Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' April 2009 - Prysmian, Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-140/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Prysmian SpA (Milan, l-Italja), Prysmian Cavi e Sistemi Energia Srl (Milan, l-Italja) (rappreżentanti: A. Pappalardo, avvocato, F. Russo, avvocato, M. L. Stasi, avvocato, C. Tesauro, avvocato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tad-9 ta' Jannar 2009 li permezz tagħha l-Kummissjoni ordnat li jsiru l-ispezzjonijiet (Każ COMP/39610 - Surge).

tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħmel kopja tal-kontenut kollu tal-ħard disks ta' ċerti diretturi ta' Prysmian u li jiġi analizzat il-kontenut tagħhom fl-uffiċċji tagħha fi Brussell hija illegali u tikser l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

alternattivament, fir-rigward ta' dak li ntalab fil-punt preċedenti, tiddikjara li l-aġir tal-ispetturi hija abbużiv sa fejn, billi interpretaw b'mod żbaljat is-setgħat ta' ispezzjoni mogħtija lilhom mid-deċiżjoni, kisbu kopja tal-kontenut kollu ta' ċerti ħard disks bil-għan li jivverifikaw il-kontenut tagħhom fl-uffiċċji tal-Kummissjoni fi Brussell.

tordna lill-Kummissjoni sabiex trodd lura lil Prysmian id-dokumenti kollha miksuba b'mod illegali matul l-ispezzjoniijiet li saru fi ħdan is-sede ta' Milan jew mill-kopji tal-ħard disks analizzati ġewwa l-uffiċċji tal-Kummissjoni fi Brussell.

tinnotifika lill-Kummissjoni sabiex b'ebda mod ma tuża d-dokumenti miksuba illegalment u, b'mod partikolari, sabiex ma tużahomx matul il-proċeduri mibdija sabiex jiġi vverifikat l-allegat aġir antikompetittiv fis-settur tal-kejbils tal-elettriku bi ksur tal-Artikolu 81 KE.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa bbażat fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Jannar 2009, intiża sabiex tivverifika l-eżistenza eventwali ta' aġir antikompetittiv fis-settur tal-kejbils tal-elettriku bi ksur tal-Artikolu 81 KE, u li permezz tagħha r-rikorrenti ġew ordnati li jissuġġettaw rwieħhom għal ispezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat1.

Għandu jiġi enfasizzat f'dan ir-rigward li, fil-fażi tal-eżekuzzjoni ta' din id-deċiżjoni ir-rappreżentanti tar-rikorrenti kienu ġew infurmati li l-konvenuta kienet iddeċidiet li tipproduċi kopja konformi ("forensic image") tal-ħard disks ta' ċerti kompjuters, sabiex tkompli r-riċerka fl-uffiċċji tal-Istituzzjoni fi Brussell.

Insostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu:

li r-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi espressament li s-setgħat ta' ispezzjoni għandhom jiġu eżerċitati fil-bini tal-impriża, fid-dawl tal-ipoteżi li l-bini jista' jiġi ssiġillat jekk l-ispezzjoni ddum iktar minn jum, kif ukoll li l-ebda dispożizzjoni legali ma tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tagħmel kopja ta' ħard disks sħaħ, toħroġhom mill-bini tal-impriża u tanalizza din id-dokumentazzjoni fl-uffiċċji tagħha stess.

li l-konvenuta tawwlet b'mod indebitu t-tul ta' żmien tal-ispezzjoni għal madwar xahar, fejn qiegħdet lir-rikorrenti f'pożizzjoni ta' inċertezza fir-rigward tal-portata reali tal-investigazzjonijiet.

li l-Kummissjoni saħansitra pprekludiet għal xi ġimgħat li tiġi evalwata, b'għarfien sħiħ tal-fatti, l-eventwalità li ssir talba għall-ammissjoni fil-programm ta' Klemenza.

li l-aġir akkużat fil-konfront tal-konvenuta jikkostitwixxi ksur evidenti tal-limiti li l-leġiżlatur Komunitarju impona fuq il-poteri ta' ispezzjoni tiegħu, li jista' jikkomprometti b'mod sinjifikattiv il-possibbiltajiet ta' difiża tal-impriżi suġġetti għall-ispezzjoni.

____________

1 - ĠU 2003 L 1, p. 1