Language of document : ECLI:EU:T:2010:226

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali RIOJAVINA – Trade mark Komunitarja kollettiva figurattiva preċedenti RIOJA – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑138/09,

Félix Muñoz Arraiza, residenti fi Logroño (Spanja), irrappreżentat minn J. Grimau Muñoz u J. Villamor Muguerza, avukati,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. F. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenent quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Consejo Regulador de la Denominación de Origen Calificada Rioja, stabbilit fi Logroño, irrappreżentat minn J. I. Martínez De  Torre, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal‑Appell tal-UASI tad-29 ta’ Jannar 2009 (Każ R 721/2008-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Consejo Regulador de la Denominación de Origen Calificada Rioja u Félix Muñoz Arraiza,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. M. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ April 2009,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Lulju 2009,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Lulju 2009,

wara li rat li ma saritx talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fi żmien xahar mid-data li fiha ġew innotifikati bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub u għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-12 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrent, Félix Muñoz Arraiza, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trademark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali RIOJAVINA.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet din ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 30 u 35 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, wara l-limitazzjoni li seħħet matul il-proċedura quddiem l-UASI, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 29: “Preservanti, żjut u xaħmijiet li jittieklu li ġejjin mir-Rioja”;

–        klassi 30: “Ħall, kafè, tè, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sagu, kafè artifiċjali, dqiq u preparazzjonijiet magħmula miċ-ċereali, ħobż, ikel tal-għaġina u ħelu, ġelati li jittieklu, għasel, għasel iswed, ħmira, trab tal-ħami, melħ, mustarda, zlazi (inkluż taħlita ta’ żejt, ħall u ħxejjex li tintraxx fuq l-insalata), ħwawar, ġelat”;

–        klassi 35: “Servizzi ta’ aġenti kummerċjali, rappreżentazzjonijiet, bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, importazzjonijiet‑esportazzjonijiet; kollox li għandu x’jaqsam ma’ preservanti, żejt u xaħam tajjeb għall-ikel, ħall, kafè, tè, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sagu, kafè artifiċjali, dqiq u preparazzjonijiet magħmula miċ-ċereali, ħobż, ikel tal-għaġina u ħelu, ġelati li jittieklu, għasel, għasel iswed, ħmira, trab tal-ħami, melħ, mustarda, zlazi (inkluż taħlita ta’ żejt, ħall u ħxejjex li tintraxx fuq l-insalata), ħwawar, ġelat”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 44/2005, tal-31 ta’ Ottubru 2005.

5        Fid-9 ta’ Novembru 2005, l-intervenjent, Consejo Regulador de la Denominación de Origen Calificada Rioja (iktar ’il quddiem is-“CRD”), għamel oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni għall-prodotti u servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni hija bbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark Komunitarja kollettiva Nru 226118, riprodotta kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark internazzjonali Nru 655291, riprodotta kif ġej :

Image not found

–        it-trade marks l-oħra Nri 1310420, 1697823, 1697824, 1762252, 1762253, 1805183, 1927658, 2114068, 2114069, 2196310, 2261844, 188572, 6/1983, 92335, 470948, 177233, 655291 u 1511318.

7        L-oppożizzjoni, ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha kkonċernati bir-reġistrazzjonijiet preċedenti u, b’mod iktar partikolari, għal dak li jikkonċerna dan ir-rikors, fuq l-inbejjed, inklużi fil-klassi 33, kienet diretta kontra l-prodotti u s‑servizzi kollha msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark.

8        Insostenn tal-oppożizzjoni, is-CRD, b’mod partikolari, invoka r-raġuni relattiva għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l‑Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

9        Fid-19 ta’ Marzu 2008, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, fuq il-bażi ta’ din id‑dispożizzjoni, laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni, sa fejn din kienet tirrigwarda l-prodotti u servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark:

–        ħall, koperti fil-klassi 30;

–        servizzi ta’ aġenti kummerċjali, rappreżentazzjonijiet, bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, importazzjonijiet‑esportazzjonijiet; kollox li għandu x’jaqsam mal-ħall, koperti fil-klassi 35.

10      Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni għal prodotti u servizzi l-oħra msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark, fin-nuqqas ta’ xebħ bejn dawn il‑prodotti u servizzi koperti bit-trade marks preċedenti.

11      Fil-5 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem l-UASI, skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, sa fejn din id-deċiżjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni, fir-rigward ta’ ċerti prodotti u servizzi.

12      B’deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li tikkonferma l-pożizzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad dan ir-rikors.

13      Fir-rigward tat-tqabbil bejn il-prodotti u servizzi, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, bħad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li kien hemm livell baxx ta’ xebh bejn il-ħall u l‑inbejjed. Barra minn hekk, huwa kkunsidra li s-servizzi ta’ aġenti kummerċjali, ir-rappreżentazzjonijiet, il-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut u l-importazzjonijiet‑esportazzjonijiet; kollox li għandu x’jaqsam mal-ħall, kellhom ukoll livell baxx ta’ xebh mal-inbejjed, għar-raġunijiet indikati mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fid-deċiżjoni tagħha u ma ġewx ikkontestati quddiem il-Bord tal-Appell mir-rikorrent.

14      Fir-rigward tat-tqabbil tas-sinjali, il-Bord tal-Appell, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni biss it-trade mark Komunitarja kollettiva preċedenti Nru 226118, minħabba li din it-trade mark tkopri l-istess prodotti u tipposjedi l‑istess element dominanti “rioja” bħat-trade mark internazzjonali preċedenti Nru 655291, ikkonferma l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li skontha t-trade marks kunfliġġenti għandhom livell għoli ta’ xebh fuq il-pjanijiet viżiv, fonetiku u kunċettwali.

15      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti u servizzi koperti kien ikkumpensat bil-livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, b’tali mod li l-konsumatur Ewropew jista’ faċilment jiġi mwassal sabiex jemmen li l-ħall u s-servizzi kkonċernati, ikkumerċjalizzati taħt it-trade mark RIOJAVINA, ġejjin mill-istess impriżi li huma proprjetarji ta’ kantini li jipproduċu l-inbejjed ikkumerċjalizzati taħt it-trade mark preċedenti Nru 226118, riskju ikbar li l-inbejjed ta’ Rioja jibbenefikaw minn reputazzjoni.

16      Il-Bord tal-Appell irrileva li ċ-ċirkustanza li r-rikorrent huwa proprjetarju ta’ trade mark Spanjola preċedenti RIOJAVINA li tkopri l-ħall, identika għat-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni, ma tipprekludix lit-trade mark preċedenti Nru 226118 tas-CRD milli tipposjedi l-kwalifikazzjoni u effett legali bħala trade mark preċedenti għat-trade mark Komunitarja li għaliha saret l‑applikazzjoni, u lanqas ma tipprekludi s-CRD milli jinvoka din it-trade mark preċedenti sabiex tiġġustifika l-oppożizzjoni.

17      Fir-rigward tal-allegat fatt li t-trade mark Spanjola RIOJAVINA tar-rikorrent kienet koeżistiet mat-trade mark preċedenti Nru 226118 tas-CRD, dan ma jfissirx li ma kienx hemm konfużjoni fi Spanja u, b’mod partikolari, ma jurix li ma jistax ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata billi taċċetta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni abbażi tal-klassijiet 29, 30 u 35;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

19      L-UASI u s-CRD jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

20      Ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed biss ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

21      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, minħabba l-laqa’ parzjali biss tal-oppożizzjoni mll-UASI u l-limitazzjoni tal-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, għat-tqabbil tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mat-trade mark preċedenti Nru 226118, dan ir-rikors jirrigwarda biss l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn, minn naħa, it-trade mark verbali RIOJAVINA, mitluba għall-“ħall”, kopert fil-klassi 30, u s-“servizzi ta’ aġenti kummerċjali, rappreżentazzjonijiet, bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, importazzjonijiet‑esportazzjonijiet; kollox li għandu x’jaqsam mal-ħall”, koperti fil-klassi 35, u, min-naħa l-oħra, it-trade mark preċedenti Nru 226118 tas-CRD, irreġistrata għall-inbid, inkluż fil-klassi 33.

22      It-trade mark preċedenti Nru 226118 hija trade mark Komunitarja kollettiva fis-sens tal-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 207/2009). Skont id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 64(3) tal-istess regolament (li sar l‑Artikolu 66(3) tar-Regolament Nru 207/2009), din it-trade mark tibbenefika, bħal kull trade mark Komunitarja oħra, mill-protezzjoni kontra kull preġudizzju li jirriżulta mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li tinkludi probabbiltà ta’ konfużjoni.

23      Madankollu, ir-rikorrent isostni li f’dan il-każ, il-probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, billi s-CRD huwa entità amministrattiva u, b’mod iktar speċifiku, organu deċentralizzat tal-Ministeru tal-Ambjent, tal-Qaram Rurali u Marin Spanjol, responsabbli għall-ħarsien tal-kwalità tal-inbejjed ta’ Rioja, u mhux produttur tal-inbid ta’ Rioja, ma huwiex impriża li r‑rikorrent jista’ jikkompeti magħha. It-tieni nett, huwa diffiċilment konċepibbli li konsumatur jista’ jemmen li l-prodotti tar-rikorrent ġejjin minn tali entità amministrattiva.

24      Rigward l-ewwel punt, għandu jiġi rrilevat li, jekk ir-rikorrent qies li t-trade mark preċedenti ma kinitx is-suġġett ta’ użu serju mill-proprjetarju tagħha jew, fid-dawl tan-natura tagħha ta’ trade mark kollettiva, minn kull persuna awtorizzata sabiex tużaha [ara l-Artikolu 65(2) u l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru, rispettivament, l-Artikolu 67(2) u l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 207/2009)], kien messu ppreżenta, skont l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009), rikors għal prova tal-użu serju ta’ din it-trade mark. Billi tali rikors ma ġiex ippreżentat, ir-rikorrent ma jistax jikkontesta li t-trade mark preċedenti Nru 226118 tista’ tiġi użata sabiex tkopri l‑prodotti li għalihom ġiet irreġistrata, jiġifieri l-inbejjed.

25      Fir-rigward tat-tieni punt, għandu jitfakkar li sseħħ probabbiltà ta’ konfużjoni, meta jkun hemm probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew impriżi marbuta ekonomikament [ara s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata].

26      Minn dan jirriżulta li l-oriġini kummerċjali eżatta li l-pubbliku rilevanti jattribwixxi lill-prodotti u lis-servizzi koperti minn kull waħda miż-żewġ trade marks kunfliġġenti ma hijiex daqstant importanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom. Dak li huwa importanti hija l‑kwistjoni dwar jekk din l-oriġini kummerċjali tistax tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti, fiż-żewġ każijiet, bħala li hija l-istess.

27      F’dan il-każ, it-trade mark preċedenti Nru 226118 tikkostitwixxi, għall-pubbliku rilevanti, kompost kemm mill-pubbliku inġenerali kif ukoll mill-pubbliku speċjalizzat tal-Unjoni, indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-inbejjed li fuqhom tidher. Hija x’inhija l-oriġini kummerċjali eżatta ta’ dawn il-prodotti, jiġifieri mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-pubbliku jaħsibx li l‑inbejjed koperti bit-trade mark preċedenti ġejjin mis-CRD jew minn impriża, ma jistax, a priori, jiġi eskluż li, fl-ipoteżi tal-eżistenza ta’ identiċità jew ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti u bejn il-prodotti u servizzi koperti minnhom, din l‑istess oriġini kummerċjali tiġi attribwita, minn dan l-istess pubbliku, lill-prodotti u servizzi koperti bit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jekwivali għall-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

28      Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak allegat mir-rikorrent, iċ-ċirkustanza li s-CRD ma jeżerċitax attività ta’ produttur tal-inbid ta’ Rioja ma timplikax, per se, li ma tistax titqiegħed inkwistjoni il-probabbiltà ta’ konfużjoni.

29      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk, kif allegat mir-rikorrent, il-Bord tal-Appell żbaljax meta kkonferma l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar l‑eżistenza, f’dan il-każ, ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

30      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tiġix milqugħa meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti jew l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l‑probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l‑istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza GIORGIO BEVERLY HILLS, punt 25 iktar ’il fuq, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

32      Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti jew servizzi kkonċernata, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Hemm ukoll lok sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew servizzi kkonċernati [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra p. II‑449, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

33      Fid-dawl tan-natura tal-prodotti u servizzi inkwistjoni, il-pubbliku rilevanti huwa, kif indikat diġà fil-punt 27 iktar ’il fuq, kemm il-pubbliku inġenerali kif ukoll il‑pubbliku speċjalizzat tal-Unjoni.

34      Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-tqabbil tal-prodotti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell ikkonkluda, ġustament, favur l-eżistenza ta’ livell baxx ta’ xebh bejn il‑ħall u l-inbid.

35      Fil-fatt, anki jekk il-ħall, kuntrarjament għall-inbid, ma huwiex xarba, jibqa’ l-fatt li dawn il-prodotti jistgħu, it-tnejn li huma, jintużaw fil-preparazzjoni tal-oġġetti tal-ikel. Barra minn dan, il-ħall huwa normalment riżultat tal-fermentazzjoni aċiduża tal-inbid.

36      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li skontu huwa possibbli li l-ħall jiġi prodott minn soluzzjonijiet idroalkoliċi bħall-inbid u li jinkisbu wkoll diversi tipi ta’ ħall (ħall tas-sidru, ħall tal-frott, ħall alkoħoliku, ħall miċ-ċereali, ħall tal-malt, ħall mill-għasel, ħall mil-laktoserum), għandu jiġi rrilevat li dan l-argument ma jneħħi xejn għall-fatt li, kif ikkonstatat mill-Bord tal-Appell u mingħajr ma dan ma ġie kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali, il-ħall li huwa l-iktar prodott u kkunsmat huwa il-ħall magħmul mill-inbid. Barra minn hekk, ir-rikorrent espressament indika l-intenzjoni tiegħu sabiex jikkummerċjalizza, taħt it-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, ħall magħmul mill-inbid.

37      Fir-rigward tar-referenzi magħmula mir-rikorrent għar-regoli ta’ elaborazzjoni (għażla ta’ varjetajiet ta’ għeneb użati) u ta’ xjuħija (ħażna fi btieti tal-ballut u perijodi minimi ta’ xjuħija) adatti għall-inbejjed ta’ Rioja, għandu jiġi rrilevat li dawn ir-referenzi, eventwalment utli sabiex l-inbejjed ta’ Rioja jiġu distinti minn inbejjed oħra, huma, min-naħa l-oħra, totalment irrilevanti għall-kwistjoni, biss ikkontestata f’dan il-każ, dwar jekk il-ħall u l-inbid humiex prodotti li jixxiebhu.

38      Fir-rigward tar-referenza magħmula għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Frar 2007, Bodegas Franco-Españolas vs UASI – Companhia Geral da Agricultura das Vinhas do Alto Douro (ROYAL) (T‑501/04, Ġabra p. II‑12), hija tikkorispondi għal kawża għalkollox differenti minn dan il-każ u ma tqegħidx inkwistjoni l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

39      Fil-fatt, il-fatt li, f’din il-kawża, dwar probabbiltà ta’ konfużjoni allegata bejn trade mark ROYAL, mitluba għall-inbid ta’ Rioja, u trade mark preċedenti ROYAL FEITORIA, irreġistrata għall-inbid ta’ Porto, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-inbejjed ta’ Rioja u ta’ Porto kellhom, minkejja n-natura komuni tagħhom ta’ xarbiet alkoħoliċi, biss livell baxx ta’ xebh minħabba d-differenzi notevoli tagħhom magħrufa sewwa mill-konsumatur medju (l-ewwel tip ta’ nbejjed jinxtarbu matul l-ikliet filwaqt li t-tieni tip ta’ nbejjed jinxtarbu bħala aperitiv jew diġestiv), ma jimplika b’ebda mod li l-UASI żbalja meta rrileva, f’dan il-każ, fir-rigward tal-ħall u tal-inbid, elementi suffiċjenti biex jikkonkludi li kien hemm xebh, anki jekk ta’ livell baxx, ta’ dawn l-aħħar prodotti.

40      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-argumenti mressqa mir-rikorrent ma jqegħdux inkwistjoni l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar l‑eżistenza ta’ livell baxx ta’ xebh bejn il-ħall u l-inbid.

41      Fir-rigward tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark u li għalihom l-oppożizzjoni ġiet milqugħa, jiġifieri s-“servizzi ta’ aġenti kummerċjali, rappreżentazzjonijiet, bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, importazzjonijiet‑esportazzjonijiet; kollox li għandu x’jaqsam mal-ħall”, koperti fil-klassi 35, il‑Bord tal-Appell ikkonferma l-konstatazzjonijiet magħmula mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li skonthom l-imsemmija servizzi kellhom livell baxx ta’ xebh mal-inbid, raġuni bbażata, essenzjalment, fuq il-karattru addizzjonali u aċċessorju tal-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni fi ħdan l-impriżi tas-setturi tal-ħall u tal-inbid.

42      Għandu jiġi kkonstatat, l-istess kif ikkonstata l-UASI, li r-rikorrent ma jressaq ebda argument li jikkritika din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar is-servizzi, inkwantu r-rikorrent jillimita ruħu esklużivament sabiex jikkontesta l‑evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar il-prodotti (ħall u nbid).

43      Mill-bidu nett, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fid-dawl tar-rabta mill-qrib li jorbot kull prodott mal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell, wara li kien korrettament ikkonstata l-eżistenza ta’ xebh fuq livell baxx bejn il-ħall u l-inbid, ġustament ikkonkluda wkoll favur l-eżistenza ta’ xebh tal-istess intensità bejn, minn naħa, is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni espressament speċifikati bħala li huma “f’relazzjoni mal-ħall” – jiġifieri s-“servizzi ta’ aġenti kummerċjali, rappreżentazzjonijiet, bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, importazzjonijiet‑esportazzjonijiet; kollox li għandu x’jaqsam mal-ħall”, koperti fil-klassi 35 – u, min-naħa l-oħra, l-inbid.

44      Fl-aħħar, ir-rikorrent ma stabbilixxiex li l-Bord tal-Appell inġustament ikkunsidra li l-prodotti u s-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark u li għalihom l-oppożizzjoni ġiet milqugħa huma simili, anki jekk fuq livell baxx, mal-prodott kopert bit-trade mark preċedenti.

45      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tqabbil tas-sinjali, jeħtieġ jitfakkar li l-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l‑impressjoni ġenerali prodotta minn dawn tal-aħħar, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks tal-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali ta’ din il‑probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha (ara, s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tkun limitata biss għall-kunsiderazzjoni ta’ komponent ta’ trade mark kumplessa u għat-tqabbil tiegħu ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, hemm lok li t-tqabbil isir billi jiġu eżaminati t‑trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fit-totalità tagħha, li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun dominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, punt 45 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark huma negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tista’ ssir fuq il‑bażi tal-element dominanti biss (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, Ġabra p. I‑114, punt 42). Dan jista’ jkun il‑każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina, waħdu, l‑immaġni ta’ din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja tiegħu, b’mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

47      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell illimita ruħu, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, sabiex iqabbel it-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni mat-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 226118. Fil-kuntest ta’ dan it-tqabbil, huwa għamel tiegħu l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li skontha dawn it-trade marks għandhom livell għoli ta’ xebh fuq il-pjanijiet viżiv, fonetiku u kunċettwali.

48      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li l-element verbali “rioja”, komuni għaż-żewġ trade marks kunfliġġenti, ikkostitwixxa l-element dominanti ta’ kull waħda minn dawn it-trade marks. Fil-fatt, dan l-element jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti kemm minħabba l‑pożizzjoni tiegħu fi ħdan dawn it-trade marks (fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u fiċ-ċentru tat-trade mark preċedenti) kif ukoll minħabba r‑reputazzjoni li jibbenefika minnu, kif jaqblu l-partijiet, fil-parti l-kbira tal-Unjoni f’relazzjoni mal-inbejjed ta’ Rioja.

49      Fir-rigward tax-xebħ viżiv, għandu jiġi rrilevat, l-istess bħall-Bord tal-Appell, li l-preżenza, fit-trade marks kunfliġġenti, tal-element verbali “rioja” – billi dan l‑element jinsab fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u billi huwa, fir-rigward tat-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 226118, ipprintjat b’mod djagonali u b’ittri kbar fiċ-ċentru ta’ din it-trade mark – tiżgura livell jekk mhux għoli, tal-inqas sinjifikattiv, ta’ xebh viżiv, u dan minkejja l-preżenza ta’ elementi oħra, inqas importanti, ta’ differenzjar bejn it-trade marks kunfliġġenti, jiġifieri l-element verbali “vina” imqiegħed fl-aħħar tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u d-diversi elementi verbali u figurattivi li jdawru, fit-trade mark preċedenti Nru 226118, l-element ċentrali “rioja”.

50      Rigward id-diversi referenzi magħmula mill-partijiet għal ċerti modalitajiet konkreti ta’ applikazzjoni tat-trade marks kunfliġġenti fuq il-prodotti inkwistjoni, inkwantu r-rikorrent jirreferi, min-naħa tiegħu, għall-applikazzjoni tat-trade mark preċedenti fuq l-ittikkettjar ta’ dimensjonijiet kbar jew fuq il-parti ta’ wara tal-fliexken, u inkwantu s-CRD jipprevali ruħu, min-naħa tiegħu, minn graffs użati b’mod konkret mir-rikorrent għall-impressjoni tat-trade mark verbali li għaliha saret l-applikazzjoni, dawn id-diversi riferimenti huma irrilevanti għall-evalwazzjoni tax-xebh viżiv tat-trade marks kunfliġġenti, liema evalwazzjoni topera fuq il-bażi ta’ tali sinjali kif irreġistrati jew li għalihom saret l-applikazzjoni quddiem l-UASI.

51      Fir-rigward tax-xebh fonetiku, għandu jiġi rrilevat, l-istess bħalma irrilevat essenzjalment mill-Bord tal-Appell, li jeżisti livell għoli ta’ xebh fonetiku bejn it‑trade marks kunfliġġenti, minħabba l-element verbali komuni “rioja”. L-element “vina” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jinsab fl-aħħar tat-trade mark u, minħabba f’hekk, huwa inqas importanti fonetikament, ma huwiex ta’ natura li jnaqqas sensittivament dan ix-xebh fonetiku. Fir-rigward tal-erba’ elementi “consejo”, “regulador”, “denominacion origen” u “calificada”, imqiegħda fuq l-erba’ naħiet tat-trade mark preċedenti u, għal tnejn minnhom, vertikalment, u għalhekk diffiċilment jistgħu jinqraw, huma b’mod ċar sekondarji fi ħdan din it-trade mark.

52      Fir-rigward tax-xebh kunċettwali, għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar, essenzjalment, l-eżistenza ta’ livell għoli ta’ xebh kunċettwali. Fil-fatt, il-kelma nfisha “riojavina” tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, bħall-kelma “rioja” li tinsab fit-trade mark preċedenti, imsaħħa kunċettwalment mir-rappreżentazzjoni ta’ għanqud għeneb u werqa tad-dielja, jirreferu direttament, għall-pubbliku rilevanti, għall-prodotti tad-dielja u, b’mod iktar partikolari, għall-inbid ta’ Rioja.

53      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda favur l-eżistenza ta’ livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti.

54      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, jeħtieġ jitfakkar li din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew servizzi koperti. B’hekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it‑trade marks, u inversament [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I-5507, punt 17; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et ), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra p. II‑5409, punt 74].

55      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, l-istess bħall-Bord tal-Appell, li l-livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi kkonċernati huwa kkumpensat bil-livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, b’tali mod li teżisti probabbiltà li l‑pubbliku rilevanti jemmen li l-ħall u s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ħall proposti taħt it-trade mark RIOJAVINA għandhom l-istess oriġini kummerċjali bħall-inbejjed ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 226118.

56      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li r-rikorrent huwa proprjetarju tat-trade mark Spanjola RIOJAVINA u li kien ikkummerċjalizza l-ħall, fi Spanja, taħt din it‑trade mark u dan għal iktar minn 50 sena, għandu jiġi rrilevat li din iċ‑ċirkustanza, anki li kieku hija vera, ma tipprova b’ebda mod in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fil-moħħ tal-konsumatur Spanjol fuq l-oriġini kummerċjali tal-ħall ikkumerċjalizzat taħt din it-trade mark. Barra minn dan, u f’kull każ, il-pubbliku li fir-rigward tiegħu qed isir l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni ma huwiex il-pubbliku Spanjol, iżda, b’mod iktar wiesa’, il-pubbliku tal-Unjoni.

57      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li s-CRD ma jistax jipprova jimmonopolizza l-użu tal-kelma “rioja” f’settur, speċifikament dak tal-ħall, fejn ma jistax iwettaq ebda attività, jeħtieġ jitfakkar li, skont l-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 207/2009], “[i]t-trade mark Komunitarja ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ [...] indikazzjonijiet li jirrigwardaw [...] l‑oriġini ġeografiku [...] tal-prodotti [...] sakemm huwa jużahom skond il‑konswetudini onesta industrijali jew kummerċjali.”

58      Bl-istess mod, l-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009), li jipprovdi li, “[b’]deroga mill-Artikolu 7(1)(ċ), sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu iservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi jistgħu jikkostitwixxu marki Komunitarji kollettivi skond it-tifsira tal-paragrafu 1”, jipprevedi li “[m]arka kollettiva ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jistabbilixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet, sakemm huwa jużahom skond il-prattika onesta fl-oqsma tal-industrija u tal-kummerċ” u li, “b’mod partikolari, din il‑marka ma tistax tiġi invokata kontra terza persuna li hija intitolata li tuża isem ġeografiku”.

59      Madankollu, u kuntrarjament għal dak li jidher li qed jissuġġerixxi r-rikorrent, il‑proċedimenti ta’ oppożizzjoni ppreżentati mis-CRD ma għandhom b’ebda mod l-għan li jimmonopolizzaw, bi ksur tad-dispożizzjonijiet fuq imsemmija, l-użu tal-kelma “rioja”, kemm għall-ħall jew għal kull prodott ieħor.

60      Din il-proċedura ppreżentata mis-CRD għandha l-għan li tiżguralu, permezz tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jirriżultaw mir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 226118 kontra kull preġudizzju li jirriżulta mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li tinkludi probabbiltà ta’ konfużjoni.

61      Rigward iċ-ċirkustanza allegata li s-CRD ma huwiex oppost għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji oħra li jinkludu l-kelma “rioja”, inkluż waħda minnhom li tkopri l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 30 (ħall), din hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni, biss ikkontestata f’dan il-każ, dwar jekk, kif irrileva l‑UASI fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ppreżentata mis-CRD kontra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mir-rikorrent, teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn din it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti Nru 226118.

62      Peress li l-UASI, kuntrarjament għal dak sostnut mir-rikorrent, ma wettaq ebda żball meta kkonstata l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, l-uniku motiv imqajjem mir-rikorrent, ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi miċħud.

63      Minn dan isegwi li, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata t-talba tar-rikorrent dwar “[l-aċċettazzjoni tar-] reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni abbażi tal-klassijiet 29, 30 u 35”, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

64      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż inkorsi mill-UASI u mis-CRD, skont it-talbiet tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Félix Muñoz Arraiza huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Ġunju 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.