Language of document : ECLI:EU:C:2012:642

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Direttiva 96/9/KE — Protezzjoni legali ta’ databases — Artikolu 7 — Dritt sui generis — Database dwar partiti tal-kampjonati tal-futbol filwaqt li jkunu qed jintlagħbu — Kunċett ta’ ‘użu mill-ġdid’ — Lokalizzazzjoni tal-att ta’ użu mill-ġdid”

Fil-Kawża C‑173/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ April 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ April 2011, fil-proċedura

Football Dataco Ltd,

Scottish Premier League Ltd,

Scottish Football League,

PA Sport UK Ltd

vs

Sportradar GmbH,

Sportradar AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts (Relatur), G. Arestis, J. Malenovský u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Football Dataco Ltd, Scottish Premier League Ltd, Scottish Football League u PA Sport UK Ltd, minn J. Mellor u L. Lane, barristers, rappreżentanti ta’ S. Levine u R. Hoy, solicitors,

–        għal Sportradar GmbH u Sportradar AG, minn H. Carr, QC, rappreżentant ta’ P. Brownlow, solicitor,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent, assistit minn R. Verbeke, avukat,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll minn A. Barros u A. Silva Coelho, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Football Dataco Ltd, Scottish Premier League Ltd, Scottish Football League u PA Sport UK Ltd (iktar ’il quddiem, ilkoll flimkien, “Football Dataco et”), u Sportradar GmbH u Sportradar AG (iktar ’il quddiem, it-tnejn flimkien, “Sportradar”) dwar, b’mod partikolari, allegat ksur minn dawn tal-aħħar, tad-dritt sui generis li Football Dataco et jallegaw li għandhom fuq database dwar partiti tal-kampjonati tal-futbol waqt li jkunu qed jintlagħbu (“Football Live”).

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9:

“Għall-finiijiet ta’ din id-Direttiva, ‘database’ tfisser kollezzjoni ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra irranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra.”

4        Taħt il-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt sui generis”, l-Artikolu 7 tagħha, li jirrigwarda l-għan tal-protezzjoni, jipprovdi:

“1.      Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id-database.

2.      Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

a)      ‘estrazzjoni’ tfisser it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma;

b)      ‘użu mill-ġdid’ tfisser kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku il-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni. […]

[…]

5.      L-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit u sistematika ta’ partijiet żgħar tal-kontenut tad-database li jġibu magħhom atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database m’għandhomx jitħallew isiru.”

5        Id-Direttiva 96/9 ġiet trasposta fir-Renju Unit permezz tal-adozzjoni tal-Copyright and Rights in Database Regulations 1997 (Regolament tal-1997 dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet dwar id-databases), li emenda l-Copyright Designs and Patents Act 1988 (liġi tal-1988 dwar id-drittijiet tal-awtur, id-disinni u l-privattivi). Id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament li huma rilevanti fir-rigward tal-kawża prinċipali huma redatti fi kliem identiku għal dawk tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva.

6        Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), persuna domiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittixija “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

7        L-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU L 199, p. 40), jipprovdi:

“1.      Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li għalih tkun intalbet il-protezzjoni.”

2.      Fil-każ ta’ obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn ksur ta’ dritt Komunitarju unitarju ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi applikabbli għandha tkun, għal kwalunkwe kwistjoni mhux regolata mill-istrument Komunitarju relevanti, il-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        Football Dataco et huma responsabbli mill-organizzazzjoni tal-kampjonati tal-futbol Ingliż jew Skoċċiż. Football Dataco Ltd hija inkarigata mill-ħolqien u l-ġestjoni tad-data u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fir-rigward ta’ dawn il-kampjonati. Football Dataco et isostnu li għandhom, skont id-dritt tar-Renju Unit, dritt sui generis fuq id-database li jisimha “Football Live”.

9        Football Live huwa ġabra ta’ data dwar il-partiti tal-futbol filwaqt li jkunu qed jintlagħbu (l-evoluzzjoni tar-riżultat, l-isem ta’ min jiskorja, il-ħin u d-destinatarju tal-karta safra jew ħamra, penalties li jista’ jkun hemm, sostituzzjonijiet matul il-partita). Id-data tinġabar prinċipalment minn ex-plejers tal-futbol professjonali li jaġixxu b’mod indipendenti għal Football Dataco et, u fejn għal dan il-għan jassistu għall-partiti. Dawn tal-aħħar isostnu li l-kisba u/jew il-verifika ta’ din l-informazzjoni titlob investiment sostanzjali, u li, barra minn hekk, il-ħolqien ta’ din id-database jeħtieġ impenn kunsiderevoli f’dak li jirrigwarda l-konoxxenza, ix-xogħol, il-kapaċità ta’ evalwazzjoni u/jew is-servizzi intelletwali.

10      Sportradar GmbH hija kumpannija Ġermaniża li xxandar b’mod dirett, fuq l-internet, ir-riżultati u statistiċi oħra relatati, b’mod partikolari, mal-partiti tal-futbol tal-lig (league) Ingliż. Is-servizz jismu “Sport Live Data”. Din il-kumpannija għandha sit tal-internet li jismu betradar.com. Il-kumpanniji tal-imħatri li huma klijenti ta’ Sportradar GmbH jidħlu f’kuntratti mal-kumpannija holding Svizzera Sportradar AG, li hija l-kumpannija parent ta’ Sportradar GmbH. Fost dawn il-kumpanniji hemm il-kumpannija bet365, ikkostitwita skont id-dritt tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll Stan James, kumpannija stabbilita f’Ġibiltà, li joffru servizzi ta’ mħatri intiżi għas-suq tal-imsemmi Stat Membru. Is-sit tal-internet ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji għandu links għal betradar.com. Meta utent tal-internet jiklikkja fuq “Live Score”, id-data mitluba titla’ taħt l-isem “bet365” jew “Stan James”, skont il-każ. Minn dan, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li l-pubbliku tar-Renju Unit jikkostitwixxi, ovvjament, mira importanti ta’ Sportradar.

11      Fit-23 ta’ April 2010, Football Dataco et ressqu lil Sportradar quddiem il-High Court of Justice (England and Wales) (Ir-Renju Unit) sabiex, b’mod partikolari, jiksbu kumpens għad-danni marbuta ma’ ksur, minn din il-kumpannija, tad-dritt sui generis tagħhom. Fid-9 ta’ Lulju 2010, Sportradar ikkontestat il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża.

12      Fl-14 ta’ Lulju 2010, Sportradar GmbH ressqet lil Football Dataco et quddiem il-Langericht Gera (il-Ġermanja), sabiex tikseb attestazzjoni negattiva li tgħid li l-attivitajiet tagħha ma jiksru ebda dritt tal-proprjetà intellettwali ta’ Football Dataco et.

13      F’deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2010, il-High Court of Justice iddikkjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni ppreżentata minn Football Dataco et sa fejn din tirrigwarda r-responsabbiltà in solidum ta’ Sportradar u tal-klijenti tagħha li jużaw is-sit tal-internet tagħha fir-Renju Unit minħabba ksur tad-dritt sui generis tagħhom permezz ta’ atti ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid. Min-naħa l-oħra, din il-qorti ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni ta’ Football Dataco et sa fejn din tikkonċerna r-responsabbiltà prinċipali ta’ Sportradar minħabba tali ksur.

14      Kemm Football Dataco et kif ukoll Sportradar appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).

15      Football Dataco et isostnu li Sportradar tikseb id-data tagħha billi tikkuppjahom fuq is-server tagħha minn Football Live, imbagħad tgħaddi d-data kkupjata lill-pubbliku tar-Renju Unit li jiklikkjaw fuq Live Score. Skont dawn, għandu jiġi kkunsidrat li, skont it-teorija tat-“trażmissjoni” jew tal-“komunikazzjoni”, l-atti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jseħħu mhux biss fl-Istat Membru li minnu d-data intbagħtu minn Sportradar, iżda wkoll fl-Istat Membru li fih jinsabu d-destinatarji ta’ dak mibgħut, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-Renju Unit.

16      Sportradar issostni li d-data li tidher fuq is-sit tal-internet betradar.com huma ġġenerati b’mod awtonomu. Hija żżidu li, skont it-teorija tax-“xandir”, att ta’ trażmissjoni jitwettaq biss fil-post ta’ provenjenza tad-data, b’mod li l-atti li huma jinsabu akkużati bihom ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-Renju Unit.

17      Huwa f’dan il-kuntest li l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Meta parti taplowdja data minn database protetta mid-dritt sui generis taħt id-Direttiva 96/9/KE [...] fuq il-web server ta’ din il-parti li jinsab fi Stat Membru A u bħala risposta għat-talbiet minn utent fi Stat Membru B il-web server jibgħat din id-data lill-kompjuter tal-utent sabiex id-data tinħażen fil-memorja ta’ dan il-kompjuter u tintwera fuq l-iskrin tiegħu:

a)      l-att li bih tintbagħat id-data huwa att ta’ “estrazzjoni” jew ta’ “użu mill-ġdid” minn din il-parti?

b)      l-att ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid minn din il-parti jseħħ:

i)      fi Stat Membru A biss

ii)      fi Stat Membru B biss

iii)      jew kemm fi Stat Membru A kif ukoll fi Stat Membru B?”

 Fuq id-domanda preliminari

18      Permezz tas-subparagrafu a) tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 għandux jiġi interpretat fis-sens li meta persuna tibgħat, permezz ta’ web server li jinsab fi Stat Membru A, data li tkun tniżżlet qabel minn din il-persuna minn database protetta bid-dritt sui generis skont din l-istess direttiva, fuq il-kompjuter ta’ persuna oħra li hija stabbilita fi Stat Membru B, fuq talba ta’ din tal-aħħar, għall-finijiet ta’ ħażna fil-memorja ta’ dan il-kompjuter u l-wiri fuq l-iskrin tiegħu, jikkostitwixxi att ta’ “estrazzjoni” jew ta’ “użu mill-ġdid” tal-imsemmija data mill-persuna li tkun bagħtitha. F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, fis-subparagrafu b) tad-domanda tagħha hija tistaqsi jekk dan l-att għandux jitqies bħala li seħħ fl-Istat Membru A, fl-Istat Membru B jew kemm f’wieħed kif ukoll fl-ieħor minn dawn iż-żewġ stati.

19      Il-qorti tar-rinviju tibbaża d-domanda tagħha fuq għadd ta’ premessi, li l-eżattezza tagħhom taqa’ taħt l-evalwazzjoni esklużiva tagħha, jiġifieri:

–        “Football Live” hija “database”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9, li tissodisfa l-kundizzjonijiet materjali li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jissuġġetta l-protezzjoni bid-dritt sui generis;

–        Football Dataco et huma l-benefiċjarji tal-protezzjoni bid-dritt sui generis tad-database Football Live, u

–        id-data li ntbagħtet fil-kawża prinċipali kienet tniżżlet qabel minn Sportradar, minn din id-database.

20      F’dak li jikkonċerna s-subparagrafu a) ta’ din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tal-kliem użat fl-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 96/9 sabiex tistabbilixxi l-kunċett ta’ “użu mill-ġdid”, kif ukoll fl-għan tad-dritt sui generis stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, dan il-kunċett għandu, fil-kuntest ġenerali ta’ dan l-Artikolu 7, jinftiehem fis-sens wiesa’ b’mod li jinkludi kull att, mhux awtorizzat minn min joħloq id-database protetta b’dan id-dritt sui generis, li jinvolvi t-trażmissjoni, lill-pubbliku, tal-kontenut tagħha kollu jew parti minnu (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et, C‑203/02, Ġabra p. I‑10415, punti 45, 46, 51 u 67). In-natura u l-forma tal-proċess użat ma humiex rilevanti f’dan ir-rigward.

21      Jaqa’ taħt dan il-kunċett l-att li, bħal dawk inkwisjtoni fil-kawża prinċipali, jikkonsisti fil-fatt li persuna tibgħat, permezz tal-web server tagħha, fuq il-kompjuter ta’ persuna oħra fuq talba ta’ din tal-aħħar, data li tkun diġà ġiet estratta mill-kontenut ta’ database protetta mid-dritt sui generis. Permezz ta’ din it-trażmissjoni, din id-data fil-fatt tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ membru tal-pubbliku.

22      Iċ-ċirkustanza li l-atti ta’ trażmissjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma preċeduti minn operazzjonijiet li jinvolvu kumpanniji ta’ servizzi ta’ mħatri li huma awtorizzati, permezz ta’ kuntratt, li jaċċedu għall-web server ta’ Sportradar u li min-naħa tagħhom, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, jagħmlu lil dan is-server aċċessibbli għall-klijenti tagħhom stess, ma tinvalidax il-klassifikazzjoni legali ta’ “użu mill-ġdid”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, tal-att li permezz tiegħu Sportradar tibgħat, mill-imsemmi server, data li toriġina minn database protetta lejn il-kompjuter ta’ dawn il-klijenti.

23      F’dak li jikkonċerna s-subparagrafu b) tad-domanda, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni wriet id-dubju tagħha dwar l-utilità ta’ risposta għaliha f’dan l-istadju tal-proċedura dwar il-kawża prinċipali.

24      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu, hekk kif issostni l-Kummissjoni, li r-rabta tal-atti inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-kunċett ta’ “użu mill-ġdid”, fis-sens tad-Direttiva 96/9, hija indipendenti mill-post ta’ fejn jitwettqu fl-Unjoni, madankollu għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li din id-direttiva ma hijiex intiża li tistabbilixxi protezzjoni bid-dritt sui generis irregolat minn dritt uniformi madwar l-imsemmija Unjoni kollha.

25      L-għan tad-Direttiva 969/9 huwa li, permezz ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, jitneħħew id-diskrepanzi li kienu jeżistu bejniethom fil-qasam tal-protezzjoni legali tad-databases u li kienu jxekklu l-funzjonament tas-suq intern, il-moviment liberu tal-beni u tas-servizzi fl-Unjoni Ewropea kif ukoll l-iżvilupp ta’ suq informattiv fi ħdanha (ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, Football Dataco et, C‑604/10, punt 48).

26      Għal dan l-għan, l-imsemmija direttiva teżiġi li l-Istati Membri kollha jipprovdu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, protezzjoni tad-databases permezz ta’ dritt sui generis.

27      F’tali kuntest, il-protezzjoni bid-dritt sui generis prevista bil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru hija, bħala prinċipju, limitata għat-territorju ta’ dan l-Istat Membru, b’mod li l-benefiċjarju ta’ din il-protezzjoni jkun jista’ jipprevalixxi ruħu minnha biss kontra atti ta’ użu mill-ġdid li ma humiex awtorizzati li seħħew f’dan it-territorju (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger, C‑523/10, punt 25).

28      Hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, fil-kawża prinċipali l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa l-fondatezza tal-ilmenti ta’ Football Dataco et ibbażati fuq ksur tad-dritt sui generis li dawn jsostnu li għandhom, skont id-dritt tar-Renju Unit, fuq id-database Football Live. Evalwazzjoni bħal din għaldaqstant tfisser li għandu jsir magħruf jekk l-atti ta’ trażmissjoni ta’ data inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux, peress li huma atti li seħħew fir-Renju Unit, fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-protezzjoni bid-dritt sui generis prevista bid-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

29      It-tieni nett, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi, fil-kawżi li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt il-qasam kważi-delittwali, ġurisdizzjoni speċjali favur il-“qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

30      Minn dan isegwi li l-kwistjoni tal-lokalizzazzjoni tal-atti tat-trażmissjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li Football Dataco et jallegaw li kkawżaw ħsara lill-investiment sostanzjali ddedikat għall-ħolqien tad-database Football Live, tista’ tinfluwenza dik tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, fir-rigward b’mod partikolari tal-azzjoni intiża sabiex tiġi rikonoxxuta r-responsabbiltà prinċipali ta’ Sportradar fil-kawża li din il-qorti għandha quddiemha.

31      It-tielet nett, mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 864/2007 jirriżulta li, f’każ ta’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali li, bħad-dritt sui generis stabbilit bid-Direttiva 96/9, ma huwiex ta’ natura “Komunitarj[a] unitarj[a]”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) (ara l-punti [24 sa 26] ta’ din is-sentenza), il-liġi applikabbli għal obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn tali ksur għandha, skont l-Artikolu 8(1), “tkun il-liġi tal-pajjiż li għalih tkun intalbet il-protezzjoni”.

32      Din ir-regola ta’ kunflitt tal-liġijiet tikkonferma l-interess li jsir magħruf jekk, indipendentement mil-lokalizzazzjoni eventwali tal-atti ta’ trażmissjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-Istat Membru fejn jinsab il-web server tal-awtur ta’ dawn l-atti, dawn tal-aħħar seħħewx fir-Renju Unit, Stat Membru li fih Football Dataco et fil-fatt jitolbu l-protezzjoni tad-database Football Live permezz tad-dritt sui generis.

33      F’dan ir-rigward, il-lokalizzazzjoni ta’ att ta’ “użu mill-ġdid”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 969/9, għandha, bħad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett, tissodisfa xi kriterji awtonomi tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Donner, C‑5/11, punt 25).

34      Fir-rigward, bħal fil-kawża prinċipali, ta’ użu mill-ġdid imwettaq permezz tas-server ta’ sit tal-internet, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 58 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan huwa kkaratterizzat minn sensiela ta’ operazzjonijiet suċċessivi li jmorru, tal-inqas, mit-tqegħid online tad-data kkonċernata fuq l-imsemmi sit sabiex din tkun tista’ tiġi kkonsultata mill-pubbliku, sat-trażmissjoni ta’ din id-data lill-membri tal-pubbliku kkonċernati, operazzjonijiet li jistgħu jitwettqu fit-territorju ta’ Stati Membri differenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Donner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

35      Madankollu, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li tali mod operattiv tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku huwa differenti, bħala prinċipju, mill-modi tradizzjonali ta’ diffużjoni minħabba l-omnipreżenza tal-kontenut ta’ sit tal-internet, li jista’ fil-fatt jiġi kkonsultat instantanjament minn numru indefinit ta’ utenti tal-internet kullimkien madwar id-dinja, indipendentement minn kull intenzjoni ta’ min jamministra dan is-sit intiża għall-konsultazzjoni ta’ dan is-sit lil hinn mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tiegħu u barra mill-kontroll tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof, C‑585/08 u C‑144/09, I‑12527, punt 68, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C‑509/09 u C‑161/10, Ġabra p. I-10269, punt 45).

36      Konsegwentement, is-sempliċi aċċessibbiltà, f’territorju nazzjonali partikolari, tas-sit tal-internet li jinkludi d-data kkonċernata ma hijiex biżżejjed sabiex wieħed jikkonkludi li min iħaddem dan is-sit iwettaq att ta’ użu mill-ġdid li jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali applikabbli f’dan it-territorju fil-qasam tal-protezzjoni permezz tad-dritt sui generis (ara, b’analoġija, is-sentenzi Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, Ġabra p. I-6011, punt 64).

37      Fil-fatt, jekk din l-aċċessibbiltà waħedha tippermetti li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ att ta’ użu mill-ġdid, siti u data li, filwaqt li huma b’mod ċar intiżi għal persuni li jinsabu barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, huma madankollu aċċessibbli b’mod tekniku f’dan tal-aħħar, ikunu indebitament suġġetti għall-applikazzjoni tad-dritt fis-seħħ f’dan it-territorju dwar il-qasam (ara, b’analoġija, is-sentenza l’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

38      Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, il-fatt li, fuq talba ta’ utent tal-internet li huwa stabbilit fir-Renju Unit, data li tidher fuq il-web server ta’ Sportradar tintbagħat lejn il-kompjuter ta’ dan l-utent tal-internet għal finijiet tekniċi ta’ ħażna u ta’ viżwalizzazzjoni fuq l-iskrin ma huwiex biżżejjed, huwa waħdu, sabiex jitqies li l-att ta’ użu mill-ġdid li twettaq Sportradar f’din l-okkażjoni seħħ fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

39      Il-lokalizzazzjoni ta’ att ta’ użu mill-ġdid fit-territorju tal-Istat Membru li lejh tintbagħat id-data kkonċernata tiddependi mill-eżistenza ta’ indizji li jippermettu li jiġi konkluż li dan l-att jiżvela l-intenzjoni tal-awtur tiegħu li jitfa’ fil-mira tiegħu l-persuni li jinsabu f’dan it-territorju (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pammer u Hotel Alpendort, punti 75, 76, 80 u 92; L’Oréal et, punt65, kif ukoll Donner, punti 27 sa 29).

40      Fil-kawża prinċipali, tista’ tikkostitwixxi tali indizju ċ-ċirkustanza li, fost id-data li fih is-server ta’ Sportradar, tinsab data dwar il-partiti tal-kampjonati tal-futbol fir-Renju Unit, u din hija ta’ natura li turi li l-atti ta’ trażmissjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżultaw minn rieda ta’ Sportradar li taqbad l-interess tal-pubbliku ta’ dan l-Istat Membru.

41      Il-fatt li Sportradar tat, permezz ta’ kuntratt, id-dritt li jsir aċċess għas-server tagħha lil kumpanniji li joffru servizzi ta’ mħatri lill-imsemmi pubbliku jista’ wkoll jikkostitwixxi indizju tar-rieda tagħha li titfa’ fil-mira tagħha lilu jekk — u din hija xi ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika — Sportradar kienet, jew kellha tkun taf b’din id-destinazzjoni speċifika (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pammer u Hotel Alpenhof, punt 89, kif ukoll Donner, punti 27 u 28). F’dan ir-rigward, tista’ tkun rilevanti ċ-ċirkustanza eventwali li l-ħlas stabbilit minn Sportradar għall-għoti ta’ dan id-dritt ta’ aċċess jieħu inkunsiderazzjoni l-importanza tal-attivitajiet tal-imsemmija kumpanniji fis-suq tar-Renju Unit u tal-perspettivi ta’ konsultazzjonijiet sussegwenti tas-sit tagħha betradar.com minn utenti tal-internet stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

42      Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza li d-data mqiegħda online minn Sportradar hija aċċessibbli għall-utenti tal-internet tar-Renju Unit, li huma klijenti ta’ dawn il-kumpanniji, bil-lingwa proprja tagħhom, li hija differenti minn dawk normalment użati fl-Istati Membri li minnhom din il-kumpannija teżerċita l-attivitajiet tagħha, tista’, jekk ikun il-każ, tikkorrobora l-indizji li jwasslu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ approċċ li jimmira, b’mod partikolari, il-pubbliku tar-Renju Unit (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pammer u Hotel Alpenhof, punt 84, kif ukoll Donner, punt 29).

43      Fil-preżenza ta’ tali indizji, il-qorti tar-rinviju jkollha bażi sabiex tikkunsidra li att ta’ użu mill-ġdid, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa lokalizzat fit-territorju tal-Istat Membru fejn jinsab stabbilit l-utent li fuq il-kompjuter tiegħu tiġi trażmessa d-data, fuq talba tiegħu, għal finijiet ta’ ħażna u sabiex tintwera fuq l-iskrin (Stat Membru B).

44      It-teżi sostnuta minn Sportradar li tgħid li att ta’ “użu mill-ġdid”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 għandu, f’kull ċirkustanza, jitqies bħala li jinsab lokalizzat esklużivament fit-territorju tal-Istat Membru fejn jinsab il-web server li minnu tintbagħat id-data kkonċernata, ma tistax tintlaqa’.

45      Fil-fatt, minbarra l-fatt li, hekk kif enfasizzaw Football Dataco et, kultant huwa diffiċli li wieħed jillokalizza tali server b’mod ċert (ara s-sentenza Wintersteiger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36), tali teżi tkun tfisser li l-operatur li, mingħajr il-kunsens ta’ min joħloq id-database protetta bid-dritt sui generis, skont id-dritt ta’ Stat Membru partikolari, iwettaq użu mill-ġdid online tal-kontenut ta’ din id-database billi jitfa’ fil-mira tiegħu l-pubbliku ta’ dan l-Istat Membru, jaħrab mill-applikazzjoni ta’ dan id-dritt nazzjonali minħabba s-sempliċi fatt li s-server tiegħu jinsab barra mit-territorju tiegħu. Tali sitwazzjoni tkun taffettwa l-effett utli tal-protezzjoni bid-dritt nazzjonali kkonċernat li minnu tibbenefika d-database permezz tal-imsemmi dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

46      Barra minn hekk, hekk kif sostnew Football Dataco et, it-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tad-databases bid-dritt sui generis, segwit mid-Direttiva 969/9, b’mod ġenerali jiġi kompromess jekk atti ta’ użu mill-ġdid iddestinati għal pubbliku li jinsab fit-territorju kollu jew parti mit-territorju tal-Unjoni jaħarbu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u tal-liġijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tagħha minħabba s-sempliċi fatt li s-server tas-sit tal-internet imħaddem mill-awtur ta’ dawn l-atti jinsab fi stat terz (ara, b’analoġija, is-sentenza L’Oréal et, punt 63).

47      Fid-dawl ta’ dak kollu premess, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trażmissjoni minn persuna, permezz ta’ web server li jinsab fi Stat Membru A, ta’ data li diġà tniżżlet minn din il-persuna minn database protetta bid-dritt sui generis skont din l-istess direttiva, fuq il-kompjuter ta’ persuna oħra stabbilita fi Stat Membru B, fuq talba ta’ din tal-aħħar, għal finijiet ta’ ħażna fil-memorja ta’ dan il-kompjuter u sabiex tintwera fuq l-iskrin tiegħu, tikkostitwixxi att ta’ “użu mill-ġdid” tal-imsemmija data mill-persuna li wettqet din it-trażmissjoni. Għandu jiġi kkunsidrat li dan l-att iseħħ, tal-inqas, fl-Istat Membru B, meta jkunu jeżistu indizji li jippermettu li jiġi konkluż li tali att jiżvela l-intenzjoni tal-awtur tiegħu sabiex jitfa’ l-mira tiegħu fuq il-membri tal-pubbliku stabbiliti f’dan l-aħħar Stat Membru, liema ħaġa hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwaha.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trażmissjoni minn persuna, permezz ta’ web server li jinsab fi Stat Membru A, ta’ data li diġà tniżżlet minn din il-persuna minn database protetta bid-dritt sui generis skont din l-istess direttiva, fuq il-kompjuter ta’ persuna oħra stabbilita fi Stat Membru B, fuq talba ta’ din tal-aħħar, għal finijiet ta’ ħażna fil-memorja ta’ dan il-kompjuter u sabiex tintwera fuq l-iskrin tiegħu, tikkostitwixxi att ta’ “użu mill-ġdid” tal-imsemmija data mill-persuna li wettqet din it-trażmissjoni. Għandu jiġi kkunsidrat li dan l-att iseħħ, tal-inqas, fl-Istat Membru B, meta jkunu jeżistu indizji li jippermettu li jiġi konkluż li tali att jiżvela l-intenzjoni tal-awtur tiegħu sabiex jitfa’ l-mira tiegħu fuq il-membri tal-pubbliku stabbiliti f’dan l-aħħar Stat Membru, liema ħaġa hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwaha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.