Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-8 ta’ Mejju 2018 – Openbaar Ministerie vs SF

(Kawża C-314/18)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Amsterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Openbaar Ministerie

Konvenut: SF

Domandi preliminari

L-Artikolu 1(3) u l-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI 1 , kif ukoll l-Artikolu 1(a) u (b) u l-Artikolu 3(3) u (4) u l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI 2 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

fil-każ fejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ssuġġetta l-konsenja mitluba, għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, ta’ ċittadin nazzjonali għall-kundizzjoni, imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI, li l-persuna kkonċernata, wara li tkun instemgħet, tintbagħat lura fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex tiskonta hemmhekk il-piena ta’ priġunerija jew il-miżura li tneħħi l-libertà li eventwalment tiġi ddikjarata kontriha fl-Istat Membru ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew,

l-Istat Membru ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, inkwantu Stat ta’ ħruġ tas-sentenza mogħtija, għandu effettivament jibgħat lura l-persuna kkonċernata, wara li l-kundanna għal piena ta’ priġunerija jew għal miżura li tneħħi l-libertà tkun saret definittiva, biss mill-mument li fih “kwalunkwe proċedura oħra rigward il-ksur li għaliha l-konsenja hija mitluba”, bħal proċedura ta’ konfiska, tkun ġiet konkluża b’mod definittiv?

L-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jkun ikkonsenja ċittadin nazzjonali taħt il-garanzija msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI, Stat Membru jista’, inkwantu Stat ta’ eżekuzzjoni, waqt ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija kontra din il-persuna, u dan b’deroga mill-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI, jeżamina jekk il-piena ta’ priġunerija ddikjarata kontra din il-persuna tikkorrispondix għall-piena li kienet tiġi imposta fl-Istat ta’ eżekuzzjoni għall-ksur inkwistjoni u, fejn xieraq, jadatta konsegwentement il-piena ta’ priġunerija ddikjarata?

____________

1     Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).

2     Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27).