Language of document : ECLI:EU:T:2020:460

(Kawża T-255/17)

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Les Mousqueagents

u

ITM Entreprises

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tal5 ta’ Ottubru 2020

“Kompetizzjoni – Akkordji – Proċedura amministrattiva ‐ Deċiżjonijiet li jordnaw spezzjonijiet – Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Dritt għal rimedju effettiv – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għall-invjolabbiltà tad-dar – Indizji suffiċjentement serji – Proporzjonalità – Rikors għal annullament – Ilmenti relati mal-iżvolġiment ta’ spezzjoni – Rifjut li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-data li taqa’ taħt il-ħajja privata – Inammissibbiltà”

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat minn impriża spezzjonata ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta talba għal protezzjoni tal-membri tal-persunal tagħha skont id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4); Direttiva 95/46 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

(ara l-punt 32)

2.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad talba ta’ impriża spezzjonata intiża sabiex tibbenefika minn protezzjoni skont id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-impjegati tagħha u tad-diriġenti tagħha – Inklużjoni – Kundizzjoni – Talba għal protezzjoni fformulata qabel ma ssir kopja ta’ data li taqa’ taħt il-ħajja privata – Assenza – Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

(ara l-punti 33 sa 46)

3.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Ċaħda mill-Kummissjoni ta’ talba għal restituzzjoni ta’ data ta’ natura privata – Talba tar-rikorrent ifformulata b’mod insuffiċjentement preċiż sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu pożizzjoni – Assenza ta’ tweġiba tal-Kummissjoni li tista’ tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat – Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

(ara l-punt 47)

4.      Rikors għal annullament – Motivi – Motivi u lmenti relatati mal-iżvolġiment ta’ spezzjoni insostenn ta’ talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni li tordna spezzjoni – Motivi u lmenti li ma jistgħux iwasslu għall-annullament tal-att ikkontestat – Motivi ineffettivi

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

(ara l-punti 50 sa 57)

5.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Dritt għal rimedju effettiv – Sistema ta’ rimedji ġuridiċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ effettività, ta’ effikaċja, ta’ ċertezza u ta’ terminu raġonevoli

(Artikoli 263, 268, 277, 278 u 340 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(1) u (4); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 157(2))

(ara l-punti 86 sa 111)

6.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Deċiżjoni li tordna spezzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Indikazzjoni fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni ta’ informazzjoni li turi ż-żamma mill-Kummissjoni ta’ indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur – Obbligu li jiġu żvelati dawn l-indizji – Assenza

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

(ara l-punti 114 sa 119, 132 sa 137)

7.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Deċiżjoni li tordna spezzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Obbligu li tiġi mmotivata l-għażla tad-data tal-ispezzjoni – Assenza

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

(ara l-punti 139 sa 142)

8.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Dritt għall-invjolabbiltà tad-dar – Deċiżjoni li tordna spezzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Tul tal-ispezzjoni – Osservanza ta’ terminu raġonevoli – Evalwazzjoni a posteriori

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 52(1) u (3); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

(ara l-punti 161 sa 165)

9.      Proċedura ġudizzjarja – Terminu għall-produzzjoni tal-provi – Produzzjoni ta’ provi wara l-iskadenza tat-terminu għal tweġiba stabbilit minn miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura – Rekwiżit ta’ ġustifikazzjoni valida tat-tardività – Assenza – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 85(1) u (3))

(ara l-punti 178 sa 186)

10.    Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Dritt għall-invjolabbiltà tad-dar – Obbligu ta’ żamma mill-Kummissjoni ta’ indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur – Forma tal-indizji li ġġustifikat id-deċiżjoni ta’ spezzjoni – Assenza ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni qabel id-deċiżjoni ta’ spezzjoni – Intervisti qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni – Obbligu ta’ reġistrazzjoni jew ta’ traskrizzjoni formali tal-imsemmija intervisti – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 19(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 3(1) u (3))

(ara l-punti 193 sa 219)

11.    Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Dritt għall-invjolabbiltà tad-dar – Obbligu ta’ żamma mill-Kummissjoni ta’ indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur – Awturi tal-indizji li ġġustifikaw id-deċiżjoni ta’ spezzjoni – Fornitur li għandu relazzjoniijet mill-qrib mal-awturi preżunti tal-ksur – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

(ara l-punti 221 sa 232)

12.    Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Dritt għall-invjolabbiltà tad-dar – Obbligu ta’ żamma mill-Kummissjoni ta’ indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur – Portata tal-indizji li ġġustifikat id-deċiżjoni ta’ spezzjoni – Sistema probatorja speċifika tal-prattiki miftiehma – Konsegwenza – Livell ta’ rikonoxximent taż-żamma mill-Kummissjoni ta’ indizji suffiċjentement serji li jkun inqas minn dak neċessarju għall-konstatazzjoni ta’ prattika miftiehma

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

(ara l-punti 233 sa 242)

13.    Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Dritt għall-invjolabbiltà tad-dar – Obbligu ta’ żamma mill-Kummissjoni ta’ indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur – Portata tal-indizji li ġġustifikat id-deċiżjoni ta’ spezzjoni – Skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri – Informazzjoni pubblika – Nuqqas ta’ indizju suffiċjentement serju – Ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-dar

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

(ara l-punti 282 sa 300)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali tannulla parzjalment id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni wara suspetti ta’ prattiki antikompetittivi minn diversi impriżi Franċiżi tas-settur tad-distribuzzjoni

Il-Kummissjoni ma wrietx li hija kellha indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġu ssuspettati skambji ta’ informazzjoni li jirrigwardaw l-istrateġiji kummerċjali futuri tal-impriżi


Wara li rċeviet informazzjoni dwar skambji ta’ informazzjoni bejn diversi impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi tas-settur tad-distribuzzjoni tal-ikel u mhux tal-ikel, il-Kummissjoni Ewropea adottat, fi Frar 2017, sensiela ta’ deċiżjonijiet lil jordnaw lil diversi kumpanniji li jissottomettu ruħhom għal spezzjonijiet (1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ta’ spezzjoni”). Dawn id-deċiżjonijiet ġew adottati skont l-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/2003) (2), li jiddetermina s-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ spezzjonijiet.

Fil-kuntest tal-ispezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni b’mod partikolari wettqet żjarat fl-uffiċċji tal-kumpanniji kkonċernati fejn saru kopji tal-kontenut tal-materjal diġitali. Minħabba r-riżervi tagħhom dwar id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni u dwar l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet, diversi kumpanniji spezzjonati (3) ppreżentaw rikorsi għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet. Insostenn tar-rikors tagħhom, il-kumpanniji rikorrenti qajmu, b’mod partikolari, eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni kif ukoll ksur tad-dritt tagħhom għall-invjolabbiltà tad-dar. Ċerti rikorrenti kkontestaw, minbarra dan, il-legalità tal-elevazzjoni u tal-ikkupjar tal-informazzjoni dwar il-ħajja privata tal-impjegati u tad-diriġenti tagħhom kif ukoll ir-rifjut ta’ restituzzjoni ta’ din id-data (4).

Fir-rigward ta’ din l-aħħar kontestazzjoni mqajma fil-Kawża T‑255/17, il-Qorti Ġenerali tiddikjaraha inammissibbli. Fir-raġunament tagħha, hija ssostni li kull impriża għandha l-obbligu li tiżgura l-protezzjoni tal-persuni li hija timpjega kif ukoll dik tal-ħajja privata tagħhom b’mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. B’dan il-mod, impriża spezzjonata tista’ jkollha titlob lill-Kummissjoni li ma twettaqx elevazzjoni ta’ ċerta data li tista’ tippreġudika l-ħajja privata tal-impjegati u tad-diriġenti tagħha jew li titlob lill-Kummissjoni r-restituzzjoni ta’ din id-data. Għalhekk, meta impriża tinvoka l-protezzjoni skont id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-impjegati tagħha jew tad-diriġenti tagħha sabiex tikkontesta l-elevazzjoni tal-materjal diġitali jew ta’ għodda ta’ komunikazzjoni u l-kopja tad-data li tinsab fihom, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiċħad din it-talba tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ din l-impriża. Madankollu f’dan il-każ, fl-assenza ta’ talba preċedenti għal protezzjoni fformulata mir-rikorrenti, l-elevazzjoni tal-materjal inkwistjoni u l-kopja tad-data li tinsab f’dan il-materjal ma setgħux jagħtu lok għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet ċaħdet, anki impliċitament, tali talba għal protezzjoni. Minbarra dan, skont il-Qorti Ġenerali, it-talba għal restituzzjoni tad-data privata inkwistjoni ma ġietx ifformulata b’mod suffiċjentement preċiż sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ b’mod effettiv tieħu deċiżjoni fir-rigward tagħha, b’mod li r-rikorrenti ma kinux irċevew, fid-data tal-preżentata tar-rikors, tweġiba mill-Kummissjoni li tista’ tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat.Fir-rigward tal-fondatezza tar-rikorsi, il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret u ppreċiżat ir-regoli u l-prinċipji li jirregolaw id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni fid-dritt tal-kompetizzjoni, tannulla parzjalment dawk li huma s-suġġett tar-rikorsi tar-rikorrenti.

Fir-rigward tal-fondatezza tar-rikorsi, il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret u ppreċiżat ir-regoli u l-prinċipji li jfasslu d-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni fid-dritt tal-kompetizzjoni, tannulla parzjalment dawk li huma s-suġġett tar-rikorsi tar-rikorrenti.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003, li jirrigwarda, rispettivament, is-setgħa ġenerali tal-Kummissjoni li twettaq spezzjonijiet kif ukoll l-obbligu tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jissottomettu ruħhom għal dawn l-ispezzjonijiet meta jirċievu ordni permezz ta’ deċiżjoni. Insostenn ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, f’kull kawża, ir-rikorrenti invokaw ksur tad-dritt għal rimedju effettiv. Fil-Kawżi T‑249/17 u T‑254/17 ġie invokat ukoll ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-drittijiet tad-difiża.

Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, il-Qorti Ġenerali tfakkar li dan id-dritt, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) u għall-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), b’mod li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-Karta (5). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, l-eżistenza ta’ dritt għal rimedju effettiv jippreżupponi li jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet: l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv fil-fatt kif ukoll fil-liġi (kundizzjoni ta’ effettività), il-possibbiltà għall-parti fil-kawża li tikseb rimedju xieraq fil-każ ta’ irregolarità (kundizzjoni ta’ effikaċja), l-aċċessibbiltà ċerta tar-rikors (kundizzjoni ta’ ċertezza) u stħarriġ ġudizzjarju f’terminu raġonevoli (kundizzjoni tat-terminu raġonevoli) F’dan ir-rigward, mill-eżami tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li s-sistema ta’ stħarriġ tal-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni, ikkostitwita mir-rimedji ġuridiċi kollha disponibbli għall-impriżi spezzjonati (6), tissodisfa dawn l-erba’ kundizzjonijiet. L-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv huwa għalhekk miċħud bħala infondat.

L-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-drittijiet tad-difiża huwa, fir-rigward tiegħu, miċħud abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, fl-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata tindika l-indizji li jiġġustifikaw l-ispezzjoni ta’ impriża ssuspettata bi prattika antikompetittiva. Fil-fatt, tali obbligu jippreġudika l-ekwilibriju li l-ġurisprudenza stabbilixxiet bejn iż-żamma tal-effikaċja tal-investigazzjoni u ż-żamma tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża.

Fit-tieni lok, fl-eżami tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali tfakkar li d-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni għandhom jindikaw il-preżunzjonijiet li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tivverifika, jiġifieri dak li huwa mfittex u l-elementi li fuqhom għandha tirrigwarda l-ispezzjoni (deskrizzjoni tal-ksur issuspettat, jiġifieri s-suq preżunt inkwistjoni, natura tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ssuspettati u setturi koperti mill-ksur allegat). Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni speċifiku huwa intiż li juri n-natura ġġustifikata tal-ispezzjoni u li jippermetti lill-impriżi kkonċernati li jifhmu l-portata tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tagħhom filwaqt li jżomm, fl-istess ħin, id-drittijiet tad-difiża. F’kull kawża, il-Qorti Ġenerali tikkonstata b’mod partikolari li d-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni juru b’mod iddettaljat li l-Kummissjoni qieset li kellha indizji suffiċjentement serji li wassluha sabiex tissuspetta bi prattiki antikompetittivi.

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-motiv dwar il-ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-dar, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, sabiex jiġi żgurat li deċiżjoni ta’ spezzjoni ma jkollhiex natura arbitrarja, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika li l-Kummissjoni kellha indizji suffiċjentement serji li ppermettew li jiġi ssuspettat ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni mill-impriża kkonċernata.

Sabiex tkun tista’ twettaq din il-verifika, il-Qorti Ġenerali kienet stiednet lill-Kummissjoni, permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li tikkomunikalha d-dokumenti li fihom indizji li kienu ġġustifikaw l-ispezzjonijiet, u l-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fiż-żmien impost. “Tweġiba addizzjonali” tal-Kummissjoni, li kienet tinkludi dokumenti oħra relatati ma’ tali indizji, madankollu ġiet miċħuda bħala inammissibbli minħabba l-assenza ta’ ġustifikazzjoni valida tan-natura tardiva tal-preżentata tagħha.

Fir-rigward tal-forma tal-indizji li ġġustifikat id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li għalkemm l-indizji miksuba qabel spezzjoni kienu suġġetti għall-istess formaliżmu bħar-riċezzjoni ta’ provi ta’ ksur fil-kuntest ta’ investigazzjoni miftuħa, il-Kummissjoni għandha tosserva regoli li jirregolaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha filwaqt li ebda investigazzjoni, fis-sens tar-Regolament Nru 1/2003 (7), ma tkun għadha ġiet formalment miftuħa u li hija ma tkunx għamlet użu mis-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha, jiġifieri li hija ma tkunx adottat miżura li timplika l-akkuża li twettaq ksur, b’mod partikolari deċiżjoni ta’ spezzjoni. Din hija raġuni għala, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-leġiżlazzjoni dwar l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-intervisti (8) ma hijiex applikabbli qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni. Għalhekk, intervisti ma’ fornituri, li jkunu saru qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni, jistgħu jikkostitwixxu indizji anki jekk ma jkunux is-suġġett ta’ reġistrazzjoni. Fil-fatt, kieku kien mod ieħor, isir dannu gravi għall-iskoperta ta’ prattiki antikompetittivi minħabba l-effett dissważiv li interrogatorju formali li jkollu jiġi rreġistrat jista’ jkollu fuq it-tendenza tax-xhieda li jipprovdu informazzjoni u li jiddenunzjaw ksur. Minbarra dan, skont il-Qorti Ġenerali, dawn l-intervisti ma’ fornituri jikkostitwixxu indizji għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni mid-data li fiha jkunu seħħew u mhux mill-mument meta kienu s-suġġett ta’ rapport, bħal ma jsostnu r-rikorrenti.

Fir-rigward tal-portata tal-indizji li ġġustifikat id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fid-dawl tad-distinzjoni neċessarja bejn provi ta’ prattika miftiehma u indizji li jiġġustifikaw spezzjonijiet għall-finijiet tal-ġabra ta’ tali provi, il-livell ta’ rikonoxximent taż-żamma mill-Kummissjoni ta’ indizji suffiċjentement serji għandu neċessarjament ikun inqas minn dak li jippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hija tqis li l-Kummissjoni kellha indizji suffiċjentement serji sabiex tiġi ssuspettata prattika miftehma li tikkonċerna l-iskambji ta’ informazzjoni dwar it-tnaqqis miksub fis-swieq tal-provvista ta’ ċerti prodotti tal-konsum ta’ kuljum u l-prezzijiet fis-suq tal-bejgħ ta’ servizzi lill-produtturi ta’ prodotti tad-ditta. Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ tali indizji f’dak li jikkonċerna l-iskambji ta’ informazzjoni li jirrigwardaw l-istrateġiji kummerċjali futuri tal-impriżi ssuspettati, il-Qorti Ġenerali tilqa’ l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-dar f’dak li jikkonċerna dan it-tieni ksur, u għalhekk tannulla parzjalment id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni.




1      Fil-Kawża T‑249/17, din tikkonċerna d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1054 final tad‑9 ta’ Frar 2017, li tordna lil Casino, Guichard-Perrachon kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnhom li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni (Każ AT.40466 – Tute 1). Fil-Kawża T‑254/17 (kawża mhux ippubblikata), hija kkonċernata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1056 final tad‑9 ta’ Frar 2017 li tordna lil Intermarché Casino Achats kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni (Każ AT.40466 - Tute 1). Fil-Kawża T‑255/17 huma kkonċernati, prinċipalment, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1361 final tal‑21 ta’ Frar 2017 li tordna lil Les Mousquetaires kif ukoll il-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnhom li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni (Każ AT.40466 - Tute 1) kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1360 final tal‑21 ta’ Frar 2017 li tikkonċerna l-istess kumpanniji (Każ AT.40467 - Tute 2), u, sussidjarjament, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1057 final tad‑9 ta’ Frar 2017 li tordna lil Intermarché kif ukoll il-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni (Każ AT.40466 - Tute 1) kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1061 final tad‑9 ta’ Frar 2017 li tikkonċerna l-istess kumpanniji (Każ AT.40467 – Tute 2).


2      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


3      Il-kumpanniji rikorrenti huma Casino, Guichard-Perrachon u Achats Marchandises Casino SAS (AMC) (Kawża T‑249/17); Intermarché Casino Achats (Kawża T‑254/17) u Les Mousquetaires u ITM Entreprises (Kawża T‑255/17).


4      Dawn huma Les Mousquetaires u ITM Entreprises fil-Kawża T‑255/17.


5      Artikolu 52 tal-Karta u spjegazzjonijiet dwar dan l-artikolu.


6      Rikors għal annullament, azzjoni għal miżuri provviżorji, rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali.


7      Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.


8      Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).