Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Jannar 2009 - Bent Hansen vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-6/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Bent Hansen (Aarslev, id-Danimarka) (rappreżentant: I. Anderson, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Kominitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrent is-somma ta' EUR 800 000 jew kwalunkwe somma oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra ġusta u ekwa bħala kumpens għal uġigħ, sofferenza u tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja fil-passat, fil-preżent u fil-futur minħabba dannu serju għas-saħħa tiegħu li jirriżulta mir-rifjut inġustifikat u illegali tal-Kummissjoni milli tinforza l-implementazzjoni ta' monitoraġġ mediku previst mid-Direttiva 96/26 għal mard u kundizzjonijiet relatati mar-radjazzjoni fil-każ ta' ħaddiema li ħadmu f'Thule;

tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrent jew liċ-ċentri li jipprovdu kura medika jew lil dawk li jieħdu ħsieb il-morda, l-ispejjeż futuri ta' trattamenti mediċi u mediċini sabiex itejbu u/jew jikkuraw is-saħħa dgħajfa tiegħu, li saret referenza għaliha fl-ewwel talba, li mhumiex disponibbli għalih taħt is-sistema medika pubblika tal-Istat Membru tiegħu;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġonevoli li saru mir-rikorrent sabiex tressqet il-kawża preżenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-każ preżenti, ir-rikorrent qed iressaq kawża għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali li tirriżulta mid-danni li huwa jallega li sofra minħabba l-allegat rifjut illegali tal-Kummissjoni milli tikkonforma ruħha mar-riżoluzzjoni plenarja tal-Parlament Ewropew1 u milli tinforza l-implementazzjoni mid-Danimarka tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta' Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti2 għall-każ ta' ħaddiema, inkluż ir-rikorrent, involuti f'inċident nukleari f'Thule, Greenland.

____________

1 - Rapport tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2007 dwar il-konsegwenzi fuq is-saħħa pubblika tat-tiġrifa ta' Thule fl-1968 (Petizzjoni 720/2002) [2006/2012(INI)]

2 - ĠU L 159, p. 1