Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Jannar 2017 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-20/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: L-Ungerija (rappreżentanti: M.Z. Fehér u E.Zs. Tóth)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 6929 finali, tal-4 ta’ Novembru 2016, dwar il-miżura SA.39235 (2015/C) (ex 2015/NN) implementata mill-Ungerija dwar it-tassazzjoni tad-dħul mill-bejgħ mir-reklamar.

sussidjarjament, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat ipprojbita anki l-verżjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ wara l-emenda tal-2015.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tat-taxxa fuq ir-reklamar bħala għajnuna mill-Istat.

Id-deċiżjoni kkontestata hija illeġittima, peress li l-Kummissjoni wettqet żball meta kklassifikat il-leġiżlazzjoni Ungeriża inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat; ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat la s-sistema ta’ tassazzjoni progressiva li tipprevedi tariffi u kategoriji (brackets) skont kriterji oġġettivi, la t-tnaqqis tal-bażi taxxabbli għall-impriżi li jkunu qegħdin jagħmlu telf, u lanqas l-applikabbiltà tas-sistema fiskali l-ġdida għas-snin fiskali preċedenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat ipprojbita r-regoli dwar it-taxxa fuq ir-reklamar kemm fil-verżjoni emendata fl-2014 kif ukoll fil-verżjoni emendata fl-2015 mingħajr ma eżaminat, fuq il-mertu, id-differenza bejn il-leġiżlazzjonijiet. Id-deċiżjoni kkontestata ma tatix indikazzjoni fir-rigward ta’ liema eċċezzjoni stabbilita bil-liġi impriża tkun tgawdi minn vantaġġ patrimonjali meta mqabbla ma’ impriża oħra li tkun tinsab fl-istess sitwazzjoni; hija ma tikkjarifikax ir-raġuni li għaliha s-sistema tat-tip progressiv ma tagħmilx parti mis-sistema ta’ referenza; hija ma tindikax il-kategorija ta’ impriżi privileġġjati esklużivament mis-sistema progressiva ta’ tariffi u kategoriji (brackets), u ma timmotivax għal liema raġuni ma tqisx soddisfaċenti l-kalkoli mwettqa mill-awtoritajiet Ungeriżi fir-rigward tal-ispejjeż li jaqgħu fuq is-suġġetti passivi u fuq l-amministrazzjoni finanzjarja.

It-tielet motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

Il-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u dan billi pprojbixxiet, meta kklassifikatha bħala għajnuna mill-Istat illegali, l-irkupru ta’ tariffi abbażi ta’ leġiżlazzjoni fiskali li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-ineżistenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-possibbiltà ta’ kwalifikazzjoni tat-tariffi inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat.

____________