Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' April 2009 - Nike International Ltd vs UASI - Muñoz Molina (R10)

(Kawża T-137/09)

Lingwa tar-rikors: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Nike International Ltd (Oregon, l-Istati Uniti) (rappreżentant: M. de Justo Bailey, abogado)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell : Aurelio Muñoz Molina (Santa Pola, Spanja)

Talbiet tar-rikorrenti

temenda d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-inammissibbiltà tar-rikors, billi tistabbilixxi li dan huwa ammissibbli, u billi tistabbilixxi li t-Tieni Bord tal-Appell aġixxa b'mod korrett, billi daħal fil-mertu tiegħu.

sussidjarjament, tiddeċiedi dwar l-eżistenza tal-ksur tal-Artikolu 73 CTMR u d-dispożizzjonjiet l-oħra applikabbli min-naħa tal-Bord tal-Appell u tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, billi tordna r-retroattività tal-proċess sabiex tiġi kkumpensata n-nuqqas ta' possibbiltà tar-rikorrenti (Nike International Ltd) li tikkoreġi n-nuqqasijiet bħala persuna li tassenja d-dritt preċedenti u/jew, tal-anqas, in-notifika korretta tad-deċiżjoni lir-rappreżentant tal-proprjetarju preċedenti (DL Sports & Marketing Ltd).

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Aurelio Muñoz Molina.

Trade mark Komunitarja kkonċernata: Trade mark verbali "R 10" (Applikazzjoni għal reġistrazzjoni Nru 4813713), għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 18, 25 u 35.

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat in sostenn tal-oppożizzjoni: Ir-rikorrenti.

Trade mark jew sinjal invokat in sostenn tal-oppożizzjoni: Trade mark Spanjola mhux irreġistrata "R 10".

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni miċħuda, minħabba motivi formali u, konkretament, minħabba ksur tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja1, u tar-Regola 49(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità.2

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud minħabba inammissibbiltà.

Motivi invokati: Evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet relatati mal-ammissibbiltà ta' dan ir-rikors, ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni u nuqqas ta' "In audita altera partem".

____________

1 - ĠU 1994, L 11, p. 1

2 - ĠU 1995 L 303, p. 1