Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2020 – Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-255/17) 1

(“Kompetizzjoni – Akkordji – Proċedura amministrattiva – Deċiżjonijiet li jordnaw spezzjonijiet – Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Dritt għal rimedju effettiv – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għall-invjolabbiltà tad-dar – Indizji suffiċjentement serji – Proporzjonalità – Rikors għal annullament – Ilmenti relati mal-iżvolġiment ta’ spezzjoni – Rifjut li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-data li taqa’ taħt il-ħajja privata – Inammissibbiltà”)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Les Mousquetaires (Pariġi, Franza) u ITM Entreprises (Pariġi) (rappreżentanti: N. Jalabert-Doury, B. Chemama u K. Mebarek, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Mongin, A. Dawes u I. Rogalski, aġenti, assistiti minn F. Ninane, avukat)

Intervenjent insostenn tal-kovenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: S. Boelaert, S. Petrova u O. Segnana, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, l-ewwel nett, prinċipalment, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1361 final tal-21 ta’ Frar 2017 li tordna lil Mousquetaires kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnhom jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni konformement mal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ AT.40466 – Tute 1) kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1360 final tal-21 ta’ Frar 2017 li tordna lil Mousquetaires kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnhom jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni konformement mal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ AT.40467 – Tute 2) u, sussidjarjament, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1057 final tad-9 ta’ Frar 2017 li tordna lil Intermarché kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni konformement mal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ AT.40466 – Tute 1) kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1061 final tad-9 ta’ Frar 2017 li tordna lil Intermarché kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni konformement mal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ AT.40467 – Tute 2) u, it-tieni nett, tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni, minn naħa, ikkonfiskat u kkopjat id-data inkluża fl-għodda ta’ komunikazzjoni u ta’ ħażna li jinkludu data dwar il-ħajja privata tal-utenti ta’ dawn l-għodda u, min-naħa l-oħra, ċaħdet it-talba ta’ restituzzjoni tal-imsemmija data ppreżentata mir-rikorrenti.

Dispożittiv

L-Artikolu 1(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1057 final tad-9 ta’ Frar 2017 li tordna lil Intermarché kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni konformement mal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ AT.40466 – Tute 1), kif ukoll l-Artikolu 1(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1361 final tal-21 ta’ Frar 2017 li tordna lil Mousquetaires kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnhom jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni konformement mal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ AT.40466 – Tute 1), huma annullati.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Les Mousquetaires u ITM Entreprises, il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

____________

1     ĠU C 231, 17.7.2017.