Language of document : ECLI:EU:T:2010:478

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Novembru 2010(*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali R10 – Trade mark nazzjonali verbali mhux irreġistrata R10 – Ċessjoni tat-trade mark nazzjonali – Difett proċedurali”

Fil-Kawża T-137/09,

Nike International Ltd, stabbilita f’Beaverton, Oregon (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn M. de Justo Bailey, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Aurelio Muñoz Molina, residenti f’Petrer (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-21 ta’ Jannar 2009 (Każ R 551/2008-1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn DL Sports & Marketing Ltda u Aurelio Muñoz Molina,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’April 2009,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Lulju 2009,

wara li rat li l-partijiet ma ressqux talba għall-iffissar ta’ seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-2 ta’ Jannar 2006, Aurelio Muñoz Molina ppreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija s-sinjal verbali R10.

3        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 30/2006, tal-24 ta’ Lulju 2006.

4        Fl-24ta’ Ottubru 2006, DL Sports & Marketing Ltda  għamlet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. L-imsemmija oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark mhux irreġistrata jew is-sinjal użat fil-kummerċ R10 u magħmula kontra l-prodotti kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(2)(ċ) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikolu 8(2)(c) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009).

5        Fit-28 ta’ Novembru 2006 id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tat lil DL Sports & Marketing terminu ta’ erba’ xhur, sad-29 ta’ Marzu 2007, sabiex tipproduċi provi tal-eżistenza u l-validità tad-dritt preċedenti invokat. Fid-29 ta’ Marzu 2007, DL Sports & Marketing talbet proroga tat-terminu, li ngħatalha fit-8 ta’ Ġunju 2007 sad-9 ta’ Awwissu 2007. Fl-24 ta’ Ottubru 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonstatat li ma kienet ġiet prodotta l-ebda prova insostenn tal-oppożizzjoni.

6        Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Ottubru 2007, il-konsulent legali tar-rikorrenti, Nike International Ltd, informa lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li, permezz ta’ kuntratt tal-20 ta’ Ġunju 2007, DL Sports & Marketing kienet ittrasferixxiet lir-rikorrenti – permezz ta’ Nike, Inc. – il-proprjetà ta’ diversi trade marks u drittijiet ta’ proprjetà industrijali (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ ċessjoni”). Il-konsulent legali indika li kien irċieva istruzzjonijiet mill-proprjetarju l-ġdid tad-dritt preċedenti sabiex ikompli bil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u għaldaqstant talab sabiex jidher f’dawn il-proċedimenti bħala rappreżentant.

7        Fid-19 ta’ Frar 2008, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni għar-raġuni li DL Sports & Marketing ma ssostanzjatx, fit-termimu previst, l-eżistenza tad-dritt preċedenti invokat insostenn tal-imsemmija oppożizzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni”).

8        Fit-28 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

9        Permezz tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad dan l-appell bħala inammissibbli għar-raġuni li r-rikorrenti ma kinitx provdiet prova tal-istat tagħha bħala parti fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u, konsegwentement, ma kinitx intitolata li tappella mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, f’dak l-istadju tal-proċeduri, il-konsulent legali tar-rikorrenti ma kienx indika – u lanqas ipproduċa provi – li d-dritt preċedenti invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien jinsab fost it-trade marks ittrasferiti lir-rikorrenti. Huwa ppreċiża li matul l-appell, ir-rikorrenti lanqas ma kienet f’pożizzjoni li tipproduċi provi li kienet il-proprjetarja tad-dritt preċedenti. Għaldaqstant, huwa qies li l-kuntratt ta’ ċessjoni kien jistabbilixxi biss li r-rikorrenti kienet akkwistat ċerti trade marks Komunitarji, iżda mhux speċifikament id-dritt preċedenti invokat.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tbiddel id-deċiżjoni kkontestata billi tiddikjara li l-appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell huwa ammissibbli u tordna lil dan tal-aħħar sabiex jaġixxi kif xieraq billi jiddeċiedi dwar il-mertu tal-imsemmi appell;

–        sussidjarjament, tikkonstata l-ksur mill-Bord tal-Appell u mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009) u ta’ dispożizzjonijiet applikabbli oħrajn u tordna r-retroattività tal-proċess sabiex jiġi rrimedjat il-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tirranġa l-irregolaritajiet bħala ċessjonarja tad-dritt preċedenti u/jew, għall-anqas, li d-deċiżjoni tiġi nnotifika b’mod korrett lir-rappreżentant tal-proprjetarju tad-dritt preċedenti.

11      L-UASI essenzjalment jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni erba’ motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, fit-tieni lok, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża mogħtija mill-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet applikabbli oħrajn, kemm min-naħa tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, kif ukoll min-naħa tal-Bord tal-Appell, fit-tielet lok, fuq ksur min-naħa tal-Bord tal-Appell tal-linji gwida dwar il-proċedimenti quddiem l-UASI (iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-UASI”) u, fir-raba’ lok, fuq żball ta’ evalwazzjoni rigward iċ-ċessjoni tad-dritt preċedenti.

13      L-ewwel nett, l-ewwel motiv kif ukoll it-tieni wieħed għandhom jiġu miċħuda sa fejn huma intiżi għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 207/2009), kawża quddiem il-qorti Komunitarja tista’ tinfetaħ biss kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, b’tali mod li fil-kuntest ta’ kawża bħal din, huma ammissibbli biss motivi li jirrigwardaw id-deċiżjoni tal-istess Bord tal-Appell [sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Salvita), T-303/03, Ġabra p. II-1917, punt 59].

14      Imbagħad, għandu jiġi eżaminat it-tielet motiv peress li r-rikorrenti essenzjalment isostni li, skont il-linji gwida tal-UASI, il-Bord tal-Appell ma setax jeżamina legalment jekk hija kinitx effettivament akkwistat id-dritt preċedenti invokat insostenn tal-oppożizzjoni.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-linji gwida tal-UASI

 L-argumenti tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma setax jiċħad l-appell tagħha bħala inammissibbli għar-raġuni li ma kinitx il-proprjetarja tad-dritt li kienet ibbażata fuqu l-oppożizzjoni. Fil-fatt hija tirrileva li, skont il-linji gwida tal-UASI, b’mod partikolari l-Punt A.V.2.5.3 tat-“Taqsima 1: Kwistjonijiet proċedurali” tat-“Taqsima Ċ: Oppożizzjoni”, meta l-kopja taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tat-trade mark, li fuqha tkun ibbażata oppożizzjoni, isemmi bħala l-proprjetarja kumpannija differenti minn dik li tkun għamlet l-oppożizzjoni, din hija ammissibbli fuq il-bażi tal-ipoteżi li t-trade mark preċedenti ġiet ittrasferita lill-opponent qabel ma ġiet ippreżentata l-oppożizzjoni. Hija tqis li l-istess preżunzjoni għandha tapplika fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

16      L-UASI jikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

17      Għandu jiġi osservat li b’differenza mill-każ fejn iċ-ċessjoni sseħħ qabel ma tiġi ppreżentata l-oppożizzjoni, meta ċ-ċessjoni tat-trade mark invokata sseħħ wara li tiġi ppreżentata l-oppożizzjoni u qabel ma l-UASI jieħu d-deċiżjoni definittiva tiegħu, dan tal-aħħar għandu jiżgura li jipprotegi d-drittijiet tal-parti li oriġinarjament ippreżentat l-oppożizzjoni jew l-applikazzjoni għal trade mark, peress li l-ammissjoni taċ-ċessjonarju tat-trade mark għandha l-għan li ttemm, fir-rigwrad tal-imsemmija parti, il-proċedura mibdija minnha. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell għandu jiżgura li l-persuna li tkun ippreżentat ir-rikors ikollha locus standi sabiex tikkontesta d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentensa tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ġunju 2005, Canali Ireland vs UASI – Canal Jean (CANAL JEAN CO. NEW YORK), T-301/03, Ġabra p. II-2479, punti 19 u 20]. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa, li l-linji gwida tal-UASI invokati ma jistgħux japplikaw b’analoġija għall-ammissibbiltà ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Bord tal-Appell seta’ jeżamina legalment il-locus standi tar-rikorrenti.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, mogħtija mill-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet applikabbli oħrajn, sa fejn jikkonċernaw id-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

19      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, minn naħa, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, peress li hija bbażata fuq interpretazzjoni tal-kuntratt ta’ ċessjoni li hija ma setgħetx tippreżenta osservazzjonijiet fuqu u, min-naħa l-oħra, bi ksur ta’ dispożizzjonjiet applikabbli oħrajn, fosthom ir-Regola 31(6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1. p. 189), peress li ma kellhiex il-possibbiltà li tirranġa l-irregolaritajiet li jikkonċernaw il-prova tat-trasferiment tad-dritt preċedenti.

20      L-UASI jsostni li l-Bord tal-Appell ma setax jikser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti peress li din ma kinitx parti fil-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. F’dan ir-rigward l-UASI jenfasizza li r-rikorrenti ma kinitx talbet li titqies bħala tali ħlief wara l-10 ta’ Awwissu 2007, id-data li fiha l-imsemmija proċedimenti kienu ntemmu wara li skadiet l-aħħar proroga tat-terminu sabiex jiġu prodotti provi dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tad-dritt preċedenti invokat, u dan anki jekk id-deċiżjoni li tiċħad l-oppożizzjoni ma ngħatatx ħlief diversi xhur wara. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma provdiet l-ebda prova tali li turi ċ-ċessjoni tat-tgawdija tagħha mid-dritt preċedenti invokat insostenn tal-oppożizzjoni. Skont l-UASI, il-Bord tal-Appell la kiser ir-Regola 31(6) tar-Regolament Nru 2868/95, u lanqas dispożizzjonijiet applikabbli oħrajn, peress li huwa seta’ jistieden biss lill-partijiet sabiex jirrimedjaw l-irregolaritajiet ikkonstatati jekk il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ma kinux konklużi.

21      Fi kwalunkwe każ, l-UASi jqis li, anki fil-każ li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti inkisru, dan il-ksur ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata press li, anki jekk ir-rikorrenti kienet ġie mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha rigward l-iskadenza tat-terminu u l-għeluq tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni, dan ma kien iwassal għal ebda riżultat ieħor ħlief iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni u l-ammissibbiltà tal-appell.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

22      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell ma setax jiċħad l-appell tagħha bħala inammissibbli mingħajr ma jatiha l-possibbiltà li telimina d-dubji rigward in-natura insuffiċjenti tal-prova prodotta minnha sabiex turi li kienet akkwistat id-dritt li fuqu kienet ibbażata l-oppożizzjoni.

23      Ir-Regola 31(6) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi, għal dak li jikkonċerna t-trasferiment ta’ trade marks jew ta’ applikazzjonijiet ta’ trade marks Komunitarji, li meta l-kundizzjonijiet applikabbli għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment, li jinkludu l-obbligu li jiġu ppreżentati d-dokumenti tal-imsemmi trasferiment, ma humiex sodisfatti, l-UASI għandu javża lill-applikant bl-irregularitajiet u li “[j]ekk in-nuqqasijiet ma jkunux rimedjati fi żmien speċifikat mill-[UASI], l-Uffiċċju għandu jiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment”.

24      Fin-nuqqas ta’ liġi dwar il-prova tat-trasferiment tad-dritt nazzjonali preċedenti invokat insostenn ta’ oppożizzjoni, il-linji gwida tal-UASI – li bħala prinċipju dan għandu l-obbligu li josserva [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Mejju 2009, Jurado Hermanos vs UASI (JURADO), T-410/07, Ġabra p. II-1345, punt 20] – huma ispirati, f’dan ir-rigward, mid-dispożizzjonijiet provduti mir-Regola 31(6) tar-Regolament Nru 2868/95. Għaldaqstant, dawn il-linji gwida, fit-“Taqsima 1: Kwistjonijiet proċedurali” tat-“Taqsima Ċ: Oppożizzjoni” tagħhom, applikabbli f’dan il-każ, kif tfakkar ir-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, jipprovdu li jekk il-proprjetarju l-ġdid tad-dritt nazzjonali preċedenti “jinforma lill-[UASI] bit-trasferiment, iżda ma jipprovdix provi (suffiċjenti) ta’ dan it-trasferiment, il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni għandha tiġi sospiża u l-proprjetarju l-ġdid għandu terminu ta’ xahrejn sabiex jipprovdi l-prova tat-trasferiment” (punt E.VIII.1.3.1) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din it-traspożizzjoni tar-Regola 31(6) tar-Regolament Nru 2868/95 għaċ-ċessjoni ta’ trade marks nazzjonali ma tistax tiġi kkontestata peress li, fil-każ fejn id-dritt nazzjonali ma jipprovdix proċedura għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment tal-proprjetà ta’ trade marks irreġistrati, l-eżami li twettaq id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni jew il-Bord tal-Appell sabiex jiġi vverifikat li t-trasferiment tat-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni effettivament seħħ, huwa essenzjalment l-istess li jwettaq id-dipartiment kompetenti tal-UASI sabiex jeżamina l-applikazzjonijiet ta’ trasferiment li jikkonċernaw it-trade marks Komunitarji. Barra minn hekk, anki jekk din il-proċedura tirrigwarda b’mod espliċitu t-trade marks nazzjonali rreġistrati, b’analoġija, għandha tiġi applikata għat-trasferiment ta’ trade marks nazzjonali li ma humiex irreġistrati, peress li t-tip ta’ eżami mwettaq mill-UASI huwa identiku.

25      Fl-aħħar nett, skont ir-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-dipartiment li ħa d-deċiżjoni kkontestata għandhom japplikaw għal proċedura ta’ appell mutatis mutandis..

26      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma setgħetx tipprovdi prova li hija kienet il-proprjetarja tad-dritt preċedenti u li, konsegwentement, hija ma kinitx provdiet prova tal-istat tagħha bħala parti fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ma kinitx intitolata tappella mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Madankollu, bi ksur tar-regoli msemmija iktar ’il fuq, huwa ma tax lir-rikorrenti l-possibbiltà li tipproduċi provi addizzjonali insostenn tat-trasferiment tad-dritt preċedenti, li kienet invokat, sabiex tiġġustifika l-locus standi tagħha.

27      L-argument tal-UASI intiż sabiex jiġġustifika dan il-modus operandi tal-Bord tal-Appell, u li huwa bbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti talbet sabiex tissostitwixxi l-opponent oriġinali wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ma jistax jintlaqa’. Għandu jiġi kkonstatat li, anki fil-każ fejn it-talba għal sostituzzjoni, magħmula miċ-ċessjonarju tat-trade mark nazzjonali preċedenti bejn l-għeluq tal-proċedimenti investigattivi tal-oppożizzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ma tkunx tista tiġi aċċettata, jew anki tkun tista’ tiġi kompletament injorata mingħajr ma tkun miċħuda b’mod espliċitu bħala inammissibbli, dan il-fatt ma jistax jiċħad lill-imsemmi ċessjonarju mid-dritt li jippreżenta appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Fil-fatt, bħala l-proprjetarju tat-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni, iċ-ċessjonarju għandu neċessarjament il-locus standi sabiex jikkontesta d-deċiżjoni li ttemm il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza CANAL JEAN CO. NEW YORK, punt 17 iktar ’il fuq, punti 18 u 19), indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk għamilx talba għal sostituzzjoni quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-kwistjoni ta’ jekk talba bħal din hijiex ammissibbli. Għalkemm il-Bord tal-Appell għandu ċertament l-obbligu li jiżgura li ċ-ċessjonarju huwa effettivament il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, huwa għandu jwettaq dan l-eżami fl-osservanza tar-regoli proċedurali applikabbli, fosthom il-linji gwida tal-UASI.

28      Lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tal-UASI bbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda prova li turi ċ-ċessjoni favur tagħha tad-dritt preċedenti invokat insostenn tal-oppożizzjoni. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment imqajjem mir-rikorrenti huwa preċiżament intiż sabiex isostni li l-Bord tal-Appell kellu jippermettilha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-provi prodotti, jew li tirrimedja għall-insuffiċjenza tal-imsemmija provi.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm bżonn jiġi eżaminat l-argument tal-UASI li l-ksur imwettaq mill-Bord tal-Appell ma jistax, f’dan il-każ, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu dan ma jkollu ebda impatt fuq il-kontenut tagħha, peress li l-oppożizzjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda għar-raġuni li l-opponent oriġinali kien naqas milli jipproduċi provi tal-eżistenza tad-dritt preċedenti invokat insostenn tal-oppożizzjoni.

30      Għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta ċar li irregolarità ta’ proċedura ma hijiex tali li tivvizzja att ħlief jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, l-imsemmi att seta’ jkollu kontenut differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il-Parlament, T-24/01, ĠabraSP p. I-A-79 u II-423, punt 53). Madankollu, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ċaħdet l-appell tar-rikorrenti bħala inammissibbli mingħajr ma ddeċidiet dwar il-fondatezza tal-argumenti tagħha dwar id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tiċħad l-oppożizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt invokat mill-UASI li din id-deċiżjoni li tiċħad l-oppożizzjoni hija fil-fehma tiegħu manifestament korretta, huwa irrilevanti. Ma jistax jiġi kkontestat li deċiżjoni li tiċħad appell bħala inammissibbli ma għandhiex l-istess kontenut bħal deċiżjoni fuq il-mertu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax teżamina direttament il-legalità tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u teżamina, għaldaqstant, argumenti li ma kinux trattati mill-Bord tal-Appell, sabiex jiġi vverifikat jekk il-ksur tar-regoli proċedurali mwettaq mill-Bord tal-Appell setax kellu influwenza fuq iċ-ċaħda finali tal-oppożizzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Marzu 2009, Kaul vs UASI – Bayer (ARCOL), T-402/07, Ġabra p. II-737, punti 47 u 49].

31      Konsegwentement, dan il-motiv għandu jintlaqa’ sa fejn jirrigwarda d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, meqjusa independentement mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, inkisrux.

32      Issa, fir-rigward tal-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan, għandu jitfakkar li r-rikorrenti essenzjalment titlob lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett li tbiddel id-deċiżjoni kkontestat billi tiddeċiedi li l-appell tagħha huwa ammissibbli u, sussidjarjament, li tannulla l-imsemmija deċiżjoni.

33      Madankollu, anki fil-każ li s-setgħa ta’ tibdil ta’ deċiżjoni jimplika li l-Qorti Ġenerali għandha l-possibbiltà tadotta deċiżjoni li tmur kontra dik tal-Bord tal-Appell, hija ma tistax, f’dan il-każ, tagħmel tajjeb għall-ksur imwettaq minn dan tal-aħħar. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tistax tistieden, b’mod leġittimu, lir-rikorrenti sabiex tippreżenta argumenti u provi addizzjonali dwar iċ-ċessjoni favuriha tad-dritt nazzjonali invokat insostenn tal-oppożizzjoni u tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, fid-dawl ta’ dawn il-provi ġodda [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C-29/05 P, Ġabra p. I-2213, punt 54, u tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Marzu 2003, DaimlerChrysler vs UASI (Calandre), T-128/01, Ġabra p. II-701, punt 18]. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat ir-raba’ motiv tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata u t-talbiet intiżi għall-bidla tagħha għandhom jinċaħdu.

 Fuq l-ispejjeż

34      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li l-UASI tilef il-parti l-kbira tat-talbiet tiegħu iżda ir-rikorrenti ma talbitx li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha. 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-21 ta’ Jannar 2009 (Każ R 551/2008-1) hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Novembru 2010 .

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.