Language of document : ECLI:EU:T:2012:597





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-14 ta’ Novembru 2012 — Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-140/09)

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rikors għal annullament — Atti adottati matul spezzjoni — Miżuri intermedjarji — Inammissibbiltà — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Protezzjoni tal-ħajja privata — Indizji serji biżżejjed — Stħarriġ ġudizzjarju”

1.                     Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Indikazzjoni ċara tal-indizji serji li jippermettu suspett ta’ ksur — Stħarriġ ġudizzjarju (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4)) (ara l-punti 37, 38, 70)

2.                     Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Obbligu ta’ indikazzjoni tas-setturi koperti mill-allegat ksur — Esklużjoni tal-obbligu li jiġi ppreċiżat is-suq ikkonċernat mill-investigazzjoni (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4)) (ara l-punt 40)

3.                     Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Limiti — Użu ta’ dokumenti jew informazzjoni għall-finijiet tal-investigazzjoni — Użu intiż unikament għas-setturi tal-attività indikati fid-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4)) (ara l-punt 62, 63)

4.                     Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Proċedura amministrattiva għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni — Miżuri meħuda matul il-proċedura ta’ spezzjoni — Atti inseparabbli tad-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni — Inammissibbiltà (Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(1) u (3), u Artikolu 20(2) u (4)) (ara l-punti 99, 102, 108)

5.                     Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb ordni indirizzata lil istituzzjoni — Inammissibbiltà (Artikolu 230 KE) (ara l-punt 111)

Suġġett

L-ewwel nett, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 92/2, tad-9 ta’ Jannar 2009, li tordna lil Prysmian SpA u l-impriżi kollha li direttament jew indirettament huma ikkontrollati minnha, inkluża Prysmian Cavi e Sistemi Energia Srl, sabiex jissuġġettaw rwieħhom għal spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l‑implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (Każ COMP/39.610); it‑tieni nett, talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara illegali d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni matul din l-ispezzjoni li tikkopja ċerti fajls informatiċi sabiex teżaminahom fl-uffiċċji tagħha u, it-tielet nett, talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni sabiex ma tużax id-dokumenti miksuba illegalment kif ukoll sabiex trodd lura lil Prysmian u lil Prysmian Cavi e Sistemi Energia d‑dokumenti kollha miksuba b’mod illegali.

Dispożittiv

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 92/2. tad 9 ta’ Jannar 2009, li tordna lil Prysmian SpA u lill-impriżi kollha li direttament jew indirettament huma ikkontrollati minnha, inkluża Prysmian Cavi e Sistemi Energia Srl, sabiex jissuġġettaw rwieħhom għal spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikolu 81 [KE] u fl-Artikolu 82 [KE], hija annullata sa fejn hija tikkonċerna l-kejbils elettriċi barra l-kejbils elettriċi tat-tensjoni għolja ta’ taħt wiċċ il-baħar u ta’ taħt l-art u l-materjal relatat ma’ dawn il-kejbils l-oħra.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

4)

Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha stess.