Language of document : ECLI:EU:C:2020:191

Kawża C-314/18

SF

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mir-rechtbank Amsterdam)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Marzu 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 5(3) – Konsenja suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tiġi rritornata lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex hemmhekk tiskonta l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti – Il-mument tar-ritorn – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Artikolu 3(3) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 8 – Adattament tal-kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti – Artikolu 25 – Eżekuzzjoni ta’ kundanna fil-kuntest tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584”

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri  – Konsenja ta’ ċittadin jew ta’ resident tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali – Garanziji li għandhom jiġu pprovduti mill-Istat Membru emittenti – Ritorn tal-persuna kkonċernata lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex hemmhekk tiskonta l-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija fil-konfront tagħha – Il-mument tar-ritorn – Deċiżjoni definittiva ta’ kundanna – Eċċezzjoni

(Deċiżjonijiet Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikoli 1(3) u 5(3), u 2008/909, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikoli 1(a), 3(3) u (4), u 25)

(ara l-punti 44, 48 sa 54, 56, 59 sa 62 u d-dispożittiv 1)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2008/909 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali – Eżekuzzjoni tal-kundanni wara mandat ta’ arrest Ewropew  – Eżekuzzjoni fil-każ ta’ ritorn tal-persuna kkonċernata lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat ta’ arest sabiex hemmhekk tiskonta l-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija fil-konfront tagħha fl-Istat Membru emittenti – Adattament tat-tul tal-kundanna mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet

(Deċiżjonijiet Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 5(3), u 2008/909, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikoli 8(2), u 25)

(ara l-punti 65 sa 68, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Fis-sentenza SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni) (C-314/18), mogħtija fil-11 ta’ Marzu 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet u ddeċidiet, minn naħa, li meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jissuġġetta l-konsenja ta’ wieħed miċ-ċittadini jew mir-residenti tiegħu li huwa s-suġġett ta’ tali mandat, għal finijiet ta’ prosekuzzjonijiet kriminali, għall-kundizzjoni li din il-persuna tiġi rritornata lejh sabiex hemhekk tiskonta l-piena jew il-miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti, dan l-Istat Membru għandu bħala prinċipju jwettaq l-imsemmija konsenja hekk kif din id-deċiżjoni ta’ kundanna ssir definittiva. Dan ma huwiex il-każ biss meta raġunijiet konkreti relatati mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jew mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jirrendu indispensabbli li din il-persuna tkun preżenti fl-Istat Membru emittenti, sakemm tingħata deċiżjoni definittiva fil-kuntest ta’ stadji proċedurali oħra li jifformaw parti mill-kuntest tal-proċedura kriminali dwar ir-reat li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, biex jeżegwixxi din il-piena jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà, jista’ jadatta t-tul ta’ din il-kundanna biss b’osservanza tar-rekwiżiti stretti previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 (1).

Din is-sentenza ingħatat fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn Imħallef Brittanniku għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ prosekuzzjoni kriminali kontra ċittadin Olandiż. Fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-uffiċju tal-prosekutur kien talab lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdi l-garanzija, prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (2), li tikkonsisti fit-teħid tal-impenn, qabel il-konsenja, li, fil-każ ta’ kundanna, il-persuna kkonċernata tiġi rritornata lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex hemmhekk hija tiskonta l-piena jew il-miżura li jċaħħdu l-libertà eventwalment mogħtija kontriha (3). B’risposta, il-Ministeru tal-Intern Brittanniku kien indika li, jekk il-persuna kkonċernata kellha tiġi kkundannata għal piena li ċċaħad il-libertà fir-Renju Unit, hija ser tiġi rritornata lejn il-Pajjiżi l-Baxxi hekk kif tispiċċa l-proċedura kriminali u kull proċedura oħra li tirrigwarda r-reat li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew. L-istess awtorità kienet ukoll ippreċiżat li fl-opinjoni tagħha l-konsenja abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma kinitx tawtorizza lill-Pajjiżi l-Baxxi jbiddlu t-tul tal-piena eventwalment mogħtija fir-Renju Unit.

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-mument ta’ meta l-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, li l-eżekuzzjoni tiegħu hija suġġetta għall-għoti ta’ garanzija fis-sens tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandha tiġi rritornata lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex hemmhekk tiskonta l-piena jew il-miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox osservat li l-imsemmi mument ma huwiex speċifikat b’mod preċiż f’din id-dispożizzjoni. Dan espost, hija enfasizzat l-importanza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kemm f’din id-dispożizzjoni kif ukoll fid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għall-probabbilitajiet ta’ riabilitazzjoni soċjali taċ-ċittadin jew tar-resident tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li jimmanifestaw ruħhom fil-fatt li huwa jista’ jiskonta, fit-territorju tiegħu, il-piena jew il-miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontrih fl-Istat Membru emittenti wara l-konsenja tiegħu, b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza li għandu, f’sitwazzjoni bħal din, il-fatt li l-Istat Membru emittenti jwettaq l-imsemmi ritorn hekk kif id-deċiżjoni ta’ kundanna inkwistjoni ssir definittiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu speċifikat li f’dak il-mument, jekk jirriżulta li l-preżenza tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru hija meħtieġa minħabba stadji proċedurali oħra li jifformaw parti mill-kuntest tal-proċedura kriminali dwar ir-reat li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew, l-għan li tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata għandu jiġi bbilanċjat kemm mal-effettività tal-prosekuzzjoni kriminali kif ukoll mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tadatta l-kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li din hija rregolata b’mod strett minn din id-dispożizzjoni, filwaqt li speċifikat li l-Artikolu 8 jipprevedi l-uniċi eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ prinċipju li s-sentenza trażmessa tiġi rikonoxxuta u li l-kundanna li t-tul u n-natura tagħha jkunu jikkorrispondu għal dawk previsti fis-sentenza mogħtija fl-Istat Membru emittenti tiġi eżegwita. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ċaħdet l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 (4) li tgħid li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huwa awtorizzat, fil-każ ta’ persuna kkonsenjata lill-Istat Membru emittenti permezz ta’ garanzija ta’ ritorn, jadatta l-piena lil hinn mill-każijiet previsti mill-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas.


1      Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299. B’mod partikolari, skont kliem l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, “[f]ejn il-piena [kundanna] tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni fir-rigward tat-tul tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li tadatta l-piena biss fejn dik il-piena taqbeż il-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi nazzjonali tiegħu. Il-piena adattata m’għandhiex tkun anqas mill-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.”


2      Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299.


3      Skont din id-dispożizzjoni, “fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, tiġi ritornata lill-Istat Membru ta’ esekuzzjoni sabiex tiskonta hemmhekk il-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoniv [miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà] mogħtija lilha fl-Istat Membru emittenti”.


4      Skont din id-dispożizzjoni, “Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Qafas, għall-infurzar ta’ pieni [għall-eżekuzzjoni ta’ kundanni] f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, jew fejn, waqt li jaġixxi taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, ikun impona il-kondizzjoni li l-persuna sentenzjata trid tintbagħat lura biex tiskonta l-piena fl-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna kkonċernata.”