Language of document : ECLI:EU:T:2010:226

Kawża T-138/09

Félix Muñoz Arraiza

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali RIOJAVINA — Trade mark Komunitarja kollettiva figurattiva preċedenti RIOJA — Raġuni relattiva għal rifjut — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn il-prodotti jew servizzi kkonċernati

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

1.      Isseħħ probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, meta jkun hemm probabbiltà li l-pubbliku rilevanti jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi koperti miż-żewġ trade marks kunfliġġenti ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Minn dan jirriżulta li l-oriġini kummerċjali eżatta li l-pubbliku rilevanti jattribwixxi lill-prodotti u lis‑servizzi koperti minn kull waħda miż-żewġ trade marks kunfliġġenti ma hijiex daqstant importanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom. Dak li huwa importanti hija l‑kwistjoni dwar jekk din l-oriġini kummerċjali tistax tiġi pperċepita mill‑pubbliku rilevanti, fiż-żewġ każijiet, bħala li hija l-istess.

(ara l-punti 25, 26)

2.      Teżisti għall-pubbliku rilevanti, li huwa magħmul kemm mill-pubbliku inġenerali kif ukoll mill‑pubbliku speċjalizzat tal-Unjoni, probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it‑trade mark Komunitarja, bejn is-sinjal verbali RIOJAVINA, li għalih qed issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komuntarja għall‑ħall li jaqgħu taħt il-klassi 30 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice kif ukoll għal “servizzi ta’ aġenti kummerċjali, rappreżentazzjonijiet, bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, importazzjonijiet-esportazzjonijiet; kollox li għandu x’jaqsam mal‑ħall” li jaqgħu taħt il-klassi 35, u t-trade mark Komunitarja kollettiva għall‑inbid li taqa’ taħt il-klassi 33 fis-sens tal-imsemmi ftehim.

Infatti, il-livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi kkonċernati huwa kkumpensat bil‑livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, b’tali mod li teżisti probabbiltà li l‑pubbliku rilevanti jemmen li l-ħall u s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ħall proposti taħt it-trade mark RIOJAVINA għandhom l-istess oriġini kummerċjali bħall-inbejjed ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark Komunitarja preċedenti.

(ara l-punti 33, 55)

3.      Fid-dawl tar-rabta mill-qrib li torbot kull prodott mal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), wara li kkonstata l-eżistenza ta’ xebh bejn il-prodotti koperti mit‑trade marks kunfliġġenti, ikkonkluda wkoll favur l-eżistenza ta’ xebh tal-istess intensità bejn, minn naħa, is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni espressament speċifikati bħala li huma mqabbla mal-prodotti koperti mit‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u min-naħa l-oħra, il-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata.

(ara l-punt 43)