Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Marzu 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank Amsterdam - il-Pajjiżi l-Baxxi) – Eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra SF

(Kawża C-314/18) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 5(3) – Konsenja suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tiġi rritornata lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex hemmhekk tiskonta l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti – Il-mument tar-ritorn – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Artikolu 3(3) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 8 – Adattament tal-kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti – Artikolu 25 – Eżekuzzjoni ta’ kundanna fil-kuntest tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Amsterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

SF

Dispożittiv

L-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, moqri flimkien mal-Artikolu 1(3) tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 1(a), mal-Artikolu 3(3) u (4) u mal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea, kif emendati bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jissuġġetta l-konsenja tal-persuna, ċittadina jew residenti tiegħu, li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali, għall-kundizzjoni li din il-persuna tiġi rritornata lejh, wara li tinstema’, sabiex hemmhekk tiskonta l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti, dan l-Istat Membru għandu jwettaq l-imsemmi ritorn hekk kif din id-deċiżjoni ta’ kundanna ssir definittiva, sakemm raġunijiet konkreti relatati mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jew mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ma jirrendux indispensabbli li din il-persuna tkun preżenti fl-imsemmi Stat, sakemm tingħata deċiżjoni definittiva fil-kuntest ta’ stadji proċedurali oħra li jifformaw parti mill-kuntest tal-proċedura kriminali dwar ir-reat li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew.

L-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali tkun suġġetta għall-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, biex jeżegwixxi l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija fl-Istat Membru emittenti kontra l-persuna kkonċernata, jista’ jadatta t-tul ta’ din il-kundanna biss b’osservanza tar-rekwiżiti stretti previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299.

____________

1     ĠU C 276, 06,08,2018.