Language of document : ECLI:EU:C:2022:178

Kawża C-519/20

Landkreis Gifhorn

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hannover)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Marzu 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija – Artikolu 16(1) – Effett dirett – Faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni – Kunċett – Detenzjoni f’ħabs – Kundizzjonijiet – Artikolu 18 – Sitwazzjoni ta’ emerġenza – Kunċett – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju effettiv”

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija – Faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni – Kunċett – Taqsima speċifika ta’ ħabs – Binjiet speċifiċi iżolati minn dawk li jilqgħu ħabsin ordinarji – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ żamma f’ambjent ta’ ħabs – Rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet previsti minn din id-direttiva

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 6 u 52(3); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, premessa 3 u Artikoli 15(1), 16 u 17)

(ara l-punti 35- 38, 41-46, 57, u d-dispożittiv 1)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija – Faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni – Post u kundizzjonijiet xierqa ta’ detenzjoni – Evalwazzjoni li għandha twettaq il-qorti nazzjonali – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikoli 15(1) u 16(1))

(ara l-punti 48-56)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija – Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza – Tqegħid f’detenzjoni jew estensjoni tad-detenzjoni f’ħabs – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata – Stħarriġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ dan it-tqegħid jew ta’ din l-estensjoni – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 18)

(ara l-punti 63-65, 67, u d-dispożittiv 2)

4.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija – Obbligu li tiġi eżegwita miżura ta’ detenzjoni, bħala regola ġenerali, f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni – Eċċezzjoni – Detenzjoni temporanja f’ħabs – Sitwazzjoni ta’ emerġenza – Ċittadini ta’ pajjiżi terzi miżmuma mifrudin minn ħabsin ordinarji – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 6; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/16, premessi 13 u 16, Artikoli 15, 16, 17 u 18(1) u (2))

(ara l-punti 69, 71-74, 78-98)

5.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti detenzjoni temporanja f’ħabs, separatament minn ħabsin ordinarji – Nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Obbligu li kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni titħalla inapplikata

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikoli 16(1) u 18(1))

(ara l-punti 99, 100, 102, 103, u d-dispożittiv 3)

Sunt

K, ċittadin Pakistani li jirrisjedi illegalment fil-Ġermanja, tqiegħed, f’Awwissu 2020, f’detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija fit-taqsima ta’ Langenhagen (il-Ġermanja) tal-ħabs ta’ Hannover (il-Ġermanja). Din id-detenzjoni, inizjalment limitata sal-aħħar ta’ Settembru 2020, ġiet estiża, permezz ta’ deċiżjoni tal-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja), sax-xahar ta’ Novembru 2020. Adita minn K b’rikors kontra din id-deċiżjoni, din il-qorti tal-aħħar tistaqsi dwar il-legalità tad-detenzjoni tiegħu fid-dawl tar-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2008/115  (1). Hija tirrileva li, matul ċertu perijodu tad-detenzjoni inkwistjoni, it-taqsima ta’ Langenhagen kienet tilqa’, f’bini separat, minn naħa, persuni miżmuma għal finijiet ta’ tneħħija u, min-naħa l-oħra, ħabsin ordinarji. L-istess persunal penitenzjarju hemmhekk jintervjeni sabiex jieħu ħsieb kemm il-persuni kkundannati kif ukoll il-persuni detenuti għal finijiet ta’ tneħħija. Barra minn hekk, għalkemm din it-taqsima għandha d-direttriċi tagħha stess, hija marbuta amministrattivament mal-ħabs ta’ Hannover li jaqa’, kollu kemm hu, taħt is-sorveljanza tal-Ministru tal-Ġustizzja.

Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti distrettwali ta’ Hannover iddeċidiet li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2008/115. Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tippreċiża l-kundizzjonijiet li stabbiliment ta’ detenzjoni għandu jissodisfa sabiex ikun jista’ jitqies li huwa “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, skont l-imsemmija direttiva, għad-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi sakemm isseħħ it-tneħħija, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-istħarriġ ġudizzjarju meħtieġ meta Stat Membru jipproċedi, b’deroga, għal detenzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini f’ħabs.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’tali faċilità għandhom jippreżentaw ċerti partikolaritajiet meta mqabbla mal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-pieni li jċaħħdu l-libertà f’ħabsijiet. Fil-fatt, id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet ta’ tneħħija hija intiża biss sabiex tiżgura l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn u ma għandha ebda għan punittiv. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’tali ċentru għandhom ikunu tali li jevitaw, sa fejn huwa possibbli, li d-detenzjoni tixbah żamma f’ambjent ta’ ħabs, li huwa adatt għal detenzjoni għal finijiet punittivi. Barra minn hekk, kemm id-drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(2) sa (5) u fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/115, għandhom jiġu rrispettati.

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-post u tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li din taqa’ fuq il-qorti tar-rinviju. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, fost affarijiet oħra, li r-rabta amministrattiva ta’ post ta’ detenzjoni ma’ awtorità li jkollha wkoll kompetenzi fir-rigward ta’ ħabsijiet ma hijiex biżżejjed biex jiġi eskluż li dan ikun “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”. L-istess japplika fir-rigward tal-fatt biss li parti separata ta’ kumpless li fih ċittadini ta’ pajjiżi terzi jinżammu għall-finijiet ta’ tneħħija tilqa’ persuni kkundannati, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li tiġi effettivament iggarantita separazzjoni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-ġestjoni tal-bini speċifikament iddedikat għad-detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għar-regoli li jippreċiżaw il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tagħhom kif ukoll għall-kwalifika speċifika u għall-kompetenzi tal-persunal responsabbli għat-tmexxija tad-detenzjoni u tal-istabbiliment li fih din isseħħ.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża f’liema kundizzjonijiet Stat Membru jista’ temporanjament jipprevedi detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għal finijiet ta’ tneħħija, f’ħabs, b’deroga mill-prinċipju ta’ detenzjoni f’faċilità speċjalizzata.

Minn naħa, tali deroga tista’ tiġi ġġustifikata bis-saħħa tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, peress li ma jistax jiġi raġonevolment mistenni mill-Istat Membru kkonċernat li jtemm il-piż kbir u mhux previst, li jibqa’ jagħfas fuq il-kapaċitajiet tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati tiegħu, minħabba n-numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni li tordna d-detenzjoni tagħhom għal finijiet ta’ tneħħija. Eżami mill-ġdid perjodiku tas-sitwazzjoni jista’ jkun neċessarju f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, tali detenzjoni f’ħabs tiġi eskluża jekk tirriżulta inkompatibbli ma’ sitwazzjoni possibbli ta’ vulnerabbiltà taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Fi kwalunkwe każ, hija tiġi eskluża wkoll meta jkun disponibbli post f’wieħed mill-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni tal-Istat Membru kkonċernat jew meta tkun possibbli miżura inqas koerċittiva. Fl-aħħar nett, il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni għandhom ikunu distinti, sa fejn huwa possibbli, mill-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni applikabbli għall-persuni kkundannati kriminalment.

Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, detenzjoni f’ħabs tista’, b’mod eċċezzjonali, tiġi ġġustifikata minħabba saturazzjoni totali, f’daqqa u temporanja tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni kollha tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jiġi mifrud mill-ħabsin ordinarji u jidher, b’mod manifest, li ebda miżura inqas koerċittiva ma tkun suffiċjenti sabiex tiġi ggarantita l-effettività tiegħu. Kull detenzjoni f’ħabs ibbażata fuq din id-dispożizzjoni tista’ tiġi ordnata biss għal żmien qasir u ma tibqax iġġustifikata meta s-saturazzjoni tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni tibqa’ iktar minn ftit jiem jew tirrepeti ruħha sistematikament u f’intervalli qosra. Fl-aħħar nett, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(2) sa (5) u fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/115 għandhom jiġu rrispettati matul il-perijodu kollu tad-detenzjoni.

Jekk il-kundizzjonijiet tal-każijiet iċċitati iktar ’il fuq ma jkunux issodisfatti u l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tkunx tista’ tiġi interpretata konformement mad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li twarrab l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni.

Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li jaqa’ fuq qorti nazzjonali meta tiġi adita b’talba għal detenzjoni, f’ħabs, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet ta’ tneħħija, jew ta’ talba għall-estensjoni ta’ tali detenzjoni, abbażi tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115. Fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, din il-qorti għandha tkun tista’ tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 18. Għal dawn il-finijiet, hija għandha, b’mod partikolari, tkun tista’ tiddeċiedi fuq kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li din is-setgħa ma tistax tiġi limitata biss għall-elementi ppreżentati mill-awtorità amministrattiva kkonċernata.


1      Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).