Language of document : ECLI:EU:C:2019:427

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fis-16 ta’ Mejju 2019 (1)

Kawża C-314/18

Openbaar Ministerie

vs

SF

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjonijiet Qafas 2002/584/ĠAI u 2008/909/ĠAI – Konsenja ta’ persuna rikjesta fl-Istat Membru emittenti b’garanzija ta’ ritorn fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex tiskonta fih piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà – Mument tar-ritorn – Piena jew miżura addizzjonali”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) u tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (2), kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (3), kif ukoll tal-Artikolu 1(a) u (b), tal-Artikolu 3(3) u (4) u tal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (4).

2.        Din it-talba kienet ippreżentata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fit-3 ta’ Marzu 2017 għall-finijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali minn imħallef tal-Canterbury Crown Court (il-Qorti tal-Kuruna ta’ Canterbury, ir-Renju Unit) kontra SF.

3.        L-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprovdi l-possibbiltà lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-formulazzjoni mill-Istat Membru emittenti ta’ garanzija ta’ ritorn fl-ewwel Stat tal-persuna li kienet ikkundannata għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà fit-tieni wieħed, sabiex tiskonta fih din il-piena. Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tippreċiża l-portata ta’ din il-garanzija ta’ ritorn u tikkonferma mill-ġdid ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li jiggwida l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fi ħdan l-Unjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

4.        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprovdi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-[TUE]”.

5.        L-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jistabbilixxi:

“Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi maħruġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħorġu bi sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn sentenza ġiet mogħtija jew ordni ta’ detenzjoni ġiet magħmula, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur”.

6.        Skont l-Artikolu 5(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas:

“L-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista’, mil-liġi ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi, jkun suġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)      fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-iskopijiet ta’ prosekuzzjoni hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi, iċ-ċediment tista’ tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, hi ritornata lill-Istat Membru li jesegwixxi sabiex tgħaddi hemm is-sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni mogħtija kontriha fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat”.

2.      Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909

7.        L-Artikolu 1(a) u (b) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:

a)      ‘sentenza’ għandha tfisser deċiżjoni finali jew ordni tal-qorti ta’ l-Istat emittenti li timponi piena fuq persuna fiżika;

b)      ‘piena’ għandha tfisser kwalunkwe piena ta’ kustodja jew kwalunkwe miżura li tinvolvi ċaħda tal-libertà imposta għal perijodu ta’ żmien limitat jew mhux limitat minħabba reat kriminali abbażi ta’ proċedimenti kriminali.”

8.        L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas jistabbilixxi:

“1.      L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena.

2.      Din id-Deċiżjoni Qafas hija applikabbli fejn il-persuna sentenzjata tinsab fl-Istat emittenti jew fl-Istat ta’ esekuzzjoni.

3.      Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika biss għar-rikonoxximent ta’ sentenzi u l-infurzar ta’ pieni fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Deċiżjoni Qafas. Il-fatt li, flimkien mal-piena, tiġi imposta multa u/jew ordni ta’ konfiska, li ma tkunx għadha tħallset, ġiet irkuprata jew infurzata, m’għandux iwaqqaf sentenza milli tiġi trasmessa. Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ tali multi u ordnijiet ta’ konfiska fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu bbażati fuq l-istrumenti applikabbli bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal penali finanzjarji [(5)] u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska [(6)].

4.      Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu ta’ rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif affermati fl-Artikolu 6 [TUE].”

9.        Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas:

“1.      L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trasmessa skond l-Artikolu 3a u waqt li tiġi segwita l-proċedura taħt l-Artikolu 5, u għandha minnufih tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-infurzar tal-piena, sakemm ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar previsti fl-Artikolu 9.

2.      Fejn il-piena tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni fir-rigward tat-tul tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li tadatta l-piena biss fejn dik il-piena taqbeż il-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi nazzjonali tiegħu. Il-piena adattata m’għandhiex tkun anqas mill-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.

3.      Fejn il-piena tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni f’termini tan-natura tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tadattaha għall-piena jew għall-miżura prevista taħt il-liġi tagħha stess għal reati simili. Tali piena jew miżura għandha tikkorrispondi kemm jista’ jkun possibbli mal-piena imposta fl-Istat emittenti u għalhekk l-piena m’għandhiex tiġi konvertita f’piena pekunjarja.

4.      Il-piena adattata m’għandhiex taggrava l-piena li ngħatat fl-Istat emittenti fin-natura jew id-dewmien tagħha.”

10.      L-Artikolu 25 tal-istess deċiżjoni qafas jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas [2002/584], id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Qafas, għall-infurzar ta’ pieni f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, jew fejn, waqt li jaġixxi taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, ikun impona il-kondizzjoni li l-persuna sentenzjata trid tintbagħat lura biex tiskonta l-piena fl-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna kkonċernata.”

B.      Id-dritt Olandiż

11.      L-Overleveringswet (il-Liġi dwar il-Konsenja) (7) tad-29 ta’ April 2004 timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2002/584. L-Artikolu 6(1) tagħha jaqra kif ġej:

“Il-konsenja ta’ ċittadin Olandiż tista’ tiġi awtorizzata sa fejn din it-talba ssir għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali fil-konfront tiegħu u sa fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li huwa ggarantit li jekk għall-fatti li għalihom il-konsenja tista’ tiġi awtorizzata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huwa jiġi kkundannat għal piena li ċċaħħad il-libertà definittiva, huwa jkun jista’ jiskonta din il-piena fil-Pajjiżi l-Baxxi”.

12.      L-Artikolu 28(2) tal-OLW jipprovdi:

“Jekk ir-rechtbank [il-Qorti Distrettwali] tikkonstata […] li l-konsenja ma tistax tiġi awtorizzata […], hija għandha tirrifjuta din il-konsenja fid-deċiżjoni tagħha.”

13.      Il-Wet wederzijdse erkenning en tenuitvoerlegging vrijheidsbenemende en voorwaardelijke sancties (il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni Reċiproka ta’ Kundanni għal Sanzjonijiet ta’ Priġunerija Sospiżi jew Mhux Sospiżi) (8) tat-12 ta’ Lulju 2012 timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2008/909. L-Artikolu 2:2 tagħha, intitolat “Awtorità kompetenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Ministru għandu l-kompetenza jirrikonoxxi deċiżjoni ġudizzjarja trażmessa minn wieħed mill-Istati Membri emittenti, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi.”

14.      L-Artikolu 2:11 tal-WETS, intitolat “Rwol tal-qorti; adattament tal-kundanna”, jistabbilixxi:

“1.      Il-Ministru jibgħat id-deċiżjoni ġudizzjarja u ċ-ċertifikat lill-Avukat Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti tal-Appell, sakemm ma jikkunsidrax mill-bidu li hemm raġunijiet sabiex ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ġudizzjarja jiġi rrifjutat.

2.      L-Avukat Ġenerali jippreżenta immedjatament id-deċiżjoni ġudizzjarja lill-awla speċjalizzata tal-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden [il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leuvarde, il-Pajjiżi l-Baxxi] […]

3.      L-awla speċjalizzata tal-Gerechtshof [il-Qorti tal-Appell] tiddeċiedi:

[…]

c.      liema huwa l-adattament tas-sanzjoni li ċċaħħad il-libertà mogħtija li għalih jagħtu lok il-[paragrafi 4, 5 jew 6].

4.      Jekk it-tul tas-sanzjoni li ċċaħħad il-libertà jkun ikbar mit-tul massimu tal-piena imposta fid-dritt Olandiż għar-reat ikkonċernat, it-tul tas-sanzjoni li ċċaħħad il-libertà għandu jitnaqqas għal dan it-tul massimu.

5.      Meta l-persuna kkundannata tiġi kkonsenjata b’garanzija ta’ ritorn fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-[OLW], il-paragrafu 4 ma japplikax, iżda għandu jiġi ddeterminat jekk is-sanzjoni li ċċaħħad il-libertà imposta tikkorrispondix għall-kundanna li kienet tingħata fil-Pajjiżi l-Baxxi għar-reat ikkonċernat. Jekk ikun il-każ, il-kundanna tiġi adattata skont il-każ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet tal-Istat Membru emittenti dwar il-gravità tar-reat imwettaq.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.      Fit-3 ta’ Marzu 2017, imħallef tal-Canterbury Crown Court (il-Qorti tal-Kuruna ta’ Canterbury, ir-Renju Unit) ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra SF, ċittadin Olandiż, intiż għall-konsenja ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali li tirrigwarda żewġ reati, jiġifieri kompliċità għall-importazzjoni fir-Renju Unit ta’ 4 kg eroina u 14-il kg kokaina.

16.      Fit-30 ta’ Marzu 2017, l-officier van justitie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi) talab lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdi l-garanzija prevista fl-Artikolu 6(1) tal-OLW, li jittrasponi l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

17.      L-ittra tal-20 ta’ April 2017 tal-Home Office (il-Ministeru tal-Intern, ir-Renju Unit) tindika dan li ġej:

“[…]

Ir-Renju Unit jintrabat li jekk tingħata piena li ċċaħħad il-libertà kontra SF fir-Renju Unit, huwa jiġi rritornat fil-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 153C tal-Extradition Act 2003 (il-Liġi tal-2003 dwar l-Estradizzjoni) sakemm dan ikun raġonevolment possibbli wara t-tmiem tal-proċedura kriminali fir-Renju Unit u ta’ kull proċedura oħra li tirrigwarda r-reat li għalih qed tintalab il-konsenja.

L-informazzjoni dettaljata dwar il-piena eventwalment imposta kontra SF tiġi kkomunikata meta jiġi rritornat fil-Pajjiżi l-Baxxi. Nikkunsidraw li konsenja skont id-Deċiżjoni Qafas [2002/584] ma tawtorizzax lill-Pajjiżi l-Baxxi jimmodifikaw it-tul tal-piena li tiġi eventwalment imposta minn qorti Brittannika”.

18.      Wara li ġie mitlub jippreċiża l-proċeduri li jaqgħu taħt l-espressjoni “kull proċedura oħra” fis-sens tal-Artikolu 153C(4) tal-Liġi tal-2003 dwar l-Estradizzjoni, il-Ministeru tal-Intern wieġeb dan li ġej f’posta elettronika tad-19 ta’ Frar 2018:

“Nista’ nindika li l-espressjoni ‘proċedura oħra’ tista’ tinkludi:

a)      l-eżami ta’ miżura ta’ konfiska;

b)      il-proċedura intiża għad-determinazzjoni tat-tul tal-piena ta’ priġunerija li għandha tiġi skontata fin-nuqqas ta’ ħlas tas-sanzjoni pekunjarja eventwali;

c)      l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji posssibbli; u

d)      l-iskadenza tat-termini kollha ta’ ħlas ta’ deċiżjoni ta’ konfiska jew ta’ sanzjoni pekunjarja.”

19.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li s-sentenza “[n]ikkunsidraw li konsenja skont id-Deċiżjoni Qafas [2002/584] ma tawtorizzax lill-Pajjiżi l-Baxxi jimmodifikaw it-tul tal-piena li tiġi eventwalment imposta minn qorti Brittannika” hija marbuta mal-fatt li t-talba tal-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi) li tingħata garanzija f’kawżi preċedenti simili kienet tinkludi l-osservazzjoni li l-Pajjiżi l-Baxxi jistgħu jaddattaw għad-dispożizzjonijiet nazzjonali l-piena jew l-miżura li ċċaħħad il-libertà, skont l-Artikolu 2:11(5) tal-WETS.

20.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-garanzija pprovduta mill-Istat Membru emittenti, kif ifformulata minn dan tal-aħħar, tqajjem mistoqsijiet dwar il-kompatibbiltà tagħha ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Qafas 2002/584 u 2008/909. F’każ li din il-garanzija tirriżulta effettivament inkompatibbli ma’ dawn id-Deċiżjonijiet Qafas, il-konsenja ta’ SF għandha tiġi rrifjutata.

21.      L-ewwel aspett ta’ dawn il-mistoqsijiet jirrigwarda l-mument li fih l-Istat Membru emittenti għandu jimplimenta l-garanzija ta’ ritorn fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-persuna kkundannata għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà, bħal dik prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. B’mod iktar partikolari, tqum il-problema dwar jekk l-Istat Membru emittenti jistax, wara li l-kundanna għal piena jew għal miżura li ċċaħħad il-libertà ssir definittva, jistenna li kull proċedura oħra li tirrigwarda r-reat li għalih il-konsenja ġiet mitluba, bħall-proċedura ta’ konfiska, tingħalaq definittivament qabel ma jirritorna l-persuna kkonċernata lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

22.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li minkejja li l-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà jimmilita favur ritorn ta’ din il-persuna fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hekk kif din il-kundanna ssir definittva, mingħajr stennija tat-tmiem ta’ proċeduri oħra li jirrigwardaw ir-reat li fuq il-bażi tiegħu ntalbet il-konsenja, jeżistu madankollu argumenti favur l-interpretazzjoni inversa, bħall-effettività tal-ġlieda kontra l-kriminalità u l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata.

23.      It-tieni aspett tal-mistoqsijiet invokati mill-qorti tar-rinviju joriġina mill-fatt li l-formulazzjoni tal-garanzija ta’ ritorn magħmula mill-Istat Membru emittenti tipprovdi li “konsenja skont id-Deċiżjoni Qafas [2002/584] ma tawtorizzax lill-Pajjiżi l-Baxxi jimmodifikaw it-tul tal-piena li tiġi eventwalment imposta minn qorti Brittannika”.

24.      Skont il-qorti tar-rinviju, dan il-fatt iwassal sabiex wieħed jistaqsi dwar jekk l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, wara li jipproċedi bil-konsenja tal-persuna mitluba taħt il-kundizzjoni ta’ garanzija ta’ ritorn lejn dan tal-aħħar u ladarba jasal sabiex jeżegwixxi l-kundanna ta’ din il-persuna għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà, jistax jipproċedi għall-adattament ta’ din il-piena u, jekk iva, f’liema limiti.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 1(3) u l-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Kwadru [2002/584], kif ukoll l-Artikolu 1(a) u (b) u l-Artikolu 3(3) u (4) u l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909] għandhom jiġu interpretati fis-sens li: fil-każ fejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ssuġġetta l-konsenja mitluba, għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, ta’ ċittadin nazzjonali għall-kundizzjoni, imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Kwadru [2002/584], li l-persuna kkonċernata, wara li tkun instemgħet, tintbagħat lura fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex tiskonta hemmhekk il-piena ta’ priġunerija jew il-miżura li tneħħi l-libertà li eventwalment tiġi ddikjarata kontriha fl-Istat Membru ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Istat Membru ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, inkwantu Stat ta’ ħruġ tas-sentenza mogħtija, għandu effettivament jibgħat lura l-persuna kkonċernata, wara li l-kundanna għal piena ta’ priġunerija jew għal miżura li tneħħi l-libertà tkun saret definittiva, biss mill-mument li fih ‘kwalunkwe proċedura oħra rigward il-ksur li għaliha l-konsenja hija mitluba’, bħal proċedura ta’ konfiska, tkun ġiet konkluża b’mod definittiv?

2.      L-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jkun ikkonsenja ċittadin nazzjonali taħt il-garanzija msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Kwadru [2002/584], Stat Membru jista’, inkwantu Stat ta’ eżekuzzjoni, waqt ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija kontra din il-persuna, u dan b’deroga mill-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909], jeżamina jekk il-piena ta’ priġunerija ddikjarata kontra din il-persuna tikkorrispondix għall-piena li kienet tiġi imposta fl-Istat ta’ eżekuzzjoni għall-ksur inkwistjoni u, fejn xieraq, jadatta konsegwentement il-piena ta’ priġunerija ddikjarata?”

IV.    Analiżi

26.      Qabel neżamina l-mertu tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandi l-ewwel inwieġeb għall-argumenti magħmula mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi insostenn tal-inammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

27.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi jargumenta essenzjalment, li r-risposti għad-domandi magħmula ma humiex neċessarji sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali u billi jenfasizza n-natura ipotetika ta’ dawn id-domandi.

28.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi” (9).

29.      Minn dan isegwi li “d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha” (10).

30.      F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li s-sitwazzjoni f’dan il-każ tikkorrispondi għal waħda minn dawn l-ipoteżijiet. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Sabiex tagħmel dan, hija għandha neċessarjament tevalwa jekk il-garanzija ta’ ritorn, kif ifformulata mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, hijiex konformi ma’ dak li jippermetti l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’tali mod li hija tkun tista’ tilqa’ t-talba għall-konsenja ta’ SF. Issa, sabiex twettaq dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha kjarifiki fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. L-istess japplika fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-prosegwiment li l-qorti tar-rinviju ser tagħti lill-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiddependi direttament mir-risposti li ser jiġu pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula.

31.      Inżid li huwa ferm ċar li f’dan l-istadju tal-proċedura, ħadd ma jaf jekk SF huwiex ser jiġi ddikjarat ħati tar-reati li huma allegati fil-konfront tiegħu u inqas u inqas liema pieni ser jiġu imposti fuqu, jekk ikun il-każ. Minn din il-perspettiva, id-dimensjoni ipotetika hija inerenti għall-iżvolġiment normali ta’ proċedura kriminali u għall-preżunzjoni ta’ innoċenza. Madankollu, ħaġa waħda hija ċerta: il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali u sabiex tagħmel dan teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi kjarifiki dwar il-portata tal-garanzija ta’ ritorn prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li hija kundizzjoni ta’ din l-eżekuzzjoni.

32.      Konsegwentement, inqis li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

B.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

33.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-garanzija li tipprovdi li l-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, wara li tinstema’, għandha tiġi rritornata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex tiskonta fih il-piena jew il-miżura ta’ sigurtà li ċċaħħad il-libertà li tista’ tingħata fil-konfront tagħha fl-Istat Membru emittenti tfisser li tali ritorn jista’ jiġi ddifferit sakemm tingħata deċiżjoni definittiva dwar piena jew miżura addizzjonali, bħal deċiżjoni ta’ konfiska.

34.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li “d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha l-għan, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha moqrija fid-dawl tal-premessi 5 u 7 tagħha, li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit‑13 ta’ Diċembru 1957, b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew tat-tressiq ta’ proċeduri kriminali, liema sistema hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku” (11).

35.      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża, “[b]’hekk, permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata u iktar effettiva ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali […] li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri” (12).

36.      Għalhekk, “konformement mal-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-għan tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa li jippermetti l-arrest u l-konsenja ta’ persuna rikjesta sabiex, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija deċiżjoni qafas, ir-reat imwettaq ma jibqax mingħajr kastig u li jitressqu azzjonijiet kontra din il-persuna jew li din il-persuna tiskonta l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta kontriha” (13).

37.      Fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tagħha, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas li jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni qafas. L-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni “[g]ħaldaqstant, bħala prinċipju, […] ma jistgħux jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat ħlief għall-motivi, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett” (14).

38.      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistabbilixxi b’mod espliċitu r-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja (Artikolu 3) u fakultattiva (Artikoli 4 u 4a) tal-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll il-garanziji li għandhom jiġu pprovduti mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari (Artikolu 5) (15).

39.      Għalhekk, “minkejja li s-sistema stabbilita fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, dan ir-rikonoxximent madankollu ma jimplikax obbligu assolut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest maħruġ. Fil-fatt, is-sistema tal-imsemmija deċiżjoni qafas […] tħalli l-possibbiltà għall-Istati Membri li jippermettu, f’sitwazzjonijiet speċifiċi, lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti li jiddeċiedu li piena imposta għandha tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni” (16).

40.      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, permezz tal-Artikolu 4(6) u tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Għaż-żewġ tipi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li tipprevedi din tal-aħħar, “dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, b’mod partikolari, l-għan li jagħtu attenzjoni partikolari għaż-żieda fil-possibbiltà ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna mfittxija” (17).

41.      B’mod partikolari, l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprovdi li “fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-iskopijiet ta’ prosekuzzjoni hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi, iċ-ċediment tista’ tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, hi ritornata lill-Istat Membru li jesegwixxi sabiex tgħaddi hemm is-sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni mogħtija kontriha fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat”.

42.      Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax il-mument li fih għandu jseħħ ir-ritorn fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-persuna li ġiet ikkundannata għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà fl-Istat Membru emittenti.

43.      Fid-dawl ta’ din l-impreċiżjoni, għandha ssir għażla bejn żewġ teżijiet.

44.      Skont l-ewwel teżi, difiża minn SF kif ukoll mill-Gvern Taljan u mill-Gvern Pollakk, hemm lok li tingħata prijorità lill-għan imfittex mill-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jiġifieri li jiżdiedu l-possibbiltajiet ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna li kienet is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali. Minn din il-perspettiva, l-Istat Membru emittenti għandu jiggarantixxi lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li l-persuna li kienet is-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew tiġi rritornata f’dan l-aħħar Stat Membru hekk kif il-kundanna għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà ssir definittiva, peress li l-ħtija ta’ din il-persuna tkun ġiet stabbilita b’mod definittiv. Il-fatt li l-kundanna għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà tista’ tkun segwita minn fażi oħra tal-proċedura kriminali li tista’ twassal għal piena jew miżura addizzjonali, bħal deċiżjoni ta’ konfiska, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, id-dewmien tar-ritorn ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ kundanna kriminali definittiva għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà minħabba l-istennija tal-adozzjoni eventwali, f’terminu indeterminat, ta’ piena jew miżura addizzjonali, imur kontra l-għan intiż sabiex jiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuni kkundannati. L-eżekuzzjoni tal-piena jew tal-miżura li ċċaħħad il-libertà fl-Istat Membru tan-nazzjonalità jew tar-residenza tal-persuna kkundannata, prevista mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/584, ma tistax tiddependi fuq dan l-element ta’ inċertezza li jirriżulta mill-partikolaritajiet tal-proċedura kriminali tal-Istat Membru emittenti.

45.      Mill-banda l-oħra, skont it-tieni teżi li hija sostnuta, b’ċerti differenzi sottili bejn il-partijiet, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, mill-Gvern Olandiż, dak Awstrijak u dak tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, l-effettività tal-prosekuzzjonijiet kriminali u l-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-persuna pproċessata jimplikaw li r-ritorn ta’ din il-persuna fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jseħħ biss mill-mument li fih l-fażijiet l-oħra tal-proċedura kriminali li jistgħu jwasslu għad-dikjarazzjoni ta’ piena jew miżura addizzjonali, bħal deċiżjoni ta’ konfiska, jingħalqu definittivament.

46.      Jiena naqbel ma’ din it-tieni teżi. Madankollu, inżid ċerti preċiżjonijiet intiżi sabiex jiżguraw li l-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid ta’ persuni kkundannati ma jinġabx fix-xejn minħabba partikolaritajiet jew tul eċċessiv tal-proċedura kriminali fl-Istat Membru emittenti.

47.      Bħala punt tat-tluq tal-analiżi tiegħi, infakkar li mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà.

48.      Mill-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ biss għal reati li huma punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà.

49.      Għalhekk, minkejja li mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali jista’ jinħareġ biss għal reati punibbli b’piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà, madankollu dan ma jfissirx li tali prosekuzzjoni tista’ twassal biss għal dikjarazzjoni ta’ tali piena jew miżura. Fil-fatt, huwa frekwenti li piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà, li tikkostitwixxi l-piena prinċipali, tkun akkumpanjata minn piena jew miżura addizzjonali, bħal multa jew deċiżjoni ta’ konfiska.

50.      Huwa fuq dan l-aħħar tip ta’ piena jew miżura addizzjonali li l-qorti tar-rinviju tqiegħed enfasi fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

51.      Ikkunsidrat il-fatt li l-prosekuzzjoni kriminali fl-Istat Membru emittenti tista’ twassal għal piena prinċipali u għal diversi pieni jew miżuri addizzjonali, u dan fil-kuntest ta’ proċedura kriminali li tista’ tinqasam f’diversi stadji, tqum il-kwistjoni dwar meta għandu jseħħ ir-ritorn fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-persuna kkundannata għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà sabiex hija tiskonta fih din il-piena. F’dan ir-rigward, nirrileva li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni suffiċjenti, jeżistu fuq livell tal-Unjoni diversi mudelli proċedurali li jirriflettu, b’mod partikolari, differenzi bejn l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-iżvolġiment tal-proċeduri kriminali.

52.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli li jinsabu fid-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Fil-fatt, mill-Artikolu 25 ta’ din id-deċiżjoni qafas jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw, fil-prinċipju, fil-kuntest tar-ritorn għall-eżekuzzjoni tal-piena rregolat mill-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

53.      L-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jiddefinixxi “sentenza” bħala “deċiżjoni finali jew ordni tal-qorti ta’ l-Istat emittenti li timponi piena fuq persuna fiżika” (18). Skont l-Artikolu 1(b) ta’ din l-istess deċiżjoni qafas, il-kunċett ta’ “piena” ikopri “kwalunkwe piena ta’ kustodja jew kwalunkwe miżura li tinvolvi ċaħda tal-libertà imposta għal perijodu ta’ żmien limitat jew mhux limitat minħabba reat kriminali abbażi ta’ proċedimenti kriminali” (19). Għalhekk, l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 teħtieġ l-eżistenza ta’ kundanna definittiva għal piena li ċċaħħad il-libertà (20).

54.      Minn dan jirriżulta li r-ritorn fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-persuna kkundannata għal piena jew miżura li ċċaħħad l-libertà, li hija prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jista’ jseħħ biss mill-mument li fih din il-kundanna ssir definittiva skont l-Artikolu 1(a) u (b) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

55.      Dan ifisser li r-ritorn fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-persuna li ġiet ikkundannata għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà fl-Istat Membru emittenti għandu dejjem iseħħ immedjatament wara li din il-kundanna tikseb natura definittiva?

56.      Jiena ma naħsibx li dan huwa l-każ.

57.      Fil-fatt, inqis li l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jippermetti lill-Istat Membru emittenti jipprovdi li r-ritorn fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-persuna li kienet ġiet ikkonsenjata lilu jista’ jseħħ biss mill-mument li fih tkun ingħatat deċiżjoni definittiva dwar il-pieni jew miżuri addizzjonali li jirrigwardaw ir-reat li abbażi tiegħu nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew.

58.      Fi kliem ieħor, minkejja li l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tissuġġetta mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni ta’ ritorn tal-persuna kkonċernata, madankollu, din id-dispożizzjoni ma tawtorizzax lil din l-awtorità teżiġi li dan ir-ritorn iseħħ immedjatament wara l-kundanna definittiva ta’ din il-persuna għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà. Għalhekk, l-assenza ta’ garanzija ta’ ritorn immedjat ma tikkostitwixxix sitwazzjoni li fiha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tikkonsenja persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

59.      Nibbaża din l-opinjoni fuq il-kunsiderazzjoni prinċipali li tipprovdi li minkejja li l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat b’mod li l-għan ewlieni tiegħu, jiġifieri li jiġu ffaċilitati l-possibbiltajiet ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata, jintlaħaq, huwa importanti wkoll li tiġi adottata interpretazzjoni li tippermetti r-rikonċiljazzjoni ta’ dan l-għan ma’ dawk li jikkonsistu, minn naħa, li tiġi żgurata repressjoni kompleta u effikaċi tar-reat li fuq il-bażi tiegħu nħareg il-mandat ta’ arrest Ewropew, u min-naħa l-oħra, li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta’ din il-persuna. Infakkar ukoll li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha l-għan primordjali tal-ġlieda kontra l-impunità (21).

60.      Insostenn ta’ din l-opinjoni, nenfasizza l-elementi li ġejjin.

61.      L-ewwel nett, b’analoġija ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Istati Membri għandhom marġni reali ta’ diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas (22). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li għalkemm il-garanzija ta’ ritorn prevista minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha b’mod partikolari l-għan li tkun tista’ tingħata importanza partikolari lill-possibbiltà li jitkabbru l-possibbiltajiet ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna rikjesta wara li tkun skontat il-piena li għaliha din tal-aħħar tkun ġiet ikkundannata, tali għan, għalkemm importanti, ma jistax jeskludi li l-Istati Membri, fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jillimitaw, fis-sens indikat mir-regola essenzjali stabbilita fl-Artikolu 1(2) tagħha, is-sitwazzjonijiet li fihom għandu jkun possibbli li tiġi rrifjutata l-konsenja ta’ persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas (23). Għalhekk, l-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata ma huwiex ta’ natura assoluta u jista’ jiġi bbilanċjat ma’ rekwiżiti oħra.

62.      It-tieni nett, għandu jiġi ppreċiżat li piena jew miżura addizzjonali, bħal deċiżjoni ta’ konfiska, għandha rwol essenzjali fir-repressjoni tar-reati, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fuq il-bażi tagħhom ikun inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew (24).

63.      Kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (25), “[i]r-raġuni ewlenija għall-kriminalità organizzata transkonfinali, inkluża organizzazzjoni kriminali tat-tip tal-mafja, hija l-gwadann finanzarju”. Huwa għalhekk li “l-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontriha b’mod effikaċi għandhom jinkisbu permezz tan-newtralizzazzjoni tar-rikavat mill-kriminalità u għandhom jiġu estiżi, f’ċerti każijiet, għal kwalunkwe proprjetà li tirriżulta minn attivitajiet ta’ xorta kriminali”.

64.      Fil-premessa 3 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jenfasizza li “[f]ost l-iktar mezzi effettivi biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata hemm l-istabbiliment ta’ konsegwenzi legali serji għat-twettiq ta’ tali reat, kif ukoll l-iskoperta effettiva u l-iffriżar u l-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mill-kriminalità” (26).

65.      Fid-dawl tal-importanza tad-deċiżjonijiet ta’ konfiska fil-ġlieda kontra l-kriminalità, għandha tingħata interpretazzjoni li tippermetti l-adozzjoni mingħajr ostakoli ta’ tali deċiżjonijiet, inkluż wara l-kundanna definittiva tal-persuna kkundannata għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà. Dan jippreżumi li din il-persuna tibqa’ għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti, kemm fil-kuntest tal-investigazzjoni intiża għall-identifikazzjoni tal-assi patrimonjali li din il-persuna kisbet mir-reat u għall-evalwazzjoni tat-tkabbir ta’ dawn l-assi kif ukoll matul il-proċess li jista’ jwassal għall-għoti ta’ deċiżjoni ta’ konfiska. Fi kliem ieħor, amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fid-dawl tar-repressjoni effettiva u kompleta tal-aġir sanzjonabbli li oriġina l-mandat ta’ arrest Ewropew teħtieġ il-preżenza tal-persuna pproċessata sakemm tingħalaq b’mod definittiv din il-fażi proċedurali li tagħmel parti integrali mill-prosekuzzjoni kriminali. Fil-fatt, huwa essenzjali li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti ma jsibux problemi ta’ provi jew ta’ ordinament prattiku marbuta mal-assenza tal-persuna kkonċernata, li jistgħu jostakolaw l-għoti ta’ deċiżjoni ta’ konfiska.

66.      It-tielet nett, il-preżenza tal-persuna imputata fil-kuntest tal-proċess li jista’ jwassal għal deċiżjoni ta’ konfiska tikkostitwixxi garanzija proċedurali essenzjali għal din il-persuna.

67.      F’dan ir-rigward, nirrileva li skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 din “m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 [TUE]” (27). Peress li deċiżjoni ta’ konfiska hija ta’ natura li tippreġudika b’mod sostanzjali d-drittijiet tal-persuna pproċessata (28) u peress li din id-deċiżjoni tagħmel parti mill-proċedura kriminali fid-dawl tal-istabbiliment tal-piena, għandha tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali li minnhom jibbenefikaw dawn il-persuni, li jinkludu d-dritt tal-akkużat li jidher personalment fil-proċess tiegħu, li huwa inkluż fid-dritt għal smigħ xieraq.

68.      Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziazek (29), “mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-garanziji tal-Artikolu 6 tal-KEDB japplikaw mhux biss għad-dikjarazzjoni ta’ ħtija, iżda wkoll għad-determinazzjoni tal-piena (ara, f’dan is-sens, il-QEDB, tat-28 ta’ Novembru 2013, Dementyev vs Ir-Russja, CE:ECHR:2013:1128JUD004309505, § 23). B’hekk, l-osservanza tal-korrettezza tal-kawża timplika d-dritt, għall-persuna kkonċernata, li tattendi għad-dibattiti minħabba l-konsegwenzi importanti li dawn jista’ jkollhom fuq il-quantum tal-piena li se tkun imposta fuqha (ara, f’dan is-sens, il-QEDB, 21 ta’ Settembru 1993, Kremzov vs L-Awstrija, CE:ECHR:1993:0921JUD001235086, § 67)” (30). Peress li tagħmel parti mid-determinazzjoni tal-piena, il-proċedura kriminali li twassal għad-dikjarazzjoni eventwali ta’ deċiżjoni ta’ konfiska għandha tirrispetta dan id-dritt proċedurali tal-akkużat (31).

69.      Fil-fehma tiegħi, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Istat Membru emittenti jista’ jipprovdi, skont l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, garanzija li r-ritorn tal-persuna kkonċernata jseħħ biss fil-mument li fih tkun ingħatat deċiżjoni definittiva dwar il-piena jew dwar il-miżura addizzjonali, bħal deċiżjoni ta’ konfiska.

70.      Minn dan isegwi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew billi targumenta li tali garanzija tmur kontra l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

71.      Sabiex tiġi ċċarata l-portata tas-soluzzjoni li jiena nipproponi, ninsisti, madankollu, fuq l-elementi li ġejjin.

72.      Fl-ewwel lok, huwa ċar li l-fażi tal-proċedura kriminali li tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ piena jew miżura addizzjonali, bħal deċiżjoni ta’ konfiska, għandha tirrigwarda l-istess reat li oriġina l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali.

73.      Fit-tieni lok, l-istabbiliment ta’ piena jew miżura addizzjonali, bħal deċiżjoni ta’ konfiska, għandu jaqa’ fil-kuntest tal-prosekuzzjoni kriminali li fir-rigward tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew. B’mod partikolari, din għandha tkun deċiżjoni ta’ konfiska mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura f’materji kriminali u mhux fil-kuntest ta’ proċeduri f’materji ċivili jew amministrattivi.

74.      Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li jiena nissuġġerixxi ma għandhiex madankollu twassal sabiex, minħabba partikolaritajiet tal-proċeduri kriminali tal-Istati Membri, jiġi ostakolat l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni kif ukoll mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 (32), jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata. Konsegwentement, dan l-għan ma jistax jiġi injorat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti wara li l-persuna kkonċernata mill-mandat ta’ arrest Ewropew tiġi kkonsenjata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat fejn huwa ġenwinament integrat hija fl-interess mhux biss ta’ dan tal-aħħar, iżda wkoll tal-Unjoni inġenerali” (33). Għalhekk, għar-raġunijiet indikati preċedentement, nammetti li r-ritorn fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-persuna kkundannata għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà jista’ jiġi pospost sakemm tiġi stabbilita b’mod definit piena jew miżura addizzjonali bħal deċiżjoni ta’ konfiska, b’tali posponiment ma jistax jeċċedi tul raġonevoli.

75.      Fil-fatt, ma għandux jintesa’ li mill-mument li fih il-kundanna għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà ssir definittiva, kull kontinwazzjoni ta’ detenzjoni tal-persuna kkundannata fl-Istat Membru emittenti tagħmel parti mill-eżekuzzjoni ta’ din il-piena. Fid-dawl tal-iskop tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-eżekuzzjoni tal-imsemmija piena fl-Istat Membru emittenti hija aċċettabbli biss għal terminu qasir. Meta mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni jiġi eżegwit bla ħsara għall-garanzija ta’ ritorn prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti għandhom għalhekk jagħmlu dak kollu fil-kompetenza tagħhom sabiex it-terminu ta’ bejn il-kundanna definittiva għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà u d-determinazzjoni tal-pieni jew miżuri addizzjonali, bħal deċiżjoni ta’ konfiska, ikun l-inqas possibbli, b’mod li jgħaġġel ir-ritorn tal-persuna kkundannata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. F’din il-perspettiva, dawn l-awtoritajiet għandhom jiffavorixxu, meta d-dritt nazzjonali jippermetti, l-istabbiliment ta’ piena jew miżura addizzjonali, bħal deċiżjoni ta’ konfiska, b’mod simultanju mal-għoti tal-piena prinċipali li ċċaħħad il-libertà, b’tali mod li r-ritorn fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-persuna kkundannata definittivament għal tali pieni jkun jista’ jseħħ iktar malajr.

76.      Fir-raba’ lok, u fi kwalunkwe każ, dan ir-ritorn ma jistax jiġi ddiferit sakemm piena jew miżura addizzjonali, bħal deċiżjoni ta’ konfiska, tiġi eżegwita. L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 huwa ċar f’dan ir-rigward, sa fejn huwa jipprovdi, b’mod partikolari, li “l-fatt li, flimkien mal-piena, tiġi imposta multa u/jew ordni ta’ konfiska, li ma tkunx għadha tħallset, ġiet irkuprata jew infurzata, m’għandux iwaqqaf sentenza milli tiġi trasmessa”. Barra minn hekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-multi u ta’ deċiżjonijiet ta’ konfiska fi Stat Membru ieħor huma rregolati minn sistemi speċifiċi fid-dritt tal-Unjoni.

77.      Għalhekk, nikkunsidra li l-preċiżjoni pprovduta mir-Renju Unit, li l-espressjoni “kull proċedura” tista’ tinkludi “(d) l-iskadenza tat-termini kollha ta’ ħlas ta’ deċiżjoni ta’ konfiska jew ta’ sanzjoni pekunjarja”(34), ma hijiex konformi mal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, minkejja li r-ritorn jista’ jiġi ddiferit sakemm tingħata deċiżjoni ta’ konfiska, mill-banda l-oħra, huwa eskluż li t-tul ta’ dan il-posponiment jiġi estiż għall-fażi ta’ eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni. Ir-Renju Unit għandu għalhekk, dwar dan il-punt, jirrevedi l-formulazzjoni tal-garanzija ta’ ritorn, u fin-nuqqas ta’ dan l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha dritt, fil-fehma tiegħi, tikkunsidra li din ma hijiex konformi ma’ dak li jippermetti l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

78.      Fil-fehma tiegħi, minn dawn l-argumenti jirriżulta li l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-garanzija li tipprovdi li l-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, wara li tinstema’, għandha tiġi rritornata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex tiskonta fih il-piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà li tista’ tingħata kontra tagħha fl-Istat Membru emittenti tfisser li tali ritorn jista’ jiġi ddiferit sakemm tingħata deċiżjoni definittiva dwar piena jew miżura addizzjonali, bħal deċiżjoni ta’ konfiska, bil-kundizzjoni li din tingħata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali u li din il-fażi proċedurali tirrigwarda l-istess reat li oriġina l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni. Fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti għandhom, madankollu, jagħmlu dak kollu fil-kompetenza tagħhom sabiex tali ritorn iseħħ fl-iqsar terminu possibbli.

C.      Fuq it-tieni domanda preliminari

79.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, wara li jipproċedi bil-konsenja tal-persuna mitluba taħt il-kundizzjoni ta’ garanzija ta’ ritorn ta’ din tal-aħħar u ladarba jasal għall-eżekuzzjoni tal-kundanna tal-imsemmija persuna għal piena jew miżura li ċċaħħad il-liberta, jistax iwettaq adattament ta’ din il-piena b’mod li din tiġi tikkorrispondi għall-piena li kienet tiġi imposta f’dak l-Istat Membru għar-reat inkwistjoni.

80.      Din id-domanda toriġina mill-perċezzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li jidhirli li tmur kontra l-prinċipju ta’ territorjalità tad-dritt kriminali, li tipprovdi li l-kundanni penali barranin kontra ċittadini Olandiżi li kienu kkonsenjati fi Stat Membru ieħor taħt il-kundizzjoni ta’ garanzija ta’ ritorn għandhom jiġu kkonvertiti f’kundanna normalment applikabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi għal reat simili. Din il-perċezzjoni hija bbażata fuq il-volontà tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jiżgura ugwaljanza fit-trattament bejn tali ċittadini u ċ-ċittadini Olandiżi li jiġu kkundannati f’dan l-Istat Membru.

81.      L-imsemmija perċezzjoni hija espressa fl-Artikolu 2:11(5) tal-WETS li minnu jirriżulta li l-Artikolu 2:11(4) ta’ din il-liġi, li jittrasponi l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ma japplikax meta l-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkonsenjata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-garanzija prevista fl-Artikolu 6(1) tal-OLW, li jittrasponi l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. L-Artikolu 2:11(5) tal-WETS jipprovdi mbagħad li “għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk is-sanzjoni li ċċaħħad il-libertà imposta tikkorrispondix mal-kundanna li kienet tingħata fil-Pajjiżi l-Baxxi għar-reat ikkonċernat” u li “[j]ekk ikun il-każ, il-kundanna tiġi adattata skont il-każ, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-Istat Membru emittenti dwar il-gravità tar-reat imwettaq”.

82.      Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jawtorizza, f’każ ta’ persuna kkonsenjata taħt il- garanzija ta’ ritorn, adattament tal-piena lil hinn minn dak li jipprovdi l-Artikolu 8(2) ta’ din id-deċiżjoni.

83.      Jiena ma naqbilx ma’ dan il-qari tal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li fil-fehma tiegħi, ma jinkludi ebda bażi legali insostenn ta’ tali prattika.

84.      Infakkar li minn dan l-artikolu jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 japplikaw bħala prinċipju fil-kuntest tar-ritorn għall-eżekuzzjoni tal-piena rregolat mill-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

85.      Issa, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 timponi obbligu ta’ rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor u ta’ eżekuzzjoni tal-kundanna imposta minn din is-sentenza. Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (35), “l-Artikolu 8 tal-istess deċiżjoni qafas jistabbilixxi l-kundizzjonijiet stretti għall-addattament, mill-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, tal-kundanna imposta fl-Istat emittenti, liema kundizzjonijiet b’hekk jikkostitwixxu l-uniċi eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ prinċipju, li jinkombi lill-imsemmija awtorità, li tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trażmessa lilha u li teżegwixxi l-kundanna li t-tul u n-natura tagħha jkunu jikkorrispondu għal dawk previsti fis-sentenza mogħtija f’dak l-Istat emittenti” (36).

86.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustsizzja diġà enfasizzat il-fatt li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex dritt twettaq eżami mill-ġdid tal-mertu tal-analiżi diġà mwettqa fil-kuntest tad-deċiżjoni ġudizzjarja adottata fl-Istat Membru emittenti. Fil-fatt, “tali eżami mill-ġdid jikser u jċaħħad minn kull effett utli l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jimplika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka fir-rigward tal-fatt li kull wieħed mill-Istati Membri jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri oħra, minkejja li l-implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu twassal għal soluzzjoni differenti, u ma tippermettix għalhekk lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni [diġà mwettqa fl-Istat Membru emittenti bl-evalwazzjoni] tagħha dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuna [kkonċernata] […]” (37).

87.      Barra minn hekk, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà, “[i]l-bażi għall-eżekuzzjoni [ta’ din il-piena] tinsab fis-sentenza eżekutorja mogħtija fl-Istat Membru emittenti” (38).

88.      Minn dawn l-elementi kollha niddeduċi li huwa biss fiċ-ċirkustanzi stretti pprovduti mill-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 li l-kundanna għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà imposta fl-Istat Membru emittenti tista’, jekk ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ adattament fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. B’mod partikolari, fid-dawl tad-differenza fit-tul tal-piena jew tal-miżura li ċċaħħad il-libertà f’dawn iż-żewġ Stati Membri għal reati tat-tip ta’ dawk allegati fil-konfront ta’ SF (39), l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 donnu huwa l-unika dispożizzjoni li tista’ tagħti possibbiltà ta’ adattament tal-piena li tista’ tingħata fir-Renju Unit kontra SF. Infakkar li skont din id-dispożizzjoni, “[f]ejn il-piena tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni fir-rigward tat-tul tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li tadatta l-piena biss fejn dik il-piena taqbeż il-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi nazzjonali tiegħu. Il-piena adattata m’għandhiex tkun anqas mill-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni”.

89.      Huwa probabbli li r-Renju Unit kien jaf li d-dritt Olandiż jagħti possibbiltà wiesgħa ta’ adattament ta’ pieni wara r-ritorn tal-persuna kkundannata u ried ifisser lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi l-oppożizzjoni tiegħu għal adattament tal-piena permess b’mod daqshekk wiesa’, billi inkluda, fil-formulazzjoni tal-garanzija ta’ ritorn, li “konsenja skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tawtorizzax lill-Pajjiżi l-Baxxi jimmodifikaw it-tul tal-piena li tiġi eventwalment imposta minn qorti Brittannika”. B’hekk, għandu jiġi ppreċiżat li dan ma jostakolax li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi japplika l-possibbiltà ta’ adattament espressament ipprovduta mill-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

90.      Fil-fehma tiegħi, mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, wara li jipproċedi bil-konsenja tal-persuna mitluba taħt il-kundizzjoni ta’ garanzija ta’ ritorn ta’ din tal-aħħar u ladarba jasal sabiex jeżegwixxi l-kundanna tal-imsemmija persuna għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà, ma jistax iwettaq adattament ta’ din il-piena b’mod li jġibha korrispondenti għall-piena li kienet tiġi imposta f’dan l-Istat Membru għar-reat inkwistjoni. Huwa biss fiċ-ċirkustanzi stretti pprovduti mill-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, u b’mod partikolari, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, li l-kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti tista’, jekk ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ adattament fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

V.      Konklużjoni

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Awsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi):

1)      L-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-garanzija li tipprovdi li l-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, wara li tinstema’, għandha tiġi rritornata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex tiskonta fih il-piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà li tista’ tingħata kontra tagħha fl-Istat Membru emittenti, tfisser li tali ritorn jista’ jiġi ddiferit sakemm tingħata deċiżjoni definittiva dwar piena jew miżura addizzjonali, bħal deċiżjoni ta’ konfiska, bil-kundizzjoni li din tingħata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali u li din il-fażi proċedurali tirrigwarda l-istess reat li oriġina l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni. Fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti għandhom, madankollu, jagħmlu dak kollu fil-kompetenza tagħhom sabiex tali ritorn iseħħ fl-iqsar terminu possibbli.

2)      L-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, wara li jipproċedi bil-konsenja tal-persuna mitluba taħt il-kundizzjoni ta’ garanzija ta’ ritorn ta’ din tal-aħħar u ladarba jasal sabiex jeżegwixxi l-kundanna tal-imsemmija persuna għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà, ma jistax iwettaq adattament ta’ din il-piena b’mod li jġibha korrispondenti għall-piena li kienet tiġi imposta f’dan l-Istat Membru għar-reat inkwistjoni. Huwa biss fiċ-ċirkustanzi stretti pprovduti mill-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, u b’mod partikolari, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, li l-kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti tista’, jekk ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ adattament fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 39.


3      ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”.


4      ĠU 2008, L 327, p. 27.


5      ĠU 2005, L 76, p. 16.


6      ĠU 2006, L 328, p. 59.


7      Stb. 2004, Nru 195, iktar ’il quddiem l-“OLW”.


8      Stb. 2012, Nru 333, iktar ’il quddiem il-“WETS”.


9      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud) (C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ibidem (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2019, TC (C-492/18 PPU, EU:C:2019:108, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ibidem (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 39).


14      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Sut (C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Ibidem (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Sut (C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-21 ta’ Ottubru 2010, B. (C‑306/09, EU:C:2010:626, punt 51).


17      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, B. (C‑306/09, EU:C:2010:626, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Korsiv miżjud minni.


19      Korsiv miżjud minni.


20      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ta’ 25 ta’ Jannar 2017, van Vemde (C‑582/15, EU:C:2017:37, punti 24 u 27).


21      Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg (C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 61).


23      Ibidem (punt 62).


24      Infakkar li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali nħareġ għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni fir-rigward ta’ żewġ reati, jiġifieri l-kompliċità għall-importazzjoni fir-Renju Unit ta’ 4 kg eroina u ta’ 14-il kg kokaina.


25      ĠU 2014, L 127, p. 39.


26      Ara wkoll il-premessa 3 tar-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ordnijiet ta’ konfiska (ĠU 2018, L 303, p. 1), li tipprovdi li “[l]-iffriżar u l-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat minn kriminalità huma fost l-aktar mezzi effettivi fil-ġlieda kontra l-kriminalità”.


27      Ara, ukoll, fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, l-Artikolu 3(4) tagħha. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati f’konformità mad-drittijiet fundamentali, li jinkludu rispett integrali tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw mid-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


28      Ara, f’dan is-sens, il-premessa 33 tad-Direttiva 2014/42.


29      C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629.


30      Sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C-271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 87).


31      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-fatt li l-persuna li kontra tagħha ngħatat id-deċiżjoni ta’ konfiska ma dehritx personalment fil-proċess li wassal għal din id-deċiżjoni, jista’ taħt ċerti kundizzjonijiet, jikkostitwixxi sussegwentement raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni: ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 32 u l-Artikolu 19(1)(g) tar-Regolament 2018/1805.


32      Ara l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas.


33      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, B u Vomero (C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      C‑554/14, EU:C:2016:835.


36      Punt 36 ta’ din is-sentenza.


37      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski (C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 52). Ara wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:835, punti 46 sa 49), kif ukoll, fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2019, ET (C‑97/18, EU:C:2019:7, punt 33).


38      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 56).


39      F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn SF jirriżulta li l-fatti li għalihom dan tal-aħħar għandu jiġi kkonsenjat (“assoċjazzjoni bil-għan li tiġi evitata l-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ narkotiċi tal-kategorija A, jiġifieri d-dijamorfina (eroina)” u “assoċjazzjoni bil-għan li tiġi evitata l-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ narkotiċi tal-kategorija A, jiġifieri l-kokaina (idrokloridu ta’ kokaina)”) huma t-tnejn punibbli b’piena ta’ priġunerija perpetwa fir-Renju Unit. Fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-importazzjoni ta’ dawn is-sustanzi narkotiċi hija pprojbita mill-Artikolu 2(A) tal-Opiumwet il-(Liġi dwar l-Opjum) tal-1 ta’ Ottubru 1928 (Stb. 1928, Nru 167), u hija punibbli, skont l-Artikolu 10(5) tal-imsemmija liġi, b’piena ta’ priġunerija ta’ massimu ta’ tnax-il sena. Konsegwentement, ir-Renju Unit jipprovdi piena massima superjuri għal dik li l-Pajjiżi l-Baxxi jipprovdu għall-istess fatti.