Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2023 – Fest vs Il-Parlament

(Kawża T-305/23)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Nicolaus Fest (Żagreb, il-Kroazja) (rappreżentant: G. Seidel, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2023 (P9_TA(2023) 0061) dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Nicolaus Fest [2022/2056 (IMM)] li tapprova r-rapport (A9-0055/2023) redatt minn Ilana Cicurel.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

Ksur tal-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar l-Immunitajiet u l-Privileġġi tal-Membri tal-Parlament 1

Ir-rikorrent isostni li d-dikjarazzjonijiet li huwa akkużat bihom jifformaw parti minn dibattitu parlamentari dwar il-protezzjoni tat-tfal li sar fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew u jaqgħu taħt l-interess ġenerali u l-libertà tal-espressjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew. It-tweet li huwa akkużat biha kienet tweġiba għal tweet ta’ ex membru tal-Bundestag Ġermaniż, li bit-tweet tiegħu huwa indirizza direttament akkuża li saret mir-rikorrent f’dibattitu parlamentari. Ir-rikorrent iqis li, għal dawn ir-raġunijiet, il-Parlament Ewropew ma għandux ineħħi l-immunità tiegħu.

Eżistenza ta’ fumus persecutionis

Ir-rikorrent jissuspetta li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin, li permezz tiegħu qiegħda ssir il-prosekuzzjoni, aġixxa biss f’dan il-każ sabiex jagħmel ħsara lil avversarju politiku jew bi tpattija għal imbarazzament fi proċeduri preċedenti.

____________

1 Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2012 C 326, p. 266).