 ta' Diċembru 1999, ir-rikorrenti ġiet infurmata li kienet ġiet ippreżentata oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni tagħha tat-Trade Mark. Fit-23 ta' Marzu 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni stiednet rispettivament lill-opponent sabiex jippreżenta elementi ġodda ta' prova in sostenn ta' l-oppożizzjoni tiegħu qabel it-23 ta' Lulju 2000 u lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha b'risposta għan-nota ta' l-oppożizzjoni qabel it-23 ta' Settembru 2000.

9        L-Uffiċċju ma rċieva l-ebda osservazzjonijiet tal-partijiet f'dawn it-termini.

10      Fis-27 ta' Novembru 2000, l-Uffiċċju nnotifika liż-żewġ partijiet li, fin-nuqqas ta' osservazzjonijiet ġodda, huwa kien ser jieħu deċiżjoni abbażi tal-provi li kellu.

11      Fit-28 u d-29 ta' Novembru 2000, l-Uffiċċju rċieva osservazzjonijiet mingħand ir-rikorrenti, fejn stqarret li minħabba raġunijiet "li ma kellhiex kontroll fuqhom" hija kienet għadha kemm saret taf bl-oppożizzjoni. Ir-rikorrenti talbet ukoll prova ta' l-użu ġenwin tat-Trade Mark preċedenti u ddikjarat li kienet qed tirriżerva d-dritt li tippreżenta talba għal restitutio in integrum. Barra minn hekk, hija annettiet kopja ta' l-osservazzjonijiet tagħha li kienu ġew ippreżentati fi proċedura ta' oppożizzjoni konnessa.

12      Fis-26 ta' Marzu, 2001 id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni wieġbet li hija ma kinitx ser tieħu in kunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet msemmija fil-punt preċedenti, peress li kienu ġew innotifikati wara t-terminu msemmi aktar 'il fuq tas-27 ta' Novembru 2000.

13      B'deċiżjoni tas-27 ta' Marzu, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-applikazzjoni għat-Trade Mark, minħabba riskju ta' konfużjoni bejn it-Trade Mark mitluba u t-Trade Mark preċedenti rreġistrata fir-Renju Unit.

14      Fl-20 ta' April 2001, ir-rikorrenti ressqet appell kontra din id-deċiżjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94.

15      B'deċiżjoni tal-15 ta' Jannar 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ir-Raba' Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell u kkundanna r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 It-talbiet tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Uffiċċju jħallas l-ispejjeż ta' din il-proċedura u ta' dawk quddiem il-Bord ta' l-Appell.

17      L-Uffiċċju qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex: 

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

18      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qiegħda tinvoka tliet motivi, ibbażati rispettivatment fuq ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali li jikkonċernaw it-talba għal prova ta' l-użu ġenwin tat-Trade Mark preċedenti, il-ksur ta' l-Artikolu 8 (1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u l-ksur ta' l-Artikolu 8 (2)(a)(ii) ta' l-istess Regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur rekwiżiti proċedurali essenzjali li jikkonċernaw it-talba ta' prova ta' użu ġenwin

 L-argumenti tal-partijiet

19      Ir-rikorrenti qiegħda ssostni minn naħa waħda, li, bil-konferma tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, li ċaħdet it-talba ta' prova ta' l-użu ġenwin tat-Trade Mark preċedenti, il-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 u r-Regola 22(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni, (KE) Nru 2868/94, tat-13 ta' Diċembru 1995, dwar il-proċedura għall-applikazzjoni tar-Regolament 40/94 (ĠU L 303, p. 1). Hija tippreċiża li, sa fejn l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tagħti terminu speċifiku sabiex tintalab il-prova ta' l-użu ġenwin, talba bħal din tista' tiġi mressqa sa l-egħluq tal-proċedura ta' oppożizzjoni, li, f'dan il-każ, ma seħħitx qabel is-27 ta' Marzu 2001, id-data tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

20      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li, bil-konferma tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, li wasslet biex tiċħad it-talba tal-prova ta' l-użu ġenwin, il-Bord ta' l-Appell kiser il-prinċipju ta' kontinwità funzjonali hekk kif stabbilita fis-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 1999, Procter & Gamble vs UASI (BABY-DRY) (T-163/98, Ġabra p. II-2383), tas-16 ta' Frar 2000, Procter & Gamble vs UASI (Forma ta' sapuna) (T-122/99, Ġabra p. II-265), tal-5 ta' Ġunju 2002, Hershey Foods vs UASI (Kiss Device with plume) (T-198/00, Ġabra p. II-2567), tat-12 ta' Diċembru 2002, Procter & Gamble vs UASI (Forma ta' sapuna) (T-63/01, Ġabra p. II-5255), u tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs UASI – LHS (UK) (KLEENCARE) (T-308/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

21      L-Uffiċċju jikkontesta l-fondatezza ta' dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

22      Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li r-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95 m'għandha l-ebda rilevanza għal din il-kawża. Fil-fatt, hija tipprevedi li, jekk l-opponent għandu jressaq il-prova ta' l-użu tat-Trade Mark preċedenti, l-Uffiċċju għandu jitolbu jagħmel dan f'terminu li jiġi stipulat minnu. Fil-kuntest ta' din il-kawża, il-kwistjoni mhijiex sa meta tista' titressaq il-prova ta' l-użu ġenwin tat-Trade Mark preċedenti, imma sa meta din il-prova tista' tintalab.

23      Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li t-talba tar-rikorrenti dwar il-prova ta' l-użu ġenwin tat-Trade Mark preċedenti ma kinitx giet ippreżentata fit-terminu stipulat u ma kellhiex tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tingħata d-deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni.

24      Għall-finijiet ta' l-eżami tal-fondatezza ta' din il-kunsiderazzjoni, jeħtieġ li qabel kollox jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, għall-finijiet ta' l-eżami ta' oppożizzjoni mressqa taħt l-Artikolu 42 ta' dan l-istess Regolament, it-Trade Mark preċedenti hija preżunta li kienet is-suġġett ta' użu ġenwin sakemm l-applikant ma jippreżentax talba għall-prova ta' dan l-użu. Il-preżentata ta' talba bħal dan għandha għalhekk l-effett li titfa' l-piż tal-prova ta' l-użu ġenwin fuq opponent (jew l-eżistenza ta' motivi tajba għan-nuqqas ta' użu) taħt il-piena taċ-ċaħda ta' din l-oppożizzjoni. Sabiex dan l-effett iseħħ, it-talba għandha tkun ifformulata espressament u tempestivament quddiem l-Uffiċċju [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Marzu 2004, El Corte Inglés vs UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T-183/02 u T-184/02, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38].

25      Fuq dan il-punt, għandu jiġi osservat li d-disa' premessa tar-Regolament Nru 40/94 ċertament tistabbilixxi li "m'hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-protezzjoni ta' Trade Marks Komunitarji jew, għall-protezzjoni favur Trade Mark li tkun ġiet irreġistrata qabel Trade Mark Komunitarja, ħlief fejn Trade Marks ikunu fil-fatt qed jintużaw". Minn din il-perspettiva, jeħtieġ li l-possibiltajiet għall-applikant ta' Trade Mark li jirrikjedi l-prova ta' l-użu tat-Trade Mark li tkun ġiet invokata kontra r-reġistrazzjoni tat-Trade Mark mitluba ma jiġux limitati mingħajr bżonn.

26      Madankollu, l-użu ġenwin tat-Trade Mark preċedenti jikkostitwixxi kwistjoni li, ġaladarba tiġi mqajma mill-applikant għat-Trade Mark, trid tiġi determinata qabel ma tiġi deċiża l-oppożizzjoni propja.

27      F'dan ir-rigward, peress li kemm il-proċedura ta' l-oppożizzjoni kif ukoll il-proċedura ta' l-appell huma t-tnejn proċeduri kontradittorji, l-Uffiċċju jistieden lill-partijiet, kemm-il darba jkun neċessarju, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, fuq in-notifiki li huwa jkun indirizzahom jew fuq il-komunikazzjonijiet li jkunu ġew minn partijiet oħra (ara, f'dan is-sens, l-Artikolu 43(1) u l-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 40/94). Sabiex il-proċedura tkun organizzata aħjar, dawn l-osservazzjonijiet għandhom, fil-prinċipju, jiġu ppreżentati fit-terminu stipulat mill-Uffiċċju.

28      F'dan il-każ, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, permezz ta' ittra datata 23 ta' Marzu 2000, u skond l-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 40/94, stiednet lill-opponent jippreżenta elementi ġodda ta' prova sabiex issaħħaħ l-oppożizzjoni tiegħu qabel it-23 ta' Lulju 2000 u lir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha b'risposta għan-nota ta' l-oppożizzjoni qabel it-23 ta' Settembru 2000 rispettivament. Fil-prinċipju, ir-rikorrenti għaldaqstant kellha titlob għall-prova ta' l-użu ġenwin tat-Trade Mark preċedenti fit-terminu stipulat, jiġifieri qabel it-23 ta' Settembru 2000.

29      L-inkartament ma fih l-ebda element li jista' jiġġustifika deroga minn dan il-prinċipju. B'mod partikolari, ir-raġunijiet "li ma kellhiex kontroll fuqhom" invokati mir-rikorrenti u li jidhru fil-punt 11 iktar 'il fuq ma jikkostwixxux dan l-element. Fil-fatt, b'risposta għal mistoqsija orali tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti affermat li dan kien każ ta' żball amministrattiv min-naħa tagħha.

30      F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kkunsidrat ġustament it-talba ta' prova ta' l-użu ġenwin imressqa mir-rikorrenti bil-komunikazzjonijiet tat-28 u tad-29 ta' Novembru 2000 bħala waħda li ma ġietx ippreżentata tempestivament, u għaldaqstant ċaħditha.

31      Minn dan isegwi li l-Bord ta' l-Appell, ma kisirx l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 billi kkunsidra, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li din it-talba ma kinitx ġiet ippreżentata fit-terminu stipulat.

32      Barra minnhekk, fir-rigward ta' l-argument ibbażat fuq il-prinċipju ta' kontinwità funzjonali, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-punti rilevanti ta' l-att ta' l-appell ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Bord ta' l-Appell huma dawn li ġejjin (ara l-punti 2.2.9 u 3.10 ta' l-att ta' l-appell):

"[…] ir-rikorrenti titlob, sussidjarjament, li, skond l-Artikolu 62 (tar-Regolament Nru 40/94), il-Bord ta' l-Appell jeżerċita l-kompetenza tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u jaċċetta t-talba tar-rikorrenti għal prova ta' l-użu tat-Trade Mark preċedenti rreġistrata fir-Renju Unit jew inkella jirrinvja l-kawża quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni għal sabiex tintlaqa' t-talba tar-rikorrenti għal din il-prova ta' l-użu." ("[…] the appellant asks, subsidiarily, that, in accordance with Article 62 CTMR, the Board exercise the power within the competence of the Opposition Division and accept the appellant’s request for evidence of use of the earlier opposing U.K. trademark or remit the case to the Opposition Division for compliance with the applicant’s request for said evidence of use.").

33      Minn dan jirriżulta li, quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti, sussidjarjament, tenniet it-talba tagħha għal prova ta' l-użu ġenwin tat-Trade Mark preċedenti.

34      Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ma semmiex din it-talba sussidjarja, filwaqt li ċaħad it-talba prinċipali, marbuta mar-riskju ta' konfużjoni.

35      Madankollu, dan l-iżball ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, safejn il-Bord ta' l-Appell seta', b'mod leġittimu, jiċħad din it-talba sussidjarja għal prova ta' l-użu ġenwin, mingħajr ma jikser il-prinċipju ta' kontinwità funzjonali.

36      Fil-fatt, il-kompetenza tal-Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju timplika li dan għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjonijiet meħuda mid-dipartimenti ta' l-Uffiċċju li jiddeċiedu fl-ewwel istanza. Fil-kuntest ta' dan l-eżami mill-ġdid, ir-riżultat ta' l-appell jiddependi fuq jekk deċiżjoni ġdida bl-istess dispożittiv bħad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta' l-appell, tistax jew le tkun legalment adottata meta tingħata d-deċiżjoni fuq l-appell. B'hekk, il-Bordijiet ta' l-Appell jistgħu, bla ħsara biss għall-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, jilqgħu appell abbażi ta' fatti ġodda invokati mill-parti li tkun ressqet l-appell jew ukoll abbażi ta' provi ġodda prodotti minn din il-parti (sentenza KLEENCARE, iċċitata aktar 'il fuq, punt 26). Barra minn dan, l-portata ta' l-eżami li l-Bord ta' l-Appell huwa mistenni jagħmel fir-rigward tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett ta' l-appell mhijiex, fil-prinċipju, iddeterminata mir-raġunijiet invokati mill-parti li tkun għamlet l-appell. B'hekk, anke jekk il-parti li tkun ressqet l-appell ma tkunx qajmet raġuni speċifika, il-Bord ta' l-Appell xorta waħda huwa obbligat li jeżamina, fid-dawl ta' l-elementi kollha ta' dritt u ta' fatt rilevanti, jekk deċiżjoni ġdida bl-istess dispożittiv bħad-deċiżjoni li tkun is-suġġett ta' l-appell, tistax jew le tkun legalment adottata fil-mument meta tingħata d-deċiżjoni fuq l-appell (kawża KLEENCARE, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29).

37      F'dan il-każ, id-domanda dwar jekk, fil-mument meta l-Bord ta' l-Appell tad-deċiżjoni, huwa setax legalment jadotta deċiżjoni li, bħal dik tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, kienet tirrifjuta t-talba għal prova ta' l-użu ġenwin, għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Fil-fatt, quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda element ġdid li jiġġustifika n-nuqqas li tintroduċi din it-talba fit-terminu stipulat mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Għaldaqstant, peress li s-sitwazzjoni ta' fatti, f'dan ir-rigward, baqgħet identika għal dik li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kien kellha quddiemha, il-Bord ta' l-Appell seta' legalment jikkunsidra, kif ġie osservat fil-punti 28 sa 31 iktar 'il fuq, li, fir-rigward tal-proċedura quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, it-talba ppreżentata sussidjarjament quddiemu ma kinitx ġiet ppreżentata fil-ħin.

38      Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

39      Ir-rikorrenti qiegħda ssostni li, billi kkonkluda li kien hemm riskju ta' konfużjoni, il-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94.

40      F'dan ir-rigward, hija ssostni, qabel kollox, li, peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq ir-reġistrazzjoni tat-Trade Mark preċedenti fir-Renju Unit, ir-riskju ta' konfużjoni għandu jiġi evalwat fir-rigward ta' dan il-pajjiż.

41      Barra minn dan, hija taqbel mal konstatazzjoni tal-Bord ta' l-Appell fuq il-karattru ftit li xejn distintiv tat-Trade Mark preċedenti.

42      Barra minnhekk, hija ssostni li l-Bord ta' l-Appell sab, b'mod żbaljat, li s-sinjali f'dan il-każ tant huma simili li jista' jkun hemm konfużjoni bejniethom.

43      Minn naħa, il-karattru ftit li xejn distintiv tat-Trade Mark preċedenti kellu jwassal lill-Bord ta' l-Appell sabiex iqis li riproduzzjoni kompleta ta' din it-Trade Mark biss tista' twassal għal riskju ta' konfużjoni.

44      Min-naħa l-oħra, is-sinjali konfliġġenti mhumiex simili biżżejjed sabiex iwasslu għal riskju ta' konfużjoni.

45      Fil-fatt, fuq livell viżiv, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li sinjal kompost minn kombinazzjoni ta' żewġ kelmiet m'għandux jiġi kkunsidrat bħala viżwalment komparabbli ma' sinjal kompost minn kelma waħda, u dan aktar u aktar meta l-ebda waħda miż-żewġ kelmiet ma hija identika għall-kelma preċedenti li hija iqsar. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Vedial vs UASI – France Distribution (HUBERT) (T-110/01, Ġabra p. II-5275), liema sentenza għandha aktar sinjifikat għaliex, bil-kontra tal-verb "flex" u l-għerq "flexi", l-element komuni tas-sinjali kkunsidrati fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza għandhom l-istess speling u karattru estremament distintiv. Barra minnhekk, ir-rikorrenti qiegħda tibbaża wkoll ruħha fuq id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell fil-kawżi SIMPLELIFE/SIMPLE LIFE, FREEZOMINT/FREEZE, MILES/MILESTONE, TAPAS/TAPARICA, GIRA/GIRALDA u DRIVE/DRIVEWAY.

46      Fit-tieni lok, il-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-attenzjoni tal-konsumatur ser tmur mill-ewwel għall-ewwel parti, li hi komuni, tas-sinjali m'hija ġġustifikata minn ebda motiv partikolari u hija inkompatibbli mad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell fil-kawża ORANGEX/ORANGE X-PRESS.

47      Fuq il-livell fonetiku, ir-rikorrenti tallega li ż-żieda ta' l-ittra "i" mal-kelma "flex" toħloq sillaba supplimentari. Barra minn dan, is-sinjal preċedenti huwa qabel kollox kompost minn konsonanti, filwaqt li s-sinjal mitlub fih xi vokali u, fir-Renju Unit, jiġi ppronunċat b'ritmu melodiku.

48      Fuq livell kunċettwali, ir-rikorrenti ssostni, qabel kollox, li l-opponent huwa hu stess konxju dwar il-karattru deskrittiv tal-kelma "flex", sa fejn it-Trade Mark FLEX ġiet irreġistrata fil-partijiet tar-reġistri tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda ddedikati għat-Trade Marks b'forza li ma tantx tkun distintiva, u sa fejn hija ma bbażatx din l-oppożizzjoni fuq il-karattru magħruf ħafna tat-Trade Mark preċedenti fir-Renju Unit. Minn dan, ir-rikorrenti tikkonkludi li, fil-pajjiżi anglofoni, il-kelma "flex" ma tistax tikkostitwixxi l-element dominanti tas-sinjal FLEXI AIR. Għall-kuntrarju, mill-perspettiva grammatikali, il-kelma "air" hija l-element l-aktar importanti, peress li l-kelma "flexi" tista' tkun it-tqassira ta' l-aġġettiv "flexible", li jikkwalifika n-nom "air".

49      Ir-rikorrenti tippreċiża li l-kelma "flexi" ma teżistix fil-lingwa Ingliża u li t-Trade Mark mitluba hija isem immaġinattiv. Filwaqt li tagħmel riferiment għal silta minn dizzjunarju Ingliż, hija tindika wkoll li, fost il-ħafna tifsiriet tal-kelma "air", il-Bord ta' l-Appell għażel waħda mill-inqas komuni. Min-naħa l-oħra, il-kelma "flex" għandha tifsira partikolari bl-Ingliż u, għalhekk, m'għandha l-ebda karattru distintiv.

50      Ir-rikorrenti żżid, li għal dak li jikkonċerna l-paragun bejn is-sinjali, ir-raġunament tad-deċizjoni kkontestata jmur kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN) (T‑6/01, Ġabra p. II-4335), sa fejn il-kelma "flex" mhijiex l-element dominanti fis-sinjal mitlub u sa fejn l-elementi l-oħra m'humiex insinjifikanti.

51      Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni globali tar-riskju ta' konfużjoni, ir-rikorrenti tosserva li huwa stabbilit li, b'differenza mill-prodotti msemmija fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Jannar 2003, Mystery Drinks vs UASI – Karlsberg Brauerei (MYSTERY) (T-99/01, Ġabra p. II-43), il-prodotti in kwistjoni mhumiex ordnati b'mod orali imma huma ppreżentati fuq xkaffi, fatt li jagħmel ix-xebh fonetiku kollu kif ukoll, għaldaqstant, ir-riskju ta' konfużjoni, mingħajr importanza.

52      Barra minn hekk, b'referenza għal kopji ta' reġistrazzjonijiet li saru fir-Renju Unit, ir-rikorrenti ssostni li l-konsumatur medju f'dan il-pajjiż mhuwiex ser jirriskja li jagħmel konfużjoni bejn it-Trade Marks in kwistjoni, għaliex huwa diġà espost għal numru kbir ta' Trade Marks oħra li fihom it-terminu "flex" għal prodotti simili jew identiċi.

53      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li r-raġunament adottat mit-Tieni Bord ta' l-Appell, fid-deċiżjoni tiegħu tal-11 ta' Lulju 2003, iddepożitata mir-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Settembru 2003, imsemmija hawn fuq, sabiex sabiex jiddeċiedi fuq in-nuqqas ta' ta' konfużjoni bejn it-Trade Mark FLEX u FLEXIUM huwa direttament applikabbli f'dan il-każ. B'hekk, kelma ġenerika bħalma hija "flex" ma tistax tiġi monopolizzata. Skond ir-rikorrenti, din id-deċiżjoni hija aktar sinjifikanti minħabba li tirreferi għal żewġ sinjali li kull wieħed minnhom huwa kompost minn kelma waħda, filwaqt li s-sinjal mitlub f'dan il-każ huwa kompost minn żewġ kelmiet u l-ebda waħda minnhom jew mis-sillabi tagħhom ma huma identiċi għas-sinjal preċedenti ("fle‑xi‑air").

54      L-Uffiċċju jikkontesta l-fondatezza ta' dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

55      Skond l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94, dwar oppożizzjoni minn propjetarju ta' Trade Mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' Trade Mark m'għandhiex tiġi milqugħa jekk minħabba identiċità jew xebh mat-Trade Mark preċedenti u minħabba l-identiċità u x-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ Trade Marks, ikun hemm probabbiltà ta' konfużjoni għall-pubbliku fit-territorju fejn it-Trade Mark preċedenti hija protetta.

56      Skond ġurisprudenza Stabbilita, ir-riskju li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbutin ekonomikament jikkostitwixxi riskju ta' konfużjoni.

57      Skond din l-istess ġurisprudenza, ir-riskju ta' konfużjoni għandu jiġi evalwat globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u l-prodotti jew servizzi in kwistjoni, filwaqt li jitqiesu l-fatturi kollha rilevanti għaċ-ċirkustanzi tal-każ, b'mod partikolari, l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dik tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

–       Fuq il-pubbliku rilevanti

58      Ir-rikorrenti ma kkritikatx il-fatt li l-Bord ta' l-Appell għamel l-evalwazzjoni tar-riskju ta' konfużjoni fir-Renju Unit. Lanqas ma kkontestat il-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit mill-konsumatur medju b'livell ta' attenzjoni li mhuwiex partikolarment elevat. Għaldaqstant, għall-finijiet ta' l-eżami ta' dan il-motiv, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li hemm lok li tipproċedi minn dawn il-premessi.

–       Fuq il-karattru distintiv tat-Trade Mark preċedenti

59      Huwa stabbilit bejn il-partijiet, hekk kif osserva l-Bord ta' l-Appell, li t-Trade Mark preċedenti għandha karattru ftit li xejn distintiv.

60      Ir-rikorrenti madankollu ssostni li dan il-karattru ftit li xejn distintiv kellu jwassal lill-Bord ta' l-Appell sabiex jikkunsidra li riproduzzjoni sħiħa tat-Trade Mark preċedenti biss tista' twassal għal riskju ta' konfużjoni.

61      Dan l-argument għandu jiġi miċħud Fil-fatt, għalkemm il-karattru distintiv tat-Trade Mark preċedenti għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi stmat ir-riskju tal-konfużjoni (ara, bħala analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 24), dan huwa biss fattur wieħed fost dawk involuti f'din l-evalwazzjoni. B'hekk, anki fil-każ ta' Trade Mark preċedenti b'karattru ftit li xejn distintiv, minn naħa, u fil-każ ta' Trade Mark li għaliha saret l-applikazzjoni li ma tikkostitwix riproduzzjoni sħiħa, min-naħa l-oħra, jista' jkun hemm riskju ta' konfużjoni, b'mod partikolari, minħabba xebh tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi koperti.

–       Fuq il-paragun bejn il-prodotti in kwistjoni

62      Ir-rikorrenti ma kkontestatx il-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-prodotti in kwistjoni huma parzjalment identiċi u parzjalment simili ħafna. Għalhekk, għall-finijiet ta' l-eżami ta' dan il-motiv, il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li għandha tipproċedi minn din il-premessa.

–       Fuq is-sinjali in kwistjoni

63      Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tar-riskju ta' konfużjoni, għal dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali prodotta minn dawn kollha flimkien, filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Fuq il-livell viżiv, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li s-sinjal FLEXI AIR huwa essenzjalment kompost mill-kelma "flex". Barra minn dan, peress li qiegħda fil-bidu, il-kelma "flex" jista' jkollha impatt akbar mill-bqija tas-sinjal mitlub. Il-kelma "air" hija f'pożizzjoni sekondarja u hija iqsar. Il-konsumaturi ġeneralment aktar jiftakru l-bidu ta' sinjal milli t-tmiem tiegħu. Il-karattru dominanti ta' l-element "flex" ma jistax jinbidel ħafna biż-żieda ta' l-ittra "i". Minn dan, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li s-sinjali huma viżwalment simili.

65      Dawn il-kunsiderazzjonijiet m’huma vvizjati bl-ebda żball u l-argumenti mressqa mir-rikorrenti f'dan ir-rigward, li huma msemmija fil-punti 45 u 46 iktar 'il fuq, ma jistgħux jintlaqgħu.

66      Għal li jirrigwarda l-ewwel serje ta' argumenti, għandu jiġi osservat, minn naħa, li m'hemm l-ebda raġuni li sinjal kompost minn żewġ kelmiet u sinjal kompost minn kelma waħda ma jistgħux ikunu viżwalment simili. Min-naħa l-oħra, f'dan il-każ, la l-fatt li l-ebda waħda miż-żewġ kelmiet tas-sinjal mitlub ma hija identika għas-sinjal preċedenti, u lanqas il-fatt li dan ta' l-aħħar huwa qasir ma jistgħu jannullaw ix-xebh viżiv li nħoloq minħabba l-fatt li erba' mit-tmien ittri tas-sinjal mitlub huma l-istess, huma mqegħdin fl-istess ordni u fil-bidu taż-żewġ sinjali.

67      Rigward l-argument ibbażat fuq is-sentenza HUBERT, iċċitata iktar 'il fuq, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-konklużjoni ta’ din is-sentenza, li l-impressjoni viżiva globali tas-sinjali in kwistjoni hija differenti, hija bbażata, b'mod partikolari, fuq l-element figurattiv ta' wieħed minn dawn is-sinjali (punt 54), filwaqt li f'dan il-każ is-sinjali huma t-tnejn verbali.

68      Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Bordijiet ta' l-Appell, imsemmija fil-punti 45 u 46 iktar ’il fuq, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni ta' sinjal bħala Trade Mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament 40/94, hekk kif interpretata mill-qrati Komunitarji, u mhux abbażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti ta' l-istess Bordijiet ta' l-Appell [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra, p. II-723, punt 66 li ma ġietx ikkontestata mid-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 2004, Streamserve vs UASI, C-150/02 P, li għadu ma ġiex ippublikat fil-Ġabra]. Barra minnhekk, għalkemm motivi ta’ fatt jew ta’ dritt li jinsabu f’deċiżjoni preċedenti jistgħu, ċertament, jikkostitwixxu argumenti in sostenn ta' motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94 [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, Bosch vs UASI (Kit pro u Kit Super Pro), T-79/01 u T-86/01, Ġabra p. II-4881, punt 33], għandu jiġi kkonstatat li kull waħda mid-deċiżjonijiet preċedenti msemmija fil-punti 45 u 46 iktar ’il fuq jikkonċernaw sinjali li għandhom relazzjoni viżiva li mhijiex komparabbli għal dik f'din il-kawża.

69      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta' motivazzjoni msemmi fil-punt 46 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-konsumaturi ġeneralment jiftakru l-bidu ta' sinjal aktar mit-tmiem tiegħu (punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata). F'dan ir-rigward, huwa ma jistax jiġi akkużat li ma spjegax ruħu biżżejjed fuq dan il-punt.

70      Għal dak li jikkonċerna x-xebh fonetiku, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-bidu ta' sinjal għandu rwol essenzjali anke fuq dan il-livell. Id-differenza fil-pronunċja tinħoloq biss mit-tmien tas-sinjal mitlub u hija żgħira. Il-ħoss ħelu ta' l-ittra "i" u l-pronunċja miftuħa, fl-Ingliż, tal-kelma "air" twassal għall-koinċidenza fonetika ta' l-element "flex" u, b'mod partikolari, għall-predominanza fil-pronunċja ta' l-ittra "x". Skond il-Bord ta' l-Appell, is-sinjali huma għalhekk fonetikament simili.

71      Lanqas dawn il-kunsiderazzjonijiet ma huma żbaljati.

72      L-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-preżenza ta' l-ittra "i" u l-kelma "air" fis-sinjal FLEXI AIR, imsemmija fil-punt 47 iktar 'il fuq, għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, xorta jibqa' l-fatt li l-ewwel erba' ittri mit-tmienja li jiffurmaw is-sinjal huma ppronunċjati eżattament bl-istess mod bħas-sinjal FLEX, li l-ittra "i" tikkostitwixxi biss żieda fonetika insinjifikanti għal dawn l-ewwel erba' ittri u li ż-żieda tal-kelma "air" mhijiex ta' natura tali li twarrab din l-identiċità parzjali fil-pronunzja.

73      Fl-aħħar nett, fuq il-livell kunċettwali, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-kliem "flex" u "flexi", huma marbutin mill-qrib, peress li t-tnejn li huma jagħmlu referenza għall-flessibilità, u għalhekk għall-vitalità tax-xagħar. Iż-żieda tal-kelma "air" ma timmodifikax din l-identiċità kunċettwali. Għalhekk, skond il-Bord ta' l-Appell, is-sinjali għandhom, fl-Ingliż, sinjifikat komuni.

74      Dawn il-kunsiderazzjonijiet lanqas ma huma vvizzjati b'xi żball u l-argumenti mressqa mir-rikorrenti f'dan ir-rigward, imsemmija fil-punt 48 u 49 iktar ‘il fuq, ma jistgħux jintlaqgħu.

75      Għal dak li jirrigwarda l-argument li l-opponent stess jaf bil-karattru deskrittiv tal-kelma "flex", huwa biżżejjed li jingħad li, anke jekk dan huwa minnu, ċirkustanza bħal din hija irrilevanti fl-evalwazzjoni kunċettwali tas-sinjali in kwistjoni.

76      L-istess għandu jingħad rigward l-argument li, grammatikalment, il-kelma "air" hija l-aktar element importanti tas-sinjal mitlub, għaliex il-konsumatur medju, li mhuwiex partikolarment attent, qatt ma hu ser jagħmel eżami grammatikali tas-sinjali in kwistjoni.

77      Fir-rigward ta’ l-argument li jikkonċerna t-tifsira tal-kelma "air", huwa biżżejjed li jingħad li, irrispettivament minn din it-tifsira, din ma tistax twarrab it-tifsira ta' l-element "flexi" u, għaldaqstant, lanqas ix-xebh kunċettwali li nħoloq minn dan l-element.

78      L-argumenti bbażati rispettivament fuq in-nuqqas ta' karattru distintiv tas-sinjal preċedenti, fuq il-fatt li l-kelma "flexi" ma teżistix fil-lingwa Ingliża u li s-sinjal FLEXI AIR huwa isem immaġinattiv għandhom ukoll jiġu miċħuda, peress li dawn mhumiex ta’ natura tali li jeliminaw il-fatt li l-kliem "flex" u "flexi" t-tnejn li huma jagħmlu referenza, fl-Ingliż, għall-flessibilità (ara, għal li jikkonċerna l-lingwa Spanjola, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Frar 2004, Koubi vs UASI – Flabesa (CONFORFLEX), T-10/03, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 48].

79      Imbagħad, għal dak li jikkonċerna l-argument imsemmi fil-punt 50 iktar ‘il fuq, għandu jiġi osservat li s-sentenza MATRATZEN, iċċitata aktar 'il fuq, ċertament issemmi li Trade Mark kumplessa, tista’ tiġi biss ikkunsidrata bħala paragunabbli ma' Trade Mark oħra, identika jew paragunabbli għal wieħed mill-komponenti tat-Trade Mark kumplessa, jekk din ta' l-aħħar tikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni globali mogħtija mit-Trade Mark kumplessa. Madankollu, it-Trade Mark msemmija f'dik il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġi mqabbla mat-Trade Mark in kwistjoni f'din il-kawża, b'mod partikolari, peress li għandha element figurattiv.

80      Għalhekk hemm lok li jiġi konkluż li l-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidrat li s-sinjali in kwistjoni huma simili fuq il-livell viżiv, il-livell fonetiku u l-livell kunċettwali.

–       Fuq ir-riskju ta' konfużjoni

81      Skond il-Bord ta' l-Appell, hemm riskju li l-konsumaturi jaħsbu li d-differenza żgħira bejn is-sinjali tirrifletti varjazzjoni fin-natura tal-prodotti jew li tirriżulta minn kunsiderazzjonijiet ta' marketing, u mhux li din id-differenza tindika oriġini kummerċjali differenti. Il-Bord ta' l-Appell għalhekk ikkonkluda li fir-Renju Unit hemm riskju ta' konfużjoni.

82      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-karattru ftit li xejn distintiv tat-Trade Mark preċedenti mhuwiex ikkontestat, li s-sinjali in kwistjoni huma simili fuq il-livell viżiv, il-livell fonetiku u l-livell kunċettwali u li l-prodotti huma parzjalment identiċi u parzjalment simili ħafna.

83      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li hemm riskju ta' konfużjoni.

84      L-argument tar-rikorrenti, imsemmmija fil-punt 51 iktar ‘il fuq, li x-xebh fonetiku tas-sinjali huwa ta' importanza żgħira għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, peress li s-sinjali huma simili u l-prodotti huma parzjalment identiċi u parzjalment simili ħafna, il-kwistjoni dwar safejn ix-xebh fonetiku tas-sinjali jikkontribwixxi għar-riskju ta' konfużjoni mhijiex rilevanti.

85      L-argument imsemmi fil-punt 52 iktar 'il fuq u bbażat fuq l-eżistenza ta' Trade Marks oħra li fihom il-kelma "flex" fir-Renju Unit għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li kienet preċiżament din iċ-ċirkustanza li wasslet lill-Bord ta' l-Appell li jikkunsidra, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-Trade Mark preċedenti għandha karattru ftit li xejn distintiv li jikkonkludi li hemm riskju ta' konfużjoni fir-Renju Unit (ara l-punt 81 iktar ‘il fuq). Din il-konklużjoni ġiet approvata (ara l-punt 83 iktar ‘il fuq). Barra minn dan, ir-rikorrenti espressament qablet mal-kunsiderazzjoni li t-Trade Mark preċedenti għandha karattru ftit li xejn distintiv (ara l-punti 41 u 59 iktar ‘il fuq).

86      Fl-aħħar nett fir-rigward ta’ l-argumenti bbażati fuq id-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell tal-11 ta' Lulju 2003, imsemmija fil-punt 53 iktar ‘il fuq, għandu jiġi mfakkar għal darb'oħra li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni ta' sinjal bħala Trade Mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament 40/94, hekk kif interpretata mill-qrati Komunitarji, u mhux abbażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti ta' l-istess Bordijiet ta' l-Appell, għalkemm motivi ta' fatt jew ta' dritt li jinsabu f'deċiżjoni preċedenti jistgħu xorta waħda jikkostitwixxu argumenti in sostenn ta' motiv ibbażat fuq il-ksur ta' dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament (ara l-punt 68 iktar 'il fuq). Issa, jiġi nnotat li r-relazzjoni bejn is-sinjali li huma s-suġġett tad-deċiżjoni msemmija iktar 'il fuq tat-Tieni Bord ta' l-Appell mhijiex paragunabbli mar-relazzjoni bejn is-sinjali in kwistjoni f'din il-kawża. Fil-fatt, is-sinjal FLEXIUM jikkonsisti f'kelma waħda li minnha mhux possibbli li tinħareġ il-kelma "flex", filwaqt li l-kliem "flex" u "flexi" jistgħu faċilment jiġu sseparati mis-sinjal FLEXI AIR. Barra minn dan, għandu jiġi osservat li l-konklużjoni li hemm riskju ta' konfużjoni bejn it-Trade Marks in kwistjoni f'din il-kawża ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li twassal għal monopolizzazzjoni tal-kelma "flex".

87      Fid-dawl ta' dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li, il-Bord ta' l-Appell ma kisirx l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 billi qies li hemm riskju ta' konfużjoni bejn is-sinjali in kwistjoni.

88      Għalhekk it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieletmotiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

89      Ir-rikorrenti ssostni li, billi naqas milli janalizza jekk it-Trade Mark preċedenti setgħetx tiġi validament opposta bis-saħħa tal-liġi tar-Renju Unit u billi naqas milli jevalwa r-riskju ta' konfużjoni skond l-istess liġi, il-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. Hija tippreċiża li din id-dispożizzjoni m'għandhiex tagħti lill-propretarju ta' Trade Mark nazzjonali drittijiet akbar fir-rigward ta' applikazzjoni għal Trade Mark Komunitarja minn dawk li jgawdi propjetarju bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-ommissjoni tal-Bord ta' l-Appell tista' tagħti lit-Trade Mark preċedenti protezzjoni aktar wiesgħa fuq il-livell Komunitarja milli fuq il-livell nazzjonali.

90      L-Uffiċċju jikkontesta l-fondatezza ta' dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

91      Għandu jiġi osservat li applikazzjoni għal Trade Mark Komunitarja hija suġġetta għall-proċeduri previsti fir-Regolament Nru 40/94. B’hekk, bis-saħħa ta' l-Artikolu 8(1)(b), u l-Artikolu 8(2)(a)(ii), ta' l-istess Regolament, ir-reġistrazzjoni tat-Trade Mark mitluba trid bilfors tiġi miċħuda meta jkun hemm riskju ta' konfużjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) ma' Trade Mark irreġistrata qabel fi Stat Membru. L-eżami preliminari dwar jekk it-Trade Mark nazzjonali preċedenti tistax tiġi validament opposta bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa' taħtha u l-evalwazzjonii tar-riskju ta' konfużjoni bejn iż-żewġ Trade Marks ikkonċernati skond din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, mhumiex previsti mir-Regolament Nru 40/94.

92      Barra minn dan, hemm lok li jiġi osservat li dan il-motiv huwa bbażat fuq l-ipotesi li r-Regolament Nru 40/94 jagħti lill-propjetarju ta' Trade Mark nazzjonali preċedenti drittijiet akbar fir-rigward ta' applikazzjoni għal Trade Mark Komunitarja minn dawk lilli jingħatawlu bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkopri t-Trade Mark preċedenti. Issa, bis-saħħa ta' l-Artikolu 4(1)(b) u l-Artikolu 4(2)(a)(ii) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill Nru 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-Trade Marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), il-liġijiet nazzjonali ta' l-Istati Membri dwar il-kwistjoni tar-riskju ta' konfużjoni bejn Trade Mark mitluba u Trade Mark nazzjonali preċedenti ġew totalment armonizzati. Il-kontenut leġiżlattiv ta' dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/104 huwa identiku għal dak ta' l-Artikolu 8(1)(b) u ta' l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ipotesi mressqa mir-rikorrenti mhijiex ipotesi valida.

93      Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

94      Peress li l-motivi kollha għandhom jiġu miċħuda, ir-rikors għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. F'din il-kawża, ir-rikorrenti tilfet u l-UASI talab li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż. Għaldaqstant, hemm lok li r-rikorrenti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Pelikánová

Hekk kif deċiż f'seduta pubblika fil-Lussemburgu, is-16 ta’ Marzu 2005

H. Jung

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.