Language of document : ECLI:EU:T:2010:478

Kawża T-137/09

Nike International Ltd

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali R10 — Trade mark nazzjonali verbali mhux irreġistrata R10 — Ċessjoni tat-trade mark nazzjonali — Difett proċedurali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Kundizzjoni għall-ammissibbiltà — Motivi indirizzati unikament kontra d-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 63(1))

2.      Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ appell — Appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-Uffiċċju — Ċessjoni tat-trade mark preċedenti wara l-preżentata tal-oppożizzjoni u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Uffiċċju — Eżami mill-Bord tal-Appell tal-locus standi taċ-ċessjonarju

3.      Trade mark Komunitarja — Trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali — Prova tat-trasferiment tad-dritt nazzjonali preċedenti — Traspożizzjoni għaċ-ċessjoni ta’ trade marks nazzjonali tar-Regola 31(6) tar-Regolament Nru 2868/95

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 31(6))

1.      Skont l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, kawża quddiem il-qorti Komunitarja tista’ biss titressaq kontra deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell, b’tali mod li fil-kuntest ta’ kawża bħal din, huma ammissibbli biss motivi li jirrigwardaw id-deċiżjoni tal-istess Bord tal-Appell. Konsegwentement, motivi bbażati fuq il-ksur ta’ dispożizzjoni legali minn deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

(ara l-punt 13)

2.      Meta, sussegwenti għal ċessjoni wara l-preżentata ta’ oppożizzjoni, il-kopja taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tat-trade mark li fuqha tkun ibbażata l-oppożizzjoni ssemmi bħala l-proprjetarja kumpannija differenti minn dik li tkun ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tiċħad l-oppożizzjoni, ir-rikors ma huwiex ammissibbli fuq il-bażi tal-ipoteżi li t-trade mark preċedenti ġiet ittrasferita lill-rikorrent. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell jista’ jeżamina, b’mod legali, il-locus standi tiegħu.

Fil-fatt, b’differenza mill-każ fejn ċessjoni sseħħ qabel ma tiġi ppreżentata l-oppożizzjoni, meta ċ-ċessjoni tat-trade mark invokata sseħħ wara li tiġi ppreżentata l-oppożizzjoni u qabel ma l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jieħu d-deċiżjoni definittiva tiegħu, dan tal-aħħar għandu jiżgura li jipprotegi d-drittijiet tal-parti li oriġinarjament ippreżentat l-oppożizzjoni jew l-applikazzjoni għal trade mark, peress li l-ammissjoni taċ-ċessjonarju tat-trade mark għandha l-għan li ttemm, fir-rigward tal-imsemmija parti, il-proċedura mibdija minnha. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell għandu jiżgura li l-persuna li tkun ippreżentat ir-rikors ikollha locus standi sabiex tikkontesta d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

(ara l-punt 17)

3.      Fin-nuqqas ta’ liġi dwar il-prova tat-trasferiment tad-dritt nazzjonali preċedenti invokat insostenn ta’ oppożizzjoni, il-linji gwida tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) – li bħala prinċipju dan għandu l-obbligu li josserva – huma ispirati, f’dan ir-rigward, mid-dispożizzjonijiet ipprovduti mir-Regola 31(6) tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità. Għaldaqstant, dawn il-linji gwida, fit-“Taqsima 1: Kwistjonijiet proċedurali” tat-“Taqsima Ċ: Oppożizzjoni” tagħhom, jipprovdu li jekk il-proprjetarju l-ġdid tad-dritt nazzjonali preċedenti “jinforma lill-Uffiċċju bit-trasferiment, iżda ma jipprovdix provi (suffiċjenti) ta’ dan it-trasferiment, il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni għandhom jiġu sospiżi u l-proprjetarju l-ġdid għandu terminu ta’ xahrejn sabiex jipprovdi l-prova tat trasferiment”. Din it-traspożizzjoni tar-Regola 31(6) tar-Regolament Nru 2868/95 għaċ-ċessjoni ta’ trade-marks nazzjonali ma tistax tiġi kkontestata peress li, fil-każ fejn id-dritt nazzjonali ma jipprovdix proċedura għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment tal-proprjetà ta’ trade marks irreġistrati, l-eżami li twettaq id-Diviżjoni tal Oppożizzjoni jew il-Bord tal-Appell sabiex jiġi vverifikat li t-trasferiment tat-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni effettivament seħħ, huwa essenzjalment l-istess li jwettaq id-dipartiment kompetenti tal-UASI sabiex jeżamina l-applikazzjonijiet ta’ trasferiment li jikkonċernaw it-trade marks Komunitarji. Barra minn hekk, anki jekk din il-proċedura tirrigwarda b’mod espliċitu t-trade marks nazzjonali rreġistrati, b’analoġija, għandha tiġi applikata għat-trasferiment ta’ trade marks nazzjonali li ma humiex irreġistrati, peress li t-tip ta’ eżami mwettaq mill-UASI huwa identiku.

(ara l-punt 24)