Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Novembru 2012 - Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-140/09) 

("Kompetizzjoni - Proċedura amministrattiva - Rikors għal annullament - Atti adottati matul spezzjoni - Miżuri intermedjarji - Inammissibbiltà - Deċiżjoni li tordna spezzjoni - Obbligu ta' motivazzjoni - Protezzjoni tal-ħajja privata - Indizji serji biżżejjed- Stħarriġ ġudizzjarju")

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Prysmian SpA (Milan, l-Italja) u Prysmian Cavi e Sistemi Energia Srl (Milan) (rappreżentanti: A. Pappalardo, F. Russo, L. Stasi, C. Tesauro u L. Armati, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizzjalment V. Di Bucci u X. Lewis, sussegwentement V. Di Bucci u N. Von Lingen, aġenti)

Suġġett

L-ewwel nett, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 92/2 tad-9 ta' Jannar 2009, li tordna lil Prysmian SpA u l-impriżi kollha li direttament jew indirettament huma ikkontrollati minnha, inkluża Prysmian Cavi e Sistemi Energia Srl, sabiex jissuġġettaw rwieħhom għal spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (Każ COMP/39.610); it-tieni nett, talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara illegali id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni matul din l-ispezzjoni li tikkopja ċerti fajls informatiċi sabiex teżaminahom fl-uffiċċji tagħha u, it-tielet nett, talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni sabiex ma tużax id-dokumenti miksuba illegalment kif ukoll sabiex trodd lura lil Prysmian u lil Prysmian Cavi e Sistemi Energia d-dokumenti kollha miksuba b'mod illegali.

Dispożittiv

1)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 92/2 tad-9 ta' Jannar 2009, li tordna lil Prysmian SpA u l-impriżi kollha li direttament jew indirettament huma ikkontrollati minnha, inkluża Prysmian Cavi e Sistemi Energia Srl, sabiex jissuġġettaw rwieħhom għal spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], hija annullata sa fejn hija tikkonċerna l-kejbils elettriċi barra l-kejbils elettriċi tat-tensjoni għolja ta' taħt wiċċ il-baħar u ta' taħt l-art u l-materjal relatat ma' dawn il-kejbils l-oħra.

2)    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)    Prysmian et Prysmian Cavi e Sistemi Energia għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

4)    Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha stess.

____________

1 - ĠU C 141, 20.06.2009.