Language of document : ECLI:EU:T:2019:448

Kawża T20/17

L-Ungerija

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2019

“Għajnuna mill-Istat – Taxxa Ungeriża fuq id-dħul mill-pubblikazzjoni tar-reklamar – Progressività tar-rati ta’ tassazzjoni – Tnaqqis tal-bażi taxxabbli b’50 % tat-telf ittrasferit għall-kumpanniji li ma għamlux profitt fl-2013 – Deċiżjoni li tikklassifika l-miżuri ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħhom – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Kundizzjoni relatata mas-selettività”

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ trattament fiskali vantaġġuż lil ċerti impriżi – Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 71 sa 73)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali– Kuntest ta’ referenza sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ – Delimitazzjoni materjali – Kriterji – Identifikazzjoni tas-sistema fiskali komuni jew “normali” – Differenzjazzjoni bejn operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli mhux iġġustifikata min-natura u l-istruttura tas-sistema fiskali komuni jew “normali” – Natura u struttura ta’ sistema fiskali – Kunċett

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 74 sa 77)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Kuntest ta’ referenza sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ – Taxxa settorjali fuq id-dħul mill-bejgħ tax-xandara ta’ reklamar – Identifikazzjoni tas-sistema fiskali komuni jew “normali” – Struttura ta’ tassazzjoni progressiva – Inklużjoni – Definizzjoni mill-Kummissjoni ta’ sistema fiskali ta’ referenza mhux kompluta jew ipotetika – Inammissibbiltà

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 78 sa 83)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Taxxa settorjali fuq id-dħul mill-bejgħ tax-xandara ta’ reklamar – Natura tat-taxxa – Għan indikat mill-Istat ikkonċernat għall-istabbiliment ta’ tassazzjoni settorjali li tosserva loġika ta’ ridistribuzzjoni – Għan koerenti mal-istruttura ta’ tassazzjoni progressiva – Ammissibbiltà

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 84 sa 90)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Taxxa settorjali progressiva fuq id-dħul mill-bejgħ tax-xandara ta’ reklamar – Struttura tat-taxxa – Prinċipju ta’ struttura ta’ tassazzjoni progressiva –Differenzjazzjoni mhux diskriminatorja ġġustifikata mill-għan ta’ ridistribuzzjoni fiskali segwit – Assenza ta’ selettività

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 91 sa 105)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Taxxa settorjali progressiva fuq id-dħul mill-bejgħ tax-xandara ta’ reklamar – Struttura tat-taxxa – Stħarriġ tal-istruttura ta’ tassazzjoni progressiva adottata – Kompatibbiltà mas-sustanza tal-għan ta’ ridistribuzzjoni fiskali segwit – Assenza ta’ trattament diskriminatorju ta’ persuni taxxabbli li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli – Assenza ta’ selettività

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 107 sa 111)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Taxxa settorjali fuq id-dħul mill-bejgħ tax-xandara ta’ reklamar – Mekkaniżmu għat-tnaqqis tat-telf li jwettaq tnaqqis tal-valur taxxabbli għall-ewwel sena ta’ tassazzjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Kompatibbiltà mal-għan ta’ ridistribuzzjoni fiskali segwit – Assenza ta’ diskriminazzjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 117 sa 124)

Sunt

Permezz tas-sentenza L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (T-20/17), mogħtija fis-27 ta’ Ġunju 2019, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika t-taxxa progressiva fuq id-dħul mill-bejgħ ibbażat fuq ix-xandir ta’ reklamar stabbilita mill-Ungerija bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern (1).

Fil-15 ta’ Awwissu 2014 daħlet fis-seħħ fl-Ungerija, il-Liġi dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar, li tistabbilixxi taxxa progressiva abbażi ta’ brackets fuq id-dħul mill-pubblikazzjoni tar-reklamar. Ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ nett tax-xandara li jirrendu r-reklami pubbliċi (gazzetti, media awdjoviżiva, billboards) li joperaw fl-Ungerija, din it-taxxa kienet tinkludi skala ta’ sitt rati progressivi skont id-dħul mill-bejgħ, flimkien mal-possibbiltà, għall-persuni taxxabbli li l-profitt qabel it-taxxa tagħhom għas-sena finanzjarja 2013 kien żero jew negattiv, li jnaqqsu mill-valur taxxabbli tagħhom 50 % tat-telf ittrasferit mis-snin finanzjarji preċedenti. Peress li qieset li kemm il-progressività ta’ din it-taxxa kif ukoll it-tnaqqis tal-valur taxxabbli minħabba t-tnaqqis tat-telf jinvolvu elementi ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni, fit-12 ta’ Marzu 2015 (2), innotifikat lill-Ungerija bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ dawn il-miżuri, flimkien ma’ ordni ta’ sospensjoni (3). Fid-deciżjoni tagħha tal-4 ta’ Novembru 2016, hija kkunsidrat b’mod partikolari li l-miżura, kemm minħabba l-istruttura ta’ tassazzjoni tagħha kif ukoll minħabba l-possibbiltà ta’ tnaqqis tat-telf li hija toffri, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u ordnat l-irkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna mħallsa mingħand il-benefiċjarji tagħha.

Għalhekk mitluba mill-ġdid, wara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2019, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (4), sabiex tiddetermina jekk taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ li għandha struttura ta’ tassazzjoni progressiva tikkostitwixxi, minħabba f’hekk, miżura selettiva li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet f’dan il-każ li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji.

Hija tikkonstata għalhekk, qabelxejn, li l-Kummissjoni ma setgħetx, sabiex tiddetermina jekk din it-taxxa kinitx ta’ natura selettiva, tadotta sistema fiskali ta’ referenza mhux kompluta jew ipotetika. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet identifikat sistema “normali” li tinkludi struttura ta’ tassazzjoni b’rata unika, indipendentement mill-ammont tagħha, filwaqt li kellha żżomm il-karatteristiċi reali tas-sistema fiskali “normali” stabbilita mil-liġi, jiġifieri t-taxxa fuq ir-reklamar stess, flimkien mal-istruttura tagħha li tinkludi l-iskala unika ta’ rati u brackets tagħha. Madankollu, filwaqt li rrilevat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni setgħet tiġi ġġustifikata minn motivi oħra li juru l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, favur l-impriżi li kellhom dħul mill-bejgħ ftit għoli, il-Qorti Ġenerali eżaminat ukoll jekk l-istituzzjoni irnexxiliex turi li l-istruttura ta’ din it-taxxa, jiġifieri l-istruttura ta’ tassazzjoni tagħha, kienet tikser in-natura tagħha, jiġifieri l-għanijiet tagħha.

F’dan ir-rigward, hija tikkonstata, qabel kollox, li l-Kummissjoni wettqet ukoll żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-għan tat-taxxa kien sempliċement li jinġabar dħul baġitarju, filwaqt li, skont l-awtoritajiet Ungeriżi, huwa kien li jistabbilixxi taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ min jirrendi r-reklamar pubbliku assoċjat ma’ loġika ta’ ridistribuzzjoni. Hija tikkonstata, sussegwentement, li l-Kummissjoni ma rnexxiliex turi li struttura progressiva ta’ tassazzjoni kienet, bħala prinċipju, kuntrarja għall-għan segwit. Hija tosserva, b’mod partikolari, li n-natura selettiva hija nieqsa jekk id-differenzi ta’ tassazzjoni jirriżultaw mill-applikazzjoni, mingħajr deroga, tas-sistema “normali”, sakemm is-sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod komparabbli u sakemm dawn ma jiksrux l-għan tat-taxxa kkonċernata Fl-aħħar nett, hija tikkonstata li l-Kummissjoni ma wrietx li l-istruttura progressiva ta’ tassazzjoni konkretament adottata ġġib fix-xejn is-sustanza tal-għan segwit.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li t-tnaqqis tal-valur taxxabbli tat-taxxa minħabba t-tnaqqis tat-telf kien jinvolvi element diskriminatorju li jmur kontra l-għan ta’ din it-taxxa, li jikkostitwixxi vantaġġ selettiv li jikkaratterizza għajnuna mill-Istat. Hija tirrileva b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li dan it-tnaqqis tal-valur taxxabbli ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi indipendenti mill-għażliet tal-impriżi kkonċernati.


1      Deċiżjoni (UE) 2017/329, tal-4 ta’ Novembru 2016 dwar il-miżura SA.39235 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Ungerija dwar it-taxxa tad-dħul mir-reklamar (ĠU 2017, L 49, p. 36).


2      Deciżjoni tat-12 ta’ Marzu 2015, Għajnuna mill-Istat — l-Ungerija — Għajnuna mill-Istat SA.39235 (2015/C) (ex 2015/NN) – l-Ungerija - Taxxa tar-riklamar — Stedina biex jitressqu kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, C 136, p. 7).


3      Ordni maħruġa skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat KE [li sar l-Artikolu 108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339)


4      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2019, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (T-836/16 u T-624/17, EU:T:2019:338).