Language of document : ECLI:EU:C:2011:102

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fl-1 ta’ Marzu 2011 (1)

Kawża C-69/10

Brahim Samba Diouf

vs

Ministru tax-Xogħol, tal-Impjieg u tal-Immigrazzjoni

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal administratif du Grand-Duché de Luxembourg]

“Applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz intiża sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat – Ċaħda ta’ din l-applikazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali mħaffa, fl-assenza ta’ raġunijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali – Assenza ta’ rimedju kontra d-deċiżjoni li l-applikazzjoni tkun suġġetta għal proċedura mħaffa – Dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv”





Werrej

I –   Il-kuntest ġuridiku

A –   Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)

B –   Id-dritt tal-Unjoni

C –   Id-dritt nazzjonali

II – Il-fatti

III – Id-domandi mressqa

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –   L-argumenti

VI – Analiżi

A –   Rimarka preliminari

B –   Il-validità tad-Direttiva 2005/85/KE: il-paragun bejn l-Artikolu 39 tad-Direttiva u l-Artikolu 47 KDFUE

C –   L-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu  39 tad-Direttiva meta mqabbla mal-Artikolu 20(5) tal-Liġi tal-Lussemburgu, tal-5 ta’ Mejju 2006

VII – Konklużjoni

1.        Id-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-livell tad-dritt primarju saħħaħ il-bżonn li jmexxi ’l quddiem il-proċess ta’ adattament tal-kategoriji u tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-integrazzjoni tad-drittijiet fundamentali bħala fattur li jiddetermina l-validità tad-dritt Komunitarju.

2.        Il-każ preżenti joffri okkazjoni tajba sabiex wieħed jipprova jelenka b’mod sħiħ id-diversi espressjonijiet ta’ dritt pożittiv li, fil-kuntest tal-Unjoni u tal-Istati Membri (iżda wkoll f’dak ta’ ċerti strumenti tad-dritt internazzjonali), jikkontribwixxu sabiex jiddefinixxu dritt fundamentali – fil-każ preżenti, id-dritt għal rimedju effettiv. Lil hinn mid-diversità formali tal-abbozzar tagħhom, dawn l-espressjonijiet jistgħu jinftiehmu biss bħala r-riżultat finali ta’ proċess li matulu huma jiġu kkonkretizzati f’diversi stadji, li, f’livelli differenti tagħhom, jinfdaw lil awtoritajiet leġiżlattivi relattivament awtonomi. Għalhekk hemm bżonn nitratta, bi spirtu ta’ ordni u ta’ sistema, f’kuntest li fih hija partikolarment sensittiva n-natura integrattiva tad-dritt tal-Unjoni, id-definizzjoni b’mod iktar ċar tad-diversità tan-normi li legittimament jikkontribwixxu sabiex jirregolaw l-istess qafas ta’ realtà (2).

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)

3.        L-Artikolu 6(1) tal-KEDB jipprovdi li:

“Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4.        Skont l-Artikolu 13 tal-istess Konvenzjoni:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati, għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem awtorità nazzjonali anki jekk dak il-ksur ikun twettaq minn persuni li jkunu qed jaġixxu fil-kariga uffiċjali tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        Skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata. […]”

6.        Il-premessi 11 u 27 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, huma abbozzati hekk (3):

“(11) Huwa fl-interess kemm ta’ l-Istati Membri kif ukoll ta’ l-applikanti għall-ażil li jiġu deċiżi kemm jista’ jkun malajr l-applikazzjonijiet għall-ażil. L-organizzazzjoni ta’ l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-ażil għandha titħalla għad-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri, sabiex, skond il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom, ikunu jistgħu jipprijoritizzaw jew jaċċeleraw il-proċessar ta’ kull applikazzjoni, b’kont meħud ta’ l-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva.

[...]

(27) Ikun jirrifletti prinċipju bażiku tal-liġi Komunitarja li d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-ażil u fir-rigward ta’ l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat ikunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu 234 tat-Trattat. L-effikaċja tar-rimedju, ukoll fir-rigward ta’ l-eżami tal-fatti relevanti, tiddependi fuq is-sistema amministrattiva u ġudizzjarja ta’ kull Stat Membru fit-totalità tagħha”.

7.        L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/85/KE jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijet għall-ażil permezz ta’ proċedura ta’ eżami skond il-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali proċedura tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ma tistax tittieħed deċiżjoni fi żmien sitt xhur, l-applikant konċernat għandu jew

(a) jiġi informat bid-dewmien; jew

(b) jirċievi, fuq talba tiegħu, informazzjoni dwar il-medda ta’ żmien li fih tkun mistennija li tingħata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu. Tali informazzjoni ma għandhiex tikkostitwixxi xi obbligu għall-Istat Membru, fir-rigward ta’ l-applikant konċernat, li jieħu deċiżjoni fil-limiti ta’ dik il-medda ta’ żmien.

3. L-Istati Membri jistgħu jipprijoritizzaw jew jaċċeleraw kull eżami skond il-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II anke fejn l-applikazzjoni x’aktarx li jkollha bażi suffiċjenti jew fejn l-applikant ikollu bżonnijiet speċjali.

4. L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu li tiġi prijoritizzata jew aċċelerata proċedura ta’ eżami konformement mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II jekk:

[...]

b) l-applikant ma jikkwalifikax, b’mod ċar, bħala rifuġjat jew għall-istatus ta’ rifuġjat fi Stat Membru taħt id-Direttiva 2004/83/KE; jew

(ċ) l-applikazzjoni għall-ażil tkun kunsidrata bħala mingħajr bażi:

i) minħabba li l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini bla periklu fis-sens ta’ l-Artikoli 29, 30 u 31, jew

ii) minħabba li l-pajjiż, li ma jkunx Stat Membru, ikun kunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28(1); jew

d) l-applikant inganna lill-awtoritajiet billi ppreżenta informazjoni jew dokumenti foloz jew billi żamm għalih informazzjoni jew dokumenti relevanti fir-rigward tal-identità u/jew tan-nazzjonalità tiegħu li setgħu kellhom impatt negattiv fuq id-deċiżjoni; jew

[...]”

8.        Skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a) deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil, inklużi deċiżjonijiet:

i) li permezz tagħha applikazzjoni tiġi kunsidrata bħala inammissibbli skond l-Artikolu 25(2),

ii) meħuda fuq il-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu ta’ Stat Membru kif deskritt fl-Artikolu 35(1);

iii) li ma jsirx eżami skond l-Artikolu 36;

b) rifjut li jinfetaħ mill-ġdid l-eżami ta’ applikazzjoni wara li tkun ġiet rinunzjata skond l-Artikoli 19 u 20;

ċ) deċiżjoni li ma jitkompliex l-eżami ta’ l-applikazzjoni sussegwenti skond l-Artikoli 32 u 34;

d) deċiżjoni li tiċħad id-dħul fil-kuntest ta’ proċeduri previsti fl-Artikolu 35(2);

e) deċiżjoni li tirtira l-istatus ta’ rifuġjat skond l-Artikolu 38”.

[...]

C –    Id-dritt nazzjonali

9.        L-Artikolu 19 tal-Liġi ta’ Lussemburgu, tal-5 ta’ Mejju 2006, dwar id-dritt għal ażil u forom addizzjonali ta’ protezzjoni (4), jipprovdi:

“1) Il-Ministru jiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali b’deċiżjoni motivata li tiġi kkomunikata bil-miktub lill-applikant. Fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva, l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rimedju għandha tkun espressament misjuba fid-deċiżjoni. [...] Deċizjoni negattiva tal-Ministru tikkostitwixxi ordni ta’ espulsjoni mit-territorju, konformament mad-dispożizzjonijiet tal-liġi emendata tat-28 ta’ Marzu 1972 [...].

[...]

3) Deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jisgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikors għal tibdil quddiem it-Tribunal administratif. Deċiżjoni li tordna l-espulsjoni mit-territorju tista’ tiġi impunjata b’rikors għal annullament quddiem it-Tribunal administratif. Iż-żewġ rikorsi għandhom ikunu s-suġġett ta’ rikors promotorju wieħed, taħt piena ta’ inammissibbilità ta’ rikorsi separati. Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika. It-terminu għar-rikors u r-rikors ippreżentat fit-terminu għandhom effett sospensiv. […]

4) Jista’ jsir appell mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal administratif quddiem il-Qorti Amministrattiva bħala qorti kompetenti f’materja ta’ annullament. L-appell irid isir f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri mill-mument tan-notifika […]. It-terminu ta’ appell u appell ippreżentat fit-terminu impost għandhom effett sospensiv […]”.

10.      Minn naħa tiegħu, l-Artikolu 20 tal-Liġi jipprovdi li:

“1) Il-Ministru jista’ jiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa fil-każijiet li ġejjin

[…]

b) jidher b’mod ċar li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-istatus mogħti mill-protezzjoni internazzjonali

[…]

d) l-applikant inganna lill-awtoritajiet billi ppreżenta informazjoni jew dokumenti foloz jew billi żamm għalih informazzjoni jew dokumenti rilevanti dwar l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu li setgħu kellhom impatt negattiv fuq id-deċiżjoni;

[...]

2) Il-Ministru għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu mhux iktar tard minn xahrejn mill-ġurnata li fiha jidher li l-applikant jaqa’ taħt wieħed mil-każijiet previsti mis-subparagrafu (1). Il-Ministru jiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni motivata li tiġi kkomunikata bil-miktub lill-applikant. Fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva, l-informazzjoni dwar id-dritt għal rimedju għandha tkun misjuba espressament fid-deċiżjoni. Deċiżjoni negattiva tal-Ministru tikkostitwixxi ordni ta’ espulsjoni mit-territorju, konformament mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tat-28 ta’ Marzu 1972

[…]

4) Deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meħuda fil-kuntest tal-proċedura mħaffa jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ talba għal tibdil quddiem it-Tribunal administratif. Deċiżjoni li tordna l-espulsjoni mit-territorju tista’ tiġi impunjata b’rikors għal annullament quddiem it-Tribunal administratif. Iż-żewġ rikorsi għandhom ikunu s-suġġett ta’ rikors promotorju wieħed, taħt piena ta’ inammissibbilità ta’ rikorsi separati. Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ ħmistax–il ġurnata li jibda jiddekorri min-notifika. It-Tribunal administratif għandu jiddeċiedi fi żmien xahrejn mill-preżentata tar-rikors. […] It-terminu għar-rikors u r-rikors ippreżentat fit-terminu għandhom effett sospensiv. Ma jistax isir appell mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal administratif.

5) Id-deċiżjoni tal-Ministru li jiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-proċedura mħaffa ma tistax tiġi kkontestata”.

II – Il-fatti

11.      Fid-19 ta’ Awwissu 2009, B. Samba Diouf, ċittadin tal-Mauritanja, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Liġi Emendata, tal-5 ta’ Mejju 2006, dwar id-dritt għal ażil u forom addizzjonali ta’ protezzjoni, (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2006”), quddiem id-dipartiment kompetenti tal-Ministeru tal-Affarjiet Barranin u tal-Imigrazzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Huwa sostna li telaq mill-Mauritanja sabiex jaħrab minn sitwazzjoni ta’ jasar, u, filwaqt li xtaq jistabbilixxi ruħu fl-Ewropa sabiex jgħix f’kundizzjonijiet aħjar u sabiex jibda familja, huwa mbeżża’ li min kien iħaddmu qabel kien qiegħed ifittxu sabiex joqtlu, peress li huwa seraqlu EUR 3 000 sabiex ikun jista’ jasal fl-Ewropa.

12.      B’deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2009, il-Ministru tax-Xogħol, tal-Impjieg u tal-Imigrazzjoni ċaħad l-applikazzjoni ta’ B. Samba Diouf skont l-Artikolu 20(b) u (d) tal-Liġi tal-2006, peress li dan tal-aħħar, minn naħa kien ippreżenta passaport falz li qarraq lill-awtoritajiet, u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet imressqa kienu ta’ natura ekonomika u ma kinux jissodisfaw il-kriterji li jiġġustifikaw protezzjoni internazzjonali.

13.      Id-deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru ttieħdet skont proċedura mħaffa u kienet tikkostitwixxi ordni sabiex jitlaq mit-territorju nazzjonali.

14.      B. Samba Diouf ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal administratif tal-Lussemburgu fejn talab, 1) l-annullament tad-deċiżjoni li biha l-Ministru ddeċieda l-applikazzjoni tiegħu bl-użu tal-proċedura b’urġenza, 2) ir-riforma jew l-annullament tad-deċiżjoni dwar ir-rifjut li tingħatalu protezzjoni internazzjonali, u 3) l-annullament tal-ordni sabiex jitlaq mit-territorju nazzjonali.

15.      It-Tribunal administratif ikkunsidra li l-Artikolu 20(5) tal-Liġi tal-2006 jqajjem dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE, dwar id-dritt għal rimedju effettiv, peress li ma jawtorizza ebda rimedju kontra d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva dwar il-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-proċedura mħaffa.

16.      It-Tribunal administratif enfasizza li d-deċiżjoni li tintuża l-proċedura mħaffa ma hijiex mingħajr konsegwenzi għall-persuna kkonċernata peress li, minn naħa, hija tinvolvi t-tnaqqis għal ħmistax-il ġurnata tat-terminu ordinarju ta’ xahar għall-preżentata ta’ rimedju kontenzjuż kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda finali quddiem il-qorti amministrattiva, u, min-naħa l-oħra, l-applikant jiċċaħħad għall-ażil miż-żewġ livelli ta’ proċeduri li s-soltu jkollu quddiem din il-qorti.

17.      Peress lit-Tribunal administratif ikkunsidra li l-Liġi tal-2006 tipprekludi saħansitra l-possibbiltà li, fil-kuntest ta’ appell li jista’ possibilment isir kontra d-deċiżjoni sostantiva, isir appell indirett mid-deċiżjoni tal-Ministru li juża l-proċedura mħaffa, minħabba li, fil-fehma tiegħu, il-leġiżlatur jeskludi din il-possibbiltà, huwa adixxa lil Qorti tal-Ġustizzja bid-domandi preliminari segwenti:

III – Id-domandi mressqa

18.      “L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi liġi nazzjonali bħal dik stabbilita fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu mill-Artikolu 20(5) tal-[L]iġi [E]mendata, tal-5 ta’ Mejju 2006, dwar id-dritt għal ażil u forom addizzjonali ta’ protezzjoni, li tipprovdi li applikant għall-ażil ma għandux dritt għal rimedju ġuridiku kontra d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva li tiddeċiedi fuq il-fondatezza tat-talba [tal-applikazzjoni] għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-proċedura mħaffa ?

F’każ ta’ risposta negattiva, il-prinċipju ġenerali ta’ rimedju effettiv fir-rigward tad-dritt Komunitarju ispirat mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, tal-4 ta’ Novembru 1950, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi liġi nazzjonali bħal dik stabbilita fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu mill-Artikolu 20(5) tal-[L]iġi [E]mendata, tal-5 ta’ Mejju 2006, dwar id-dritt għal ażil u forom addizzjonali ta’ protezzjoni, li tipprovdi li applikant għall-ażil ma għandux dritt għal rimedju ġuridiku kontra d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva li tiddeċiedi fuq il-fondatezza tat-talba [tal-applikazzjoni] għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-proċedura mħaffa?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2010.

20.      B. Samba Diouf, il-Kummissjoni u l-Gvernijiet tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Repubblika Ellenika ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

21.      Fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2011 dehru u ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom ir-rappreżentanti ta’ B. Samba Diouf, tal-Gvern tal-Lussemburgu u tal-Kummissjoni.

V –    L-argumenti

22.      B. Samba Diouf isostni li l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE jimponi lill-Istati Membri li jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom rimedju effettiv mhux biss kontra d-deċiżjoni dwar il-mertu ta’ applikazzjoni għall-ażil, iżda wkoll kontra d-deċiżjoni li, bis-saħħa tagħha, l-awtorità amministrattiva tiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ applikazzjoni bl-użu tal-proċedura mħaffa, speċjalment jekk, bħal f’dan il-każ, din id-deċiżjoni tkun bbażata fuq motivi li jippreġudikaw l-eżami tal-mertu tal-applikazzjoni. Bħalma jagħmel it-Tribunal administratif, huwa jikkunsidra li l-leġiżlazzjoni tal-Lussemburgu lanqas ma tippermetti li tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv id-deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-applikazzjoni bl-użu tal-proċedura mħaffa fil-kuntest ta’ rimedju kontra d-deċiżjoni li tolqot il-mertu, b’tali mod li l-motivi dwar il-mertu li jiġġustifikaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tintuża l-proċedura mħaffa jibqgħu, bla ma qatt ma jistgħu jiġu kkontestati.

23.      Min-naħa l-oħra, B. Samba Diouf isostni li, anki jekk jiġi aċċettat li t-Tribunal administratif, li tinstab quddiemu d-deċiżjoni definittiva li tiċħad l-applikazzjoni għall-ażil, jista’ jerġa jeżamina d-deċiżjoni li l-applikazzjoni tkun deċiża fil-kuntest tal-proċedura mħaffa, din tagħti lok għal ksur inaċċettabli tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fid-dawl tal-fatt li, filwaqt li t-terminu impost għall-preżentata ta’ rimedju kontra deċiżjoni meħuda abbażi tal-proċedura ordinarja hija ta’ xahar, it-terminu għal rimedju sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni meħuda fil-kuntest tal-proċedura mħaffa huwa ta’ ħmistax-il ġurnata biss. Ma dan, huwa f’waqtu li jingħad li, f’din l-aħħar ipoteżi, l-applikant ma jibbenefikax miż-żewġ livelli ta’ proċeduri.

24.      Il-Gvernijiet tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Repubblika Ellenika, kif ukoll il-Kummissjoni, jaqblu bejniethom li d-domandi mressqa għandhom jingħataw risposta fin-negattiv.

25.      Essenzjalment, kollha jsostnu li d-Direttiva 2005/85/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li s-suġġett tar-rimedju effettiv mogħti minnha jista’ jkun biss id-deċiżjoni finali li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni u mhux id-deċiżjoni li bis-saħħa tagħha l-amministrazzjoni tiddeċiedi li teżaminaha b’mod iktar mħaffef, mingħajr ma jeskludi li, fl-eżami tad-deċiżjoni finali, il-bażi ġuridika ta’ kwalukwe deċiżjoni preparatorja tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Minbarra dan, din l-interpretazzjoni hija totalment konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u 13 KEDB.

26.      Għal dak li jirrigwarda, konkretament, il-possibbilità ta’ ksur tal-Artikolu 13 KEDB, il-Gvern tal-Lussemburgu jsostni li anki skont il-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg, id-dritt għal rimedju effettiv għandu dejjem jirrigwarda l-protezzjoni ta’ dritt protett mill-Konvenzjoni, mingħajr ma jkun possibbli, fil-fehma tagħha, li jiġi kkunsidrat li l-Konvenzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 13 tagħha, tiggarantixxi d-dritt ta’ applikant għall-ażil li jiżgura li l-applikazzjoni tiegħu tkun eżaminata permezz ta’ proċedura speċifika.

27.      Fir-rigward tad-differenzi bejn il-proċedura ordinarja u l-proċedura mħaffa mill-perspettiva tat-termini għall-preżentata ta’ rikors u tal-eżistenza taż-żewġ livelli ta’ proċeduri jew in-nuqqas tagħhom, il-Gvernijiet irrappreżentati u l-Kummissjoni jsostnu li l-minimu mitlub mill-prinċipju ta’ garanzija ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv huwa sodisfatt bl-eżistenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja waħda, filwaqt li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, terminu ta’ ħmistax-il ġurnata ma jikkostitwixxix ksur ta’ dan il-prinċipju, kemm fir-rigward tal-ġursiprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg, kif ukoll dik tal-Qorti tal-Ġustizzja.

VI – Analiżi

28.      Hekk kif indikajt, permezz ta’ żewġ domandi suċċessivi, it-Tribunal administratif tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu essenzjalment jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE jew, in subsidum, il-prinċipju ġenerali tad-dritt għal rimedju effettiv mnebbaħ mill-Artikoli 6 u  13 tal-KEDB, jipprekludix regola tad-dritt nazzjonali li ma tipprovdix stħarriġ ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni amministrattiva li biha l-awtorità amministrattiva tiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-proċedura mħaffa.

A –    Rimarka preliminari

29.      Fil-fehma tiegħi, it-termini li fihom id-domanda tressqet formalment jimmeritaw rimarka preliminari. Il-qorti tar-rinviju fasslet id-domanda tagħha permezz ta’ żewġ domandi separati fejn it-tieni waħda għandha tiġi eżaminata biss fil-każ li l-ewwel domanda teħtieġ risposta negattiva, jiġifieri, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-Direttiva 2005/85/KE ma tipprekludix il-liġi tal-Lussemburgu. Dak li l-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf permezz tat-tieni domanda tagħha huwa jekk, ġaladarba jiġi stabbilit li d-dritt nazzjonali huwa konformi mad-dritt sekondarju tal-Unjoni, dan l-istess dritt nazzjonali jistax xorta waħda jikser id-dritt primarju tal-Unjoni peress li, b’mod tassew konkret, dan tal-aħħar jinkludi l-Artikoli 6 u 13 KEDB.

30.      Madankollu huwa ċar li, ġaladarba jiġi stabbilit, permezz ta’ ipoteżi u kif jiena sejjer nindika, li d-dritt sekondarju u d-dritt nazzjonali huma konformi, dan ifisser li, minn din il-perspettiva, ma jkunx iktar possibbli li jiġi kkontestat id-dritt nazzjonali mingħajr ma tkun kkontestata, neċessarjament u kuntestwalment, il-validità tad-dritt Komunitarju.

31.      Fil-fatt, id-dritt sekondarju kkonċernat fil-każ preżenti huwa l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE, li ma jagħmel xejn iktar ħlief li jirrikonoxxi d-dritt għal rimedju effettiv, u li d-dritt nazzjonali għandu, min-naħa tiegħu, jittrasponi. Għalhekk, jekk jiġi aċċettat li d-direttiva ġiet korrettament trasposta fid-dritt nazzjonali, dan ikun jinkludi, bħala minimu, il-garanzija ta’ rimedju effettiv mitlub mill-Artikolu 39 tad-Direttiva. Għaldaqstant, jekk, minkejja kollox, u jekk wieħed jipprova jagħti sinjifikat awtonomu lil din it-tieni domanda, qed tintalab konfrontazzjoni bejn id-dritt nazzjonali u d-dritt primarju tal-Unjoni, il-kwistjoni li definittivament titqajjem hija dik dwar jekk id-dritt sekondarju josservax il-garanzija ta’ rimedju effettiv, u huwa minn hawn li għandha logikament tibda r-risposta tiegħi. Qabel dan, hemm lok li jiġi żviluppat ftit iktar l-approċċ li sejjer nesponi.

32.      F’dan is-sens, jidher b’mod ċar li d-dritt għal rimedju effettiv irrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni Ewropea ma għandux kontenut u portata differenti skont id-dispożizzjoni jew il-prinċipju Komunitarju li jħabbru f’kull każ. Għalhekk, il-kwistjoni li titqajjem ma tistax tkun dik dwar jekk id-dritt għal rimedju effettiv irrikonoxxut mill-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE fil-qasam tal-ażil jipprekludix regola speċifika tad-dritt nazzjonali jew jekk, fin-nuqqas, dak li jipprekludi lil din tal-aħħar huwiex id-dritt għal rimedju f’dan il-qasam previst mill-Unjoni, fit-termini tal-premessa 27 tal-imsemmija direttiva, konformament ma’ “prinċipju bażiku tal-liġi Komunitarja” imnebbaħ mill-KEDB. Jekk dan ikun il-każ, wieħed jinstab fil-preżenza ta’ żewġ drittijiet differenti u wieħed ikollu jaċċetta l-possibbiltà li regola ta’ dritt sekondarju bħall-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE tawtorizza, bla preġudizzju għall-validità tagħha, dak li huwa, madankollu, eskluż minn prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

33.      Għalhekk, jekk jiġi eskluż dak li ntqal qabel, għandu jiġi kkunsidrat li t-Tribunal administratif fil-verità żewġ domandi jagħmel,,anki jekk dan mhuwiex fl-ordni ta’ sussidjarjetà indikata fid-digriet ta’ rinviju preliminari, u anki jekk dawn ma għandhomx biss l-għan li tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-Artikolu 20(5) tal-Liġi tal-Lussemburgu mad-Direttiva 2005/85/KE. B’mod konkret, it-Tribunal administratif jistaqsi, minn naħa, u b’mod espliċitu, jekk l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE jipprekludix l-Artikolu 20(5) tal-Liġi tal-Lussemburgu, u, min-naħa l-oħra, huwa jistaqsi impliċitament jekk, fin-nuqqas ta’ tali kunflitt, ikunx allura d-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u mnebbaħ mill-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB li jipprekludi din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali u, għaldaqstant, l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE wkoll, li jkun għalhekk ivvizzjat b’difett li jagħti lok għall-invalidità tiegħu minħabba ksur tad-dritt fundamentali rrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (KDFUE).

34.      Jiena nikkunsidra li, bħala konsegwenza, it-termini tad-domanda mressqa jeħtieġu li, fi kwalunkwe każ, jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-konkretizzazzjoni tad-dritt fundamentali rrealizzat fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE hijiex ġuridikament korretta għaliex tirrispetta l-kontenut ta’ dan id-dritt hekk kif iddefinit fl-Artikolu 47 KDFUE u, għalhekk, b’mod indirett, is-sinjifikat u l-portata li ngħatatlu mill-KEDB. Dan jissupponi li wieħed għandu jibda billi, fl-ewwel lok, jirrispondi d-domanda mressqa in subsidum mill-qorti tar-rinviju, liema domanda għandha titfassal mill-ġdid bħala waħda dwar il-validità tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE fir-rigward tal-Artikolu 47 KDFUE. Ġaladarba jitwarrab, jekk dan ikun il-każ, kwalunkwe dubju dwar il-kompatibbilità tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE mal-Artikolu 47 KDFUE, ikun xieraq li tingħata risposta għad-domanda mressqa fl-ewwel lok mill-qorti tar-rinviju (5).

B –    Il-validità tad-Direttiva 2005/85/KE: il-paragun bejn l-Artikolu 39 tad-Direttiva u l-Artikolu 47 KDFUE

35.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li huwa stabbilit fl-Artikolu 6 KEDB (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra 1986 p. 1651, punti 18 u 19; tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra 2002 p. I‑6677, punt 39; u tad-22 ta’ Diċembru 2010, DEB Deutsche Energiehandels-und Berautungsgesellschaft, C‑279/09, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 29).

36.      Bħala dritt fundamentali, mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-inkorporazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv fl-Artikolu 47 KDFUE kkonferixxiet fuqu “l-istess valur legali bħat-Trattati”, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tat-TUE, u jrid jiġi rrispettat mill-Istati Membri meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw il-liġi tal-Unjoni [Artikolu 51(1) KDFUE].

37.      Skont l-Artikolu 47 KDFUE, kull persuna li “d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati” għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (paragrafu 1) f’ċirkustanzi li jippermettu “smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”, bil-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata (paragrafu 2), u li tibbenefika, jekk ikun il-każ, minn għajnuna legali b’xejn (paragrafu 3).

38.      Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, kif ukoll l-Artikolu 52(7) KDFUE, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 KDFUE għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li inizjalment ġew stabbiliti mill-presidju tal-Konvenzjoni li abbozza l-Karta. Dawn l-ispjegazzjonijiet jillimitaw ruħhom li jiddikjaraw li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47 huwa bbażat fuq l-Artikolu 13 KEDB, filwaqt li t-tieni subparagrafu jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) KEDB, filwaqt li, fiż-żewġ każijiet, il-protezzjoni hija iktar wiesgħa.

39.      Abbażi ta’ dak li ntqal qabel, jiena nikkunsidra li, lil hinn mill-valur interpretattiv ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, bir-rikonoxximent tiegħu bħala dritt tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 47 KDFUE, id-dritt għal rimedju effettiv, hekk kif jidher iddikkjarat f’din id-dispożizzjoni, jikseb importanza u sustanza proprju għalih, li ma jillimitawx ruħhom li sempliċement jirrepetu d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 u 13 KEDB. Għalhekk, fi kliem ieħor, id-dritt fundamentali, bħala dritt irrikonoxxut u ggarantit mill-Unjoni, jikseb kontenut proprju għalih, liema kontenut għandu ċertament jiġi ddefinit b’riferiment partikolari għall-istrumenti internazzjonali li jitnebbaħ minnhom, fl-ewwel lok il-KEDB, iżda wkoll it-tradizzjonijiet kostituzzjonali li jirriżultaw minnhom, u, ma dawn, il-corpus kunċettwali ta’ prinċipji li jikkaratterizzaw l-istat ta’ dritt. Dan kollu mingħajr ma qatt titwarrab it-tradizzjoni dwar l-iżvilupp ta’ iktar minn nofs seklu ta’ dritt tal-Unjoni, li, bħala sistema normattiva, ta lok għal żvilupp ta’ duttrina li tistrieħ fuq prinċipji speċifiċi għalih.

40.      Fil-fatt, skont il-kliem li bih huwa abbozzat, sa fejn l-Artikolu 13 KEDB għandu l-għan li jiżgura li l-protezzjoni tad-drittijiet ddikjarati mill-KEDB tiġi ggarantita f’kull wieħed mill-Istati msieħba fil-Konvenzjoni permezz ta’ rimedju effettiv quddiem qorti nazzjonali, huwa jista’ japplika biss għad-drittijiet irrikonoxxuti mill-KEDB innifisha. Madankollu huwa diffiċili li jiġi aċċettat li filwaqt li l-Artikolu 47 KDFUE jitnebbaħ minn din id-dispożizzjoni, din tal-aħħar tillimita l-portata tiegħu esklużivament għad-drittijiet misjuba fil-KDFUE.

41.      Għal din ir-raġuni nixtieq nirrileva li, għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-Gvernijiet tal-Lussemburgu u tal-Olanda, il-fatt li r-rimedju awtonomu mitlub mill-Artikolu 13 KEDB japplika biss għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, ma għandux effett fuq ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju.

42.      Ċertament, id-dritt għal rimedju effettiv irrikonoxxut mill-Artikolu 47 KDFUE għandu jiġi ddefinit b’riferiment għas-sens u għall-portata li tagħtih il-KDFUE [Artikolu 52(3) KDFUE]. Madankollu, ġaladarba jiġi ddefinit, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għandu jkun dak previst mill-KDFUE (6), jiġifieri, sabiex nuża l-kliem tagħha stess, dik tad-“drittijiet u l-libertajiet […] garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni”. Huwa minħabba f’hekk li, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tiegħu ma tistax tiġi ddubitata fil-konfront ta’ “deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni […] għall-ażil”, peress li, skont il-premessa 27 tad-Direttiva 2005/85/KE, il-fatt li dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu s-suġġett ta’ “rimedju effettiv quddiem qorti” ma huwa xejn ħlief l-applikazzjoni ta’ “prinċipju bażiku tal-liġi Komunitarja”, li prinċipju ġie pproklamat, fl-aħħar lok, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni bil-valur ta’ dritt primarju.

43.      Jekk nillimita ruħhi għad-dritt ta’ rimedju effettiv meħud mill-perspettiva ta’ aċċess għal qorti, l-Unjoni tiggarantixxi lil kulħadd id-dritt li jitlob il-protezzjoni ta’ qorti kontra kwalunkwe att li jippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet irrikonoxxuti mill-Unjoni. L-essenzjali ta’ dan id-dritt huwa, qabel xejn, li r-rimedju offrut mill-qorti jkun effettiv, fis-sens li din għandha tkun ġuridikament kapaċi li, jekk ikun il-każ, toffri l-kumpens għall-preġudizzju allegat, kif ukoll fis-sens li l-infurzar tiegħu għandu jkun possibbli, jiġifieri, suġġett għal kundizzjonijiet li ma jirrenduhx impossibbli jew diffiċili ħafna.

44.      Il-kontenut imperattiv tad-dritt irrikonoxxut mill-Artikolu 47 KDFUE huwa dak li jirriżulta mill-KEDB, hekk kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (7) u ma liema jikkonforma b’mod perfettament naturali l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE li jiggarantixxi espliċitament li “l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal” kontra d-deċiżjonijiet amministrattivi li jirrifjutaw l-applikazzjoni tagħhom minħabba waħda mir-raġunijiet imsemmija fis-subparagrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, minħabba raġunijiet ta’ mertu, ta’ forma jew ta’ proċedura.

45.      Skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, l-istess Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2005/85/KE jobbliga lil dawn tal-aħħar li “jistabbilixxu termini ta’ żmien u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv”, filwaqt li, fis-subparagrafu 3, jipprovdi wkoll li l-Istati Membri għandhom “fejn ikun il-każ, jistabbilixxu regoli konformement ma’ l-obbligi internazzjonali tagħhom” maħsuba li jiżguraw l-effettività tar-rimedju billi jiggarantixxu r-riżultat tiegħu bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ħarsien.

46.      Skont dawn il-kundizzjonijiet huwa evidenti li l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE, li huwa konformi mal-Artikolu 47 KDFUE, kif ukoll, indirettament, mal-kontenut minimu tad-dritt għal rimedju effettiv hekk kif iddefinit skont ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniendem, jissodisfa l-kundizzjoni ta’ validità imposta fuq kull regola ta’ dritt sekondarju mill-Artikolu 6(1) TUE billi jattribwixxi lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali “l-istess valur legali bħat-Trattati”.

47.      Barra minn hekk, dan isir fiż-żewġ livelli li l-Unjoni hija marbuta tagħmel hekk. Jiġifieri, minn naħa, billi teżerċita l-kompetenza leġiżlattiva tagħha f’dan il-qasam permezz tal-promulgazzjoni espliċita tad-dritt għal rimedju effettiv fil-kuntest tal-proċeduri tal-għoti jew ir-rifjut tal-istatus ta’ refuġjat. Min-naħa l-oħra, billi tobbliga lill-Istati Membri li, b’mod partikolari, jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sabiex jimplementaw dawn il-proċeduri u, barra minn hekk, li jagħmlu dan skont kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-eżerċizju tad-dritt, b’tali mod li l-awtonomija proċedurali tal-Istati ma tkunx tikkostitwixxi xkiel għall-effettività tiegħu.

48.      Ġaladarba tneħħew id-dubju dwar il-validità tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE, hemm lok li issa jiġi deċiż jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix l-Artikolu 20(5) tal-Liġi tal-Lussemburgu, tal-5 ta’ Mejju 2006, sabiex b’hekk tingħata risposta għall-ewwel waħda miż-żewġ domandi mressqa mit-Tribunal administratif.

C –    L-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu  39 tad-Direttiva meta mqabbla mal-Artikolu 20(5) tal-Liġi tal-Lussemburgu, tal-5 ta’ Mejju 2006

49.      L-Artikolu 20(1) tal-Liġi tal-Lussemburgu tal-2006 prattikament jirripproduċi l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2005/85/KE, li jispeċifika l-każijiet meta l-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ikun jista’ jsir fil-kuntest tal-proċedura mħaffa. Il-qari tal-każijiet previsti fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva juri b’mod ċar li l-proċedura mħaffa għandha twassal għal deċiżjoni negattiva, peress li l-ipoteżijiet previsti huma l-każijiet fejn huwa ċar li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet mitluba sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat [paragrafu (b)], in-natura infondata tal-applikazzjoni għall-ażil [paragrafu (ċ)] jew il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni biss bil-għan li tiġi posposta l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija [paragrafu (j)]. Din l-interpretazzjoni tikkonferma, a contrario, tal-istess Artikolu 23(3) tad-Direttiva, li jipprovdi għall-possibbiltà li l-applikazzjoni titħaffef “anke fejn l-applikazzjoni x’aktarx li jkollha bażi suffiċjenti jew fejn l-applikant ikollu bżonnijiet speċjali”.

50.      Anki jekk din id-dispożizzjoni ma teskludix il-possibbiltà ta’ deċiżjoni pożittiva (8), żgur li, fil-verità, il-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 20 tal-Liġi tal-Lussemburgu tikkostitwixxi, proċedura ta’ rifjut antiċipat. Bħala tali, id-deċiżjoni li ttemm din il-proċedura tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju efffettiv. Dan huwa dak li jipprovdi l-Artikolu 20(4) tal-Liġi tal-Lussemburgu tal-2006, li jipprovdi li “deċiżjoni ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meħuda fil-kuntest tal-proċedura mħaffa tista’ tiġi kkontestata b’talba għal tibdil quddiem it-Tribunal administratif”.

51.      Il-kwistjoni hija dik dwar jekk, minbarra dan, id-deċiżjoni li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa għandhiex tkun tista’ tkun ukoll is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju, u din hija espliċitament eskluża mill-Artikolu 20(5) tal-Liġi tal-Lussemburgu.

52.      L-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva 2005/85/KE jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv kontra “deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom”, u, permezz tar-rinviju preliminari preżenti, it-Tribunal administratif jixtieq isir jaf kif għandha tiġi interpretata din id-dispożizzjoni in concreto, u, b’mod partikolari, jekk hemmx lok li din tinftiehem li tirreferi għad-deċiżjoni finali li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni biss, jew ukoll dwar id-deċiżjoni li biha jiġi deċiż li l-applikazzjoni tkun deċiża fi-kuntest tal-proċedura mħaffa.

53.      Ċertament, il-kliem tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE jista’ jiġi interpretat fis-sens li “deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom” tfisser kwalunkwe deċiżjoni mogħtija fir-rigward tal-applikazzjoni għall-ażil. Għaldaqstant, huwa possibbli li deċiżjonijiet interlokutorji jew preparatorji għad-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għall-ażil jistgħu jkunu wkoll is-suġġett ta’ rimedju awtonomu.

54.      Madankollu, interpretazzjoni bħal din ma hijiex konformi mal-interess marbut mal-ħeffa tal-proċeduri fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet għall-ażil. Skont il-premessa 11 tad-Direttiva, dwar l-interess jinqasam bejn l-Istati Membri u l-applikanti għall-ażil, u, skont dan l-interess, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2005/85/KE jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali proċedura tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet” (9).

55.      Flimkien ma’ din ir-raġuni ta’ natura teleoloġika, mill-istess Artikolu 39 tad-Direttiva, jidher li tirriżulta xewqa ċara li d-deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedju jkunu limitati għal dawk li jinvolvu rifjut ta’ applikazzjoni għall-ażil (A) minħabba raġunijiet ta’ mertu jew, jekk ikun il-każ, (B) minħabba raġunijiet ta’ forma jew ta’ proċedura li jeskludu deċiżjoni dwar il-mertu.

56.      Fil-fatt, l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE fil-kunċett ta’ “deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni […] għall-ażil”, jinkludi sensiela ta’ deċiżjonijiet – enumerati fis-subparagrafi (a)(i), (a)(ii) u (a)(iii) li, minħabba l-fatt li jinvolvu r-rifjut ta’ applikazzjoni għall-ażil jew għaliex jittieħdu fil-fruntiera, huma ekwivalenti għal deċiżjoni definittiva u negattiva dwar il-mertu. Minbarra dan, id-deċiżjonijiet l-oħra li, bilfors u b’mod espress, huma suġġetti għad-dritt ta’ rimedju effettiv skont l-Artikolu 39(1)(b) sa 39(1)(e) tad-Direttiva 2005/85/KE huma tal-istess natura: jiġifieri, ir-rifjut li jiftaħ mill-ġdid l-eżami ta’ applikazzjoni wara li jingħalaq dan l-eżami; id-deċiżjoni li ma jitkompliex l-eżami ta’ applikazzjonijiet sussegwenti; deċiżjoni li tirrifjuta d-dħul fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti għal applikazzjoni oħra li tkun ġiet irtirata, abbandunata jew miċħuda; u d-deċiżjoni li tirtira l-istatus ta’ refuġjat.

57.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, jista’ jiġi konkluż li l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE b’mod ċar, hu dwar, id-deċiżjonijiet li jimplikaw impossibbiltà definittiva li jintalab id-dritt ta’ ażil.

58.      Sa fejn id-deċiżjoni li tiddeċiedi dwar applikazzjoni għall-ażil għandha ssir fil-kuntest tal-proċedura mħaffa tista’ twassal għal ġudizzju minn qabel ta’ deċiżjoni negattiva dwar il-mertu, huwa evidenti li din ma għandhiex tkun barra mill-portata ta’ azzjoni ġudizzjarja effettiva. Madankollu, dan ma jfissirx neċessarjament li dan ir-rimedju għandu bilfors jiġi eżerċitat kontra l-istess deċiżjoni li bis-saħħa tagħha jiġi deċiż li l-applikazzjoni deċiża bil-proċedura mħaffa u mill-mument li titħabbar din id-deċiżjoni. L-importanti huwa li, fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-mertu, din tal-aħħar tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedju qabel ma ssir definittiva d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għall-ażil u, għaldaqstant, qabel ma tkun tista’ tiġi infurzata. (10)

59.      Dan jimplika li, bħala regola, l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE ma jitlobx li d-dritt nazzjonali għandu jipprovdi rimedju speċifiku jew awtonomu jew, jekk wieħed irid, rimedju “dirett” kontra d-deċiżjoni li applikazzjoni għall-ażil tiġi deċiża fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa.

60.      Madankollu teżisti eċċezzjoni: dik li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa għadhom ikunu jistgħu jiġu kkontestati sussegwentement quddiem il-qorti fil-kuntest ta’ rimedju li, fi kwalunkwe każ, jista’ jinkiseb fir-rigward tad-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura dwar l-applikazzjoni għall-ażil.

61.      Jekk dan ma jkunx hekk u jekk, hekk kif jindika t-Tribunal administratif, ir-raġuni li tagħti lok għall-eżami tal-applikazzjoni bl-użu tal-proċedura mħaffa tibqa’ eskluża mill-istħarrriġ ġudizzjarju skont l-Artikolu 20(5) tal-Liġi tal-2006, hemm lok li jiġi deċiż, għaldaqstant, li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi konsegwenza bħal din.

62.      Għadu jrid jiġi deċiż jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix is-sistema ġuridika nazzjonali in eżami sa fejn l-għażla tal-proċedura mħaffa minflok il-proċedura ordinarja tagħti lok għal ċerti differenzi li essenzjalment ifissru trattament anqas favorevoli tal-applikant għall-ażil mill-perspettiva tad-dritt tiegħu għal rimedju effettiv, liema rimedju jrid jiġi eżerċitat minnu fi żmien ħmistax-il ġurnata biss u mingħajr ma jibbenefika miż-żewġ livelli ta’ proċeduri.

63.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-fatt li t-terminu għal rimedju huwa ta’ xahar fil-każ ta’ deċiżjoni adottata b’applikazzjoni tal-proċedura ordinarja u ta’ ħmistax-il ġurnata biss fl-ipoteżi ta’ proċedura mħaffa, jidher b’mod ċar li, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, dak li huwa importanti huwa li t-terminu pprovdut irid ikun materjalment biżżejjed sabiex jiġi ppreparat u ppreżentat rimedju effettiv. Madankollu, xejn ma jwassal sabiex jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ fl-ipoteżi ta’ terminu ta’ ħmistax-il ġurnata, li huwa terminu normali fil-kuntest ta’ proċeduri sommarji u huwa perfettament raġonevoli u proporzjonali fir-rigward tad-drittijiet u tal-interessi inkwistjoni, meta wieħed jiġi sabiex jiddeċiedi jekk terminu ta’ proċedura huwiex aċċettabbli (11).

64.      Wara li ngħad dan, dejjem jibqa’ d-dmir tal-qorti nazzjonali li, f’każ speċifiku, fl-ipoteżi fejn dan it-terminu ma jirriżultax biżżejjed fid-dawl taċ-ċirkustanzi, tistabbilixxi jekk dan il-fattur jistax jiġġustifika, minnu nnifsu, li jintlaqa’ r-rimedju mitlub (indirettament) kontra d-deċiżjoni amministrattiva li l-applikazzjoni għall-ażil tkun deċiża fil-kuntest tal-proċedura mħaffa, b’tali mod li, billi jintlaqa’ dan ir-rimedju, hija tordna li l-applikazzjoni tkun eżaminata bil-proċedura ordinarja.

65.      It-tieni nett, fir-rigward tad-differenza li bis-saħħa tagħha persuna kkonċernata tista’ tibbenefika miż-żewġ livelli ta’ proċeduri biss fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata fil-kuntest tal-proċedura ordinarja, mill-perspettiva li hija ta’ interess hawnhekk, ma huwiex anqas evidenti li, timporta biss, l-eżistenza ta’ livell wieħed ta’ proċeduri ġudizzjarji. Dan huwa dak li jiggarantixxi l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE, filwaqt li l-KEDB ma timponi ebda kundizzjonijiet oħra (12), u filwaqt li l-Artikolu 14 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi – li jipproklama l-garanziji minimi aċċettati mill-kważi totalità tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ definizzjoni tal-kontenut tad-drittijiet fundamentali – ma jitlobhiex barra mill-proċeduri kriminali, liema sitwazzjoni ma teżistix fil-każ in eżami.

66.      B’mod definittiv nikkunsidra li l-Artikolu 39 tad-Direttiva huwa perfettament konformi mad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 47 KDFUE u li, bħala regola, huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 20(5) tal-Liġi Emendata tal-5 ta’ Mejju 2006.

VII – Konklużjoni

67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi magħmula lilha mit-Tribunal administratif:

“1. L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE huwa konformi mal-kontenut tal-Artikolu 47 KDFUE.

2. L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik adottata mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu permezz tal-Artikolu 20(5) tal-liġi emendata, tal-5 ta’ Mejju 2006, dwar id-dritt għal ażil u forom addizzjonali ta’ protezzjoni, li, bis-saħħa tagħha, applikant għall-ażil ma jkollu l-ebda rimedju ġudizzjarju awtonomu kontra d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva li tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-proċedura mħaffa, sakemm ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut tal-applikazzjoni tiegħu, li l-eżami tagħha jkun ġie antiċipat b’din id-deċiżjoni proċedurali, ikunu jistgħu jiġu effettivament ikkontestati quddiem il-qorti fil-kuntest ta’ rimedju li, f’kull każ, ikun jista’ jiġi eżerċitat kontra d-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura dwar l-applikazzjoni għall-ażil”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 –      L-interess marbut mal-kwistjoni ma setax jonqos li jqajjem dibattitu dottrinali b’saħħtu li, dwaru wieħed diġà jista’ jsemmi xi studji. Ara, pereżempju G. Rolla, “La Carta de Derechos Fundamentales de la Unión Europea y el Convenio Europeo de Derechos Humanos: Su contribución a la formación de una jurisdicción constitucional de los derechos y libertades”, Revista Europea de Derechos Fundamentales Nru 15 (2010), p. 15-39; B. Genevois, “La Convention européenne des droits de l’homme et la Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne: complémentarité ou concurrence?”, Revue Française de Droit Administratif, Nru 3 (2010), p. 437-444; F. J. García Roca u P. A. Fernández Sánchez (Ko-ord.), “Integración europea a través de derechos fundamentales: de un sistema binario a otro integrado”, Centro de Estudios Políticos y Constitucionales, Madrid, 2009.


3 –      Direttiva dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat (ĠU L 175M, 29. 6. 2006, p. 168).


4 –      Mémorial A Nru 78, tad-9 ta’ Mejju 2006, emendat bil-Liġi tas-17 ta’ Lulju 2007 (Mémorial A Nru 121) u bil-Liġi tad-29 ta’ Awwissu 2008 (Mémorial A Nru 138).


5 –      Dan l-approċċ ġie impliċitament adottat mill-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu, għaliex huwa jibda billi jeżamina d-domanda mressqa in subsidum mill-qorti tar-rinviju.


6 –      Li, skont l-Artikolu 52(3) KDFUE, tista’ dejjem tagħti protezzjoni iktar estensiva mill-KEDB.


7 –      Ara, f’dan ir-rigward, b’mod ġenerali, van Dijk/van Hoof/van Rijn/Zwaak (ed.), “Theory and practice of the European Convention on Human Rights”, Edizzjoni 4, Intersciencia, Amberes, 2006.


8 –      Fil-fatt, l-Artikolu 20(2) tal-Liġi tal-Lussemburgu jistabbilixxi dritt għal rimedju “fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva”, b’tali mod li ma huwiex eskluż li, minkejja l-kontenut tar-raġunijiet li jiġġustifikaw it-trattament imħaffef tal-applikazzjoni, il-proċedura tista’ twassal għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali mitluba.


9 –      Hekk kif irrileva l-Gvern Grieg fil-punti 7 sa 10 tal-osservazzjonijiet tiegħu, l-importanza tal-prattika tal-proċeduri mħaffa, li hija waħda ġenerali, qatt ma waqfet li tkun akkumpanjata mit-tħassib tal-istanzi internazzjonali u tal-Istati Membri nnifishom sabiex, f’kull każ, jiżgura li l-ħeffa tal-proċeduri ma tippreġudikax il-garanziji marbuta mad-drittijiet individwali. Min-naħa tagħha, fil-punt 54 tal-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li t-trattament b’mod imħaffef ta’ applikazzjonijiet infondati jew inammissibbli għall-ażil, huwa perfettament ġustifikat bil-għan li jiġi attribwit trattament iktar effiċjenti ta’ applikazzjonijiet li jimmeritaw risposta pożittiva. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jeżonerawni li nirrepeti l-espożizzjoni dettaljata tal-oġġezzjonijiet ta’ natura proċedurali, li, skont il-Gvern Olandiż, hemm lok li jitqajjmu kontra rimedju awtonomu (ara l-punti 34 sa 36 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu).


10–      Rimedju li, hekk kif jimponi l-Artikolu 47 KDFUE u l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE, għandu jkun effettiv u, għaldaqstant, kapaċi li jagħti lok għall-annullament parzjali tal-proċedura amministrattiva, jew għar-rikonoxximent ġudizzjarju tal-fondatezza tal-applikazzjoni għall-ażil li tinċaħad mill-amministrazzjoni.


11–      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Kudla vs Il-Polonja, tas-26 ta’ Ottubru 2000, u Ryabykh vs Ir-Russja tal-24 ta’ Lulju 2003.


12 –      Ara, f’dan is-sens, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Homann vs Il-Ġermanja, tad-9 ta’ Mejju 2007.