Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Diċembru 2012 - Marouf vs Il-Kunsill

(Kawża T-569/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Soulieman Marouf (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: V. Davies, Solicitor, T. Eicke, QC, A. Sander, Barrister, u R. Franklin, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782/PESK (kif emendata) (iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni tal-Kunsill"), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent;

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta' Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (kif emendat) u/jew ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 944/2012, tal-15 ta' Ottubru 2012 u/jew ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1117/2012, tad-29 ta' Novembru 2012, li jimplimenta l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti tal-Kunsill"), sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill li tinsab fl-ittra tiegħu tat-30 ta' Novembru 2012 (Ref. Nru SGS12/013373) "li r-rikorrent għandu jibqa' inkluż fil-lista ta' persuni u entitajiet li jidhru fl-Annessi I u II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK u fl-Anness II u IIa tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 [...]" (iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni");

tordna lill-Unjoni Ewropea tikkumpensa lir-rikorrent; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas tal-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq assenza ta' bażi legali għal miżuri restrittivi kontra r-rikorrent u/jew fuq żball manifest ta' evalwazzjoni fuq il-bażi li ma hemm ebda konnessjoni razzjonali bejn ir-rikorrent u l-individwi li huma fil-mira tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni jirrigwardaw, jiġifieri dawk li huma responsabbli għar-repressjoni vjolenti tal-popolazzjoni ċivili fis-Sirja.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq assenza ta' bażi legali għall-Artikolu 24 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, li huwa intiż li jipprevjeni d-dħul tar-rikorrent fi, jew it-tranżitu tiegħu mill-Istati Membri abbażi tad-drittijiet tar-rikorrent bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea taħt l-Artikoli 20(2)(a) u 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38/KE.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kunsill jammontaw għal ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent protetti bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u/jew bil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem li jinkludu d-dritt tar-rikorrent għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, id-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża, id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, ta' daru u tal-komunikazzjonijiet, il-libertà tal-intrapriża, u d-dritt ta' proprjetà tiegħu.

____________