Language of document : ECLI:EU:T:2011:27

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

3 ta’ Frar 2011 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti – Modifika prevista mill-awtoritajiet Taljani ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata minn qabel mill-Kummissjoni – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni”

Fil-Kawża T‑3/09,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Righini, C. Urraca Caviedes u V. Di Bucci, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/38/KE, tal-21 ta’ Ottubru 2008, dwar l-Għajnuna mill-Istat 20/08 (ex N 62/08) li l-Italja qed tippjana li timplementa permezz ta’ modifikazzjoni fl-iskema tal-għajnuna N 59/04 dwar mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti (ĠU 2010, L 17, p. 50),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

b)      “għajnuna eżistenti” għandha tfisser:

i)       […] l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat;

ii)       għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’’għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[…]

v)       għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisteni minħabba li jista’ jitwaqqaf li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu. Billi ċerti miżuri jsiru għajnuna [wara] l-liberalizzazzjoni ta’ attività mill-liġi tal-Komunità, dawn il-miżuri m’għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għall-liberalizzazzjoni;

ċ)       “għajnuna ġdida” għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

[…]”

2        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3) jipprovdi, fl-Artikolu 4(1) tiegħu, dan li ġej:

“Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. Iżda żieda fl-estimi oriġinali ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna sa 20 % m’għandhiex titqies bħala alterazzjoni għall-għajnuna eżistenti.”

3        Fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(e) KE, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1177/2002, tas-27 ta’ Ġunju 2002, li jikkonċerna mekkaniżmu difensiv temporanju għall-bini ta’ bastimenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 485). Dan ir-regolament kien awtorizza tali mekkaniżmu sabiex jgħin it-tarznari Komunitarji li kienu sofrew dannu gravi minħabba l-kompetizzjoni żleali tat-tarznari li jinsabu fil-Korea (premessa 3 tar-regolament). L-Artikolu (2) u (3) ta’ dan l-istess regolament kien ippreċiża li l-għajnuna diretta b’appoġġ ta’ ċerti kuntratti ta’ bini ta’ bastimenti setgħet tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni meta din l-għajnuna ma taqbiżx 6 % tal-valur kuntrattwali u meta l-parti mis-suq inkwistjoni kienet sofriet dannu gravi mill-fatt tal-kompetizzjoni żleali Koreana.

4        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1177/2002 jissuġġetta l-għoti tal-għajnuna għan-notifika tagħha, skont l-Artikolu 88 KE, quddiem il-Kummissjoni, li kellha teżaminaha u tadotta deċiżjoni fir-rigward tagħha skont ir-Regolament Nru 659/1999.

5        L-Artikolu 2(4) kif ukoll l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1177/2002 huma miktuba kif ġej:

Artikolu 2

[…]

4.      Dan ir-Regolament m’għandux ikun applikabbli għal xi vapur li jkun fornut wara aktar minn tliet snin mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt finali. Il-Kummissjoni tista’, b’dana kollu, tagħti estensjoni lil-limitu tal-forniment ta’ tliet snin meta dan jinstab li huwa iġġustifikat mill-komplessità teknika tal-proġett individwali ta’ bini ta’ bastimenti kkonċernat jew b’dewmien li jirriżulta minn tħarbit mhux mistenni ta’ natura sostanzjali u difensibbli fil-programm tax-xogħol ta’ tarzna minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, mhux previsti u esterni għall-kumpanija.

[…]

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jkun applikat għall-kuntratti finali iffirmati mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sa l-iskadenza tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti finali iffirmati qabel ma l-Komunità tkun ippubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li hija tkun tat bidu għall-proċedimenti ta’ risoluzzjoni ta’ kwistjonijiet kontra il-Korea billi titlob konsultazzjonijiet b’konformità mal-Ftehim dwar ir-Regoli u l-Proċeduri għar-Risoluzzjoni ta’ Kwistjonijiet ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-kuntratti finali iffirmati xahar wieħed jew aktar wara li l-Kummissjoni tkun ippubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li dawn il-proċedimenti ta’ risoluzzjoni ta’ kwistjonijiet ikunu ġew riżolti, jew sospiżi fuq il-bażi li l-Komunità tikkonsidra li l-Minuti Miftiehma jkunu ġew effittivament implimentati.

Article 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandu jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2004.

[…]”

6        Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 502/2004, tal-11 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1177/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 33), id-data ta’ skadenza tar-Regolament Nru 1177/2002 prevista fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ġiet imressqa għall-31 ta’ Marzu 2005.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Fil-15 ta’ Jannar 2004, ir-Repubblika Taljana nnotifikat skema ta’ għajnuna li biha kellha l-intenzjoni li tapplika r-Regolament Nru 1177/2002 permezz tal‑Artikolu 4(153) tal-legge n° 350 su disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2004) [liġi Nru 350 li tirrigwarda dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (liġi dwar il-finanzi għall-2004)], tal-24 ta’ Diċembru 2003 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 299, tas-26 ta’ Diċembru 2003, iktar ’il quddiem il‑“liġi Nru 350/2003”), dispożizzjoni li kienet tippreċiża dan li ġej:

“Sabiex tippermetti l-applikazzjoni tar-[Regolament Nru 1177/2002], is-somma ta’ EUR 10 miljun hija mogħtija għas-sena 2004. Id-digriet tal-Ministeru tal-Infrastrutturi u tat-Trasport jiffissa r-regoli ddettaljati tal-għoti tal-għajnuna. L-effettività tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-punt hija suġġetta, skont l-Artikolu 88(3) [KE], għall-approvazzjoni bil-quddiem tal-[Kummissjoni].”

8        Ir-regoli ddettaljati għall-għoti tal-għajnuna ġew iffissati mid-decreto ministeriale (ministro delle infrastrutture e dei trasporti), Attuazione del regolamento (CE) n. 1177/2002 del 27 giugno 2002 del Consiglio, relativo ad un meccanismo difensivo temporaneo per la costruzione navale (digriet Ministerjali tal-Ministeru tal-Infrastrutturi u tat-Trasport li jirriwgarda dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002, GURI Nru 93, tal-21 ta’ April 2004, iktar ’il quddiem id-“digriet Ministerjali tat-2 ta’ Frar 2004”).

9        Permezz tad-deċiżjoni tagħha tad-19 ta’ Mejju 2004, dwar l-iskema ta’ għajnuna N 59/2004, dwar mekkaniżmu ta’ difiża temporanju għall-bini tal-bastimenti, innotifikata taħt ir-referenza C (2004) 1807 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004”), il-Kummissjoni approvat l-iskema nnotifikata billi kkunsidrat li kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1177/2002 u kompatibbli mas-suq komuni (iktar ’il quddiem l-“iskema tal-2004”).

10      Billi qieset li l-allokazzjoni oriġinali ta’ EUR 10 miljun ma kinitx suffiċjenti sabiex tkopri l-applikazzjonijiet għal għajnuna kollha introdotti qabel ma skada r-Regolament Nru 1177/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 502/2004, ir-Repubblika Taljana nnotifikat lill-Kummissjoni fl-1 ta’ Frar 2008 bl-intenzjoni tagħha li talloka, permezz tal-Artikolu 2(206) tal-legge n° 244 su disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2008) [liġi Nru 244 li tirrigwarda dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (liġi dwar il-finanzi għall-2008)], tal-24 ta’ Diċembru 2007 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 300, tat-28 ta’ Diċembru 2007), EUR 10 miljun supplimentari għall-baġit stabbilit għall-iskema tal-2004 (iktar ’il quddiem il-“miżura nnotifikata”).

11      B’ittra tat-30 ta’ April 2008, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tagħha fir-rigward tal-miżura nnotifikata. Id-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura, barra minn hekk, ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 140, p. 20). Hemmhekk il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ xahar mid-data ta’ pubblikazzjoni.

12      Fil-21 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2010/38/KE dwar l-Ġħajnuna mill-Istat 20/08 (ex N 62/08) li l-Italja qed tippjana li timplementa permezz ta’ modifikazzjoni fl-iskema tal-għajnuna N 59/04 dwar mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti (ĠU 2010, L 17, p. 50) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fejn l-Artikolu 1 jipprovdi:

“L-għajnuna mill-Istat li l-Italja qed tippjana li timplimenta permezz ta’ modifikazzjoni fl-iskema tal-għajnuna N 59/04 dwar mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti li tinvolvi żieda ta’ EUR 10 miljuni mal-baġit tal-iskema [tal-2004], mhix kompatibbli mas-suq komuni.

Għaldaqstant, din l-għajnuna m’għandiex tingħata.”

13      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-miżura nnotifikata kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004 u li din l-għajnuna ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, peress li r-Regolament Nru 1177/2002 ma kienx iktar fis-seħħ u ma setax għalhekk iservi bħala bażi legali għall-evalwazzjoni tal-miżura nnotifikata. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li din il-miżura ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Kwadru dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-bini tal-bastimenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 201) u li hija lanqas ma kienet tidher kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

14      Minbarra dan, il-Kummissjoni rrilevat li, sussegwentement għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1177/2002, ir-Repubblika tal-Korea kienet ressqet għall-attenzjoni tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim [Dispute Settlement Body] (DSB) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) il-kwistjoni tal-legalità ta’ dan ir-regolament fir-rigward tar-regoli tal-WTO. Fit-22 ta’ April 2005, grupp ta’ esperti maħluq mid-DSB ippubblika rapport li fih kien ġie konkluż li r-Regolament Nru 1177/2002 u diversi skemi nazzjonali li japplikaw dan ir-regolament eżistenti fiż-żmien meta r-Repubblika tal-Korea kienet ressqet tilwima quddiem il-WTO kisru ċerti regoli tagħha. Fl-20 ta’ Ġunju 2005, id-DSB kien adotta r-rapport tal-grupp ta’ esperti li rrakkomanda lill-Kummissjoni li tqiegħed ir-Regolament Nru 1177/2002 u l-iskemi nazzjonali li japplikawh f’konformità mal-obbligi tagħha skont ftehim magħmula fil-kuntest tal-WTO.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Jannar 2009, ir-Repubblika Taljana ppreżentat dan ir-rikors.

16      Hija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

17      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

18      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex jagħtu deċiżjoni dwar il-possibbiltà li din il-kawża tingħaqad mal-kawża T‑584/08 li fiha rikors li għandu l-istess suġġett kien ġie ppreżentat mill-kumpannija Cantiere navale De Poli SpA. Wara li laqgħet l-osservazzjonijiet tal-partijiet, li ma ressqu ebda oġġezzjoni, dawn il-kawżi ngħaqdu, b’digriet tal-President tat-Tmien Awla tat-2 ta’ Ġunju 2010, għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

19      Is-sottomissjonjiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2010.

 Id-dritt

20      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Taljana tqajjem seba’ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-miżura nnotifikata bħala għajnuna ġdida, il-ksur tar-Regolament Nru 1177/2002, il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, il-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ trattament ugwali, il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli tal-WTO fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq komuni u tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-WTO tal-20 ta’ Lulju 2005 (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni lill-WTO”).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-miżura nnotifikata bħala għajnuna ġdida

 L-argumenti tal-partijiet

21      Ir-Repubblika Taljana ftakkar li r-Regolament Nru 1177/1001 ma jipprovdi ebda limitu nominali f’dak li jikkonċerna l-ammont totali tal-għajnuna li kull Stat Membru seta’ jagħti skont ir-Regolament Nru 1177/2002. Bl-istess mod, l-iskema tal-2004, kif innotifikata lill-Kummissjoni u approvata minnha, la kienet ippreċiżat u lanqas limitat il-baġit globali li kellu jiġi allokat għall-għajnuna ddestinata għall-bini ta’ bastimenti. L-unika limitazzjoni finanzjarja li tinsab fl-iskema tal-2004 kienet dik ippreċiżata fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1177/2002, jiġifieri l-“intensità massima ta’ 6 % tal-valur tal-kuntratt” qabel l-għoti tal-għajnuna.

22      Fi kliem kieħor, l-impenn tar-Repubblika Taljana, kif previst mill-punt 153 tal-Artikolu 4 tal-liġi Nru 350/2003 u d-digriet Ministerjali tat-2 ta’ Frar 2004, kien mingħajr limitu f’dak li jikkonċerna s-somma totali tal-eventwali għajnuna. Fil-fatt, l-essenza stess tal-istruttura tal-iskema tal-2004 kienet implikat li l-ammont globali tal-għajnuna kien a priori indeterminabbli, peress li kien jiddependi min-numru u mill-valur tal-kuntratti li jsofru l-effetti ħżiena tal-kompetizzjoni żleali Koreana matul il-perijodu msemmi mir-Regolament Nru 1177/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 502/2004.

23      Is-somma inizjali ta’ EUR 10 miljun, prevista mill-Artikolu 4(153) tal-liġi Nru 350/2003, kienet biss sempliċi allokazzjoni tal-baġit ta’ natura purament indikattiva għas-sena 2004, li hija mingħajr effett fuq il-portata tal-impenn u l-obbligu legali tar-Repubblika Taljana fir-rigward tal-kostrutturi ta’ bastimenti Taljana li jħabbtu wiċċhom mal-kompetizzjoni żleali Koreana. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema tal-2004 mas-suq komuni kellha tkun fondata unikament fuq id-dispożizzjonijiet tad-digriet Ministerjali tat-2 ta’ Frar 2004, li bħal fil-każ tar-Regolament Nru 1177/2002, ma kien fih ebda limitu finanzjarju. Fil-fatt, meta adottat id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004, il-Kummissjoni ma kienet tat ebda importanza għall-allokazzjoni finanzjarja ta’ EUR 10 miljun.

24      Għaldaqstant, is-somma finali u globali tal-infiq pubbliku ma kinitx għamlet parti mill-istruttura tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata lill-Kummissjoni mir-Repubblika Taljana fl-2004. Bil-kontra, din tal-aħħar irriżervat il-possibbiltà li żżid l-allokazzjoni fis-snin segwenti.

25      Insostenn tal-argument tagħha li l-portata tal-iskema tal-2004 kienet indipendenti fir-rigward tal-kopertura finanzjarja tagħha, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-baġit allokat għal din l-iskema kien diġà żdied b’ EUR 1 miljun fl-2005 mingħajr ma l-Kummissjoni kienet ippreżentat kwalunkwe oġġezzjoni.

26      Bħala konsegwenza, billi qieset li s-somma inizjali ta’ EUR 10 miljun kienet tagħmel parti sħiħa mill-iskema tal-2004, il-Kummissjoni kienet evalwat il-fatti ta’ dan il-każ b’mod żbaljat.

27      Barra minn hekk, dan l-iżball kien wassal lill-Kummissjoni sabiex tapplika b’mod żbaljat diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 87(1) KE u l-Artikolu 88(3) KE, l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004.

28      Il-miżura nnotifkata ma tistax tiġi kkunsidrata bħala modifika mill-iskema tal-2004, peress li l-baġit il-ġdid huwa biss operazzjoni ta’ natura kompatibbli u bl-ebda mod ma kien affettwa l-portata tal-impenn u l-obbligu tar-Repubblika Taljana fir-rigward tal-kostrutturi tal-bastimenti Taljani li jħabbtu wiċċhom mal-kompetizzjoni żleali Koreana. Għaldaqstant, il-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li l-miżura nnotifkata kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999.

29      Din l-allokazzjoni, fir-realtà, kienet tikkostitwixxi modifika ta’ natura purament amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Taljana tirrileva li, meta żiedet il-baġit allokat għall-iskema tal-2004, hija la emendat il-kundizzjonijiet li jirreoglaw l-applikazzjoni ta’ dan l-iskema u lanqas estendiet l-applikazzjoni tagħha ratione temporis.

30      Il-fatt li l-leġiżlatur Taljan ikkunsidra opportun li jinnotifika lill-Kummisjsoni bl-allokazzjoni l-ġdida ma huwiex rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni jekk din hijiex għajnuna ġdida, peress li dispożizzjoni nazzjonali ma tistax tkun superjuri għal regoli tal-Unjoni.

31      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud billi essenzjalment issostni li l-baġit inizjali ta’ EUR 10 miljun allokat għall-iskema tal-2004 kien jagħmel parti sħiħa minn din l-iskema.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

32      Għandu jiġi rrilevat li l-ilmenti kollha mqajma mir-Repubbika Taljana fil-kuntest ta’ dan l-ewwel motiv huma bbażati fuq il-premessa li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004, ma kkunsidratx, u ma setgħetx barra minn hekk tikkunsidra, li l-iskema tal-2004, kif innotifikata mir-Repubblika Taljana, kienet timplika limitu finanzjarju ta’ EUR 10 miljun. Isegwi li l-miżura nnotifikata, jiġifieri l-allokazzjoni supplementari ta’ EUR 10 miljun fl-2008, ma kinitx il-modifika ta’ għajnuna eżistenti.

33      L-allegazzjonijiet tar-Repubblika Taljana f’dan ir-rigward huma essenzjalment artikolati madwar żewġ argumenti, l-ewwel wieħed li kien ibbażat fuq il-partikolarità tar-Regolament Nru 1177/2002, u t-tieni ħa inkunsiderazzjoni l-mod kif l-awtoritajiet Taljani kienu ddefinixxew ir-regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002 fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

34      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li r-Regolament Nru 1177/2002 ma kien jipprovdi ebda limitu nazzjonali f’dak li jikkonċerna l-ammont totali tal-għajnuna li kull Stat Membru seta’ jagħti skont dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li żewġ elementi fundamentali huma neqsin mir-raġunament tar-Repubblika Taljana.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 1177/2002 huwa bbażat fuq l-Artikolu 87(3)(e) KE. Konsegwentement, l-għajnuna li għaliha jirreferi tikkostitwixxi kategorija ta’ għajnuna li “[tkun] meqjusa bħala kompatibbli mas-suq komuni”. L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1177/2002 barra minn hekk jirriproduċi fedelment dan it-test.

36      Għaldaqstant, minkejja li din l-għajnuna tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, dan ma jfissirx li huwa neċessarjament il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 1996, IJssel-Vliet, C‑311/94, Ġabra p. I‑5023, punti 26 sa 28).

37      Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tivverifika, skont l-Artikolu 88(3) KE, li din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha sabiex tkun kompatibbli mas-suq komuni. Dan huwa mfakkar mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1177/2002, li jipprovdi espressament li l-Artikolu 88 KE u r-Regolament Nru 659/1999 japplikaw għall-għajnuna inkwistjoni.

38      Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 1177/2002 huwa parti minn sensiela twila ta’ miżuri adottati mill-Kunsill, skont l-Artikolu 87(3)(e) KE, sabiex jintlaqgħu l-problemi ta’ kompetittività u ta’ kapaċità żejda li jħabbtu wiċċhom magħhom it-tarznari tal-Unjoni. Dawn il-miżuri dejjem segwew għan doppju, jiġifieri tingħalaq id-diviżjoni kompetittiva li tifred it-tarznari Ewropej mir-rivali internazzjonali tagħhom, minn parti, u li jiżguraw kundizzjonijiet ugwali u uniformi ta’ kompetizzjoni intra-Komunitarja, min-naħa l-oħra [ara, bħala eżempju, il-premessi 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 87/167/KEE, tas-26 ta’ Jannar 1989, dwar l-għajnuna għall-bini ta’ bastimenti (ĠU L 69, p. 55), il-ħames u d-disa’ premessi kif ukoll l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/684/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1990, dwar l-għajnuna għall-bini ta’ bastimenti (ĠU L 380, p. 27) u t-tielet u s-sitt premessi kif ukoll l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1540/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998, dwar l-għajnuna għall-bini ta’ bastimenti (ĠU L 202, p. 1)].

39      Minn dan kollu jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Taljana, huwa possibbli għall-Kummissjoni li tintegra, fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-iskema tal-2004 mas-suq komuni, il-baġit allokat mir-Repubblika Taljana ma’ din l-iskema, peress li dan kien jippermettilha li tissorvelja l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni intra-Komunitarja fis-settur tal-bini ta’ bastimenti.

40      It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-argument li l-iskema tal-2004 kienet tirriżulta effettivament mid-digriet Ministerjali tat-2 ta’ Frar 2004, li ma kien jipprevedi ebda limitu ta’ baġit, dan għandu mal-ewwel jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-regola nazzjonali ta’ livell superjuri li tikkostitwixxi l-liġi Nru 350/2003, li tipprovdi l-adozzjoni ta’ regola inferjuri, f’dan il-każ id-digriet Ministerjali tat-2 ta’ Frar 2004, ma tistax tiġi injorata fl-evalwazzjoni tal-bażi legali tal-iskema tal-2004.

41      Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-liġi Nru 350/2003, li tippreċiża li l-baġit inizjali tal-iskema ta’ għajuna kien tela’ għal EUR 10, kienet tagħmel parti minn elementi li r-Repubblika Taljana kienet ressqet għall-eżami tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura li kienet tat lok għad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004.

42      F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-argument tar-Repubblika Taljana li l-Kummissjoni ma tat ebda importanza għas-somma ta’ EUR 10 miljun fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004 ma jistax jiġi aċċettat. Huwa inkontestabbli li l-Kummissjoni approvat l-iskema tal-2004 hekk kif kienet ġiet innnotifkata mir-Repubblka Taljana. Hekk kif issemma iktar ’il fuq, u kif jirriżulta barra minn hekk mill-premessa 1 tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004, il-baġit inizjali ta’ EUR 10 miljun kien jagħmel parti mill-parametri li r-Repubblika Taljana kienet issuġġettat għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, fl-ittra li ttrażmettiet il-miżura inkwistjoni, huwa indikat li l-baġit huwa limitat għal EUR 10 miljun kemm għall-2004 kif ukoll għall-ammont totali allokat.

43      Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana ma tistax validament issostni li l-baġit inizjali attribwit għall-iskema tal-2004 ma kienx element rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni jekk il-miżura nnotifikata kinitx tikkostitwixxi jew le għajnuna ġdida.

44      Minbarra dan, il-fatt li r-Repubblka Taljana fl-2005 allokat EUR 1 miljun supplementari għall-baġit tal-2004 huwa rrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex ġust li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li l-miżura nnotifikata kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida. Fil-fatt, il-żieda fil-baġit imwettqa mir-Repubblika Taljana fl-2005 qatt ma kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u fi kwalunkwe każ, tista’ tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, li jgħid li żieda li ma taqbiżx 20 % ta’ baġit eżistenti ma hijix ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi l-modifika ta’ għajnuna eżistenti.

45      Fl-aħħar nett, u sussidjarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kompatibbiltà eventwali ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni ma tistax, inkwantu tali, taffettwa d-definizzjoni tal-modifika ta’ għajnuna eżistenti u, għalhekk, l-obbligu tan-notifika bil-quddiem tagħha lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2005, Xunta de Galicia, C‑71/04, Ġabra p. I‑7419, punti 26 sa 31). Għaldaqstant, il-fatt li r-Repubblika Taljana setgħet tinnotifika, u eventwalment ukoll tikseb, l-approvazzjoni fl-2004 ta’ baġit globali ta’ EUR 20 miljun ma għandux effett fuq il-konklużjoni li l-Kummissjoni setgħet validament tikkunsidra l-miżura nnotifikata bħala għajnuna ġdida.

46      Jirriżulta minn dan kollu li l-premessa li fuqha dan il-motiv huwa fondat, jiġifieri l-indipendenza mill-iskema tal-2004 fir-rigward tal-baġit inizjali ta’ EUR 10 miljun, hija żbaljata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kkunsidrat li l-miżura nnotifikata kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħall-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004.

47      Fid-dawl ta’ kull ma ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1177/2002

 L-argumenti tal-partijiet

48      Ir-Repubblika Taljana ssostni l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx isservi mill-bażi legali għall-evalwazzjoni tal-miżura nnotifikata, peress li dan ir-regolament ma kienx iktar fis-seħħ fil-mument tan-notifika ta’ din il-miżura.

49      Fil-fehma tagħha, jirriżulta minn qari preċiż tal-Artikoli 2 sa 5 tar-Regolament Nru 1177/2002, kif emendat bir-Reoglament Nru 502/2004, li d-data ta’ skadenza li huwa jipprovdi, jiġifieri l-31 ta’ Marzu 2005, timplika unikament li l-kuntratti ffirmati wara din id-data ma jistgħux jibbenefikaw mill-iskema stabbilita mir-Regolament Nru 1177/2002. Min-naħa l-oħra, ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma timplika li ma jistax jiġi applikat ukoll wara l-31 ta’ Marzu 2005 għal kuntratti regolarment iffirmati qabel din id-data. Bil-kontra, mill-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 1177/2002 jirriżulta li l-ħlas tal-għajnuna mogħtija skont dan ir-regolament seta’ jsir sal-31 ta’ Marzu 2008 jew, fl-ipoteżi ta’ proroga għal każijiet partikolari, sal-31 ta’ Marzu 2011.

50      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana tfakkar li l-miżura nnotifikata kienet ġiet adottata fl-24 ta’ Diċembru 2007 u kienet daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008. Din il-miżura kellha bħala għan li tippermetti, minn perspettiva amministrattiva u kompatibbli, il-ħlas tal-għajnuna favur il-kuntratti ta’ bini ta’ bastimenti kollha ffirmati qabel il-31 ta’ Marzu 2005. Dawn il-kuntratti kellhom josservaw il-kundizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 1177/2002, inkluża dik li l-kunsinna kellha ssir fit-tliet snin wara l-firma tal-kuntratt, ħlief jekk dan it-terminu kien ipprorogat għal tliet snin għal wieħed mill-motivi previsti minn dan ir-regolament. Bħala konsegwenza, jidher ċar li l-miżura nnotifikata kienet tikkostitwixxi applikazzjoni eżatta tar-Regolament Nru 1177/2002 u li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan ir-regolament fid-deċiżjoni kkontestata. Dan l-iżball jiġġustifika, waħdu, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

51      Ir-Repubblika Taljana tiċħad l-argument tal-Kummissjoni li l-kuntest kompetittiv li kien ta lok għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002 ma kienx iktar jeżisti meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija ssostni li l-argument tal-Kummissjoni huwa inammissibbli, peress li jimplika limitazzjoni sostanzjali fl-eżekuzzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002 u ma jidhirx la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004.

52      It-tieni nett, hija ssostni li l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex fondat, peress li hija ma pproduċiet ebda element konkret ta’ natura li jikkorrobora l-affermazzjoni li, fl-2008, l-impriżi ta’ bini ta’ bastimenti fi ħdan l-Unjoni li kienu kkonkludew kuntratti qabel l-31 ta’ Marzu 2004 ma kinux iktar sofrew, fir-rigward ta’ dawn il-kuntratti, konsegwenzi tad-dumping Korean.

53      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

54      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, għandha tiġi deċiża l-kwistjoni jekk ir-Regolament Nru 1177/2002 setax jiġi applikat wara l-31 ta’ Marzu 2005, data tal-iskadenza tiegħu, sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-miżura nnotifiakta mas-suq komuni.

55      Huwa paċifiku li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li r-Regolament Nru 1177/2002 ma setax iservi bħala bażi legali għall-evalwazzjoni tal-miżura nnotifiakta, peress li kien skada fil-31 ta’ Marzu 2005 (premessi 11, 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis ta’ dispożizzjoni legali fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, għandha ssir distinzjoni, f’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli tad-dispożizzjonijiet legali sostantivi.

57       F’dak li jikkonċerna r-regoli li jirregolaw il-kompetenza tal-istituzzjonjiet tal-Unjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni li tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑269/97, Ġabra p. I‑2257, punt 45).

58      F’dan il-każ, huwa l-Artikolu 88 KE li jikkostiwixxi l-bażi legali li tattribwixxi lill-Kummissjoni l-kompetenza sabiex tadotta deċiżjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li jawtorizzaha b’mod permanenti, sa mill-1968, sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna, fir-rigward tal-Artikolu 87 KE, mas-suq komuni.

59      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legali sostantivi, dawn jirregolaw sa mid-dħul fis-seħħ tagħhom l-effetti futuri kollha ta’ sitwazzjonjiet li nħolqu taħt il-kamp tal-leġiżlazzjoni preċedenti. Bħala konsegwenza, id-dispożizzjonijiet legali sostantivi ma japplikawx għall-effetti stabbiliti preċedentement għad-dħul fis-seħħ tagħhom, sakemm il-kundizzjonijiet eċċezzjonali tal-applikazzjoni retroattiva ma jkunux sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 1970, Brock, 68/69, Ġabra p. 171, punt 6; tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C‑162/00, Ġabra p. I‑1049, punt 49, u tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaerie de Bolzono vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 119; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2007, Simões Dos Santos vs UASI, T‑435/04, Ġabra p. II‑0000, punt 100, u tat-12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il-Kummissjoni, T‑25/04, Ġabra p. II‑3121, punt 70).

60      Fir-rigward tal-għajnuna nnotifikata u mhux imħallsa, fil-kuntest tas-sistema tal-Unjoni ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, id-data li fiha l-effetti tal-għajnuna maħsuba jiġu stabbiliti tikkoinċidi mal-mument fejn il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni billi tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni. Fil-fatt, ir-regoli, il-prinċipji u l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha jistgħu, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala l-iktar adattati għall-kuntest kompetittiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, Ġabra p. I‑9465, punti 50 sa 53). Dan huwa minħabba l-fatt li l-għajnuna inkwistjoni ma tagħtix lok għal vantaġġi jew għal żvantaġġi reali fis-suq komuni ħlief l-iktar kmieni fid-data li fiha l-Kummissjoni tiddeċiedi jew le li tawtorizzaha.

61      Min-naħa l-oħra, għall-għajnuna mħallsa illegalment mingħajr notifika bil-quddiem, id-dispożizzjonijiet legali sostantivi applikabbli huma dawk fis-seħħ fil-mument meta l-għajnuna kienet tħallset, peress li l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jirriżultaw minn tali għajnuna seħħew matul il-perijodu li fih l-għajnuna inkwistjoni kienet tħallset (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ April 2008, SIDE vs Il‑Kummissjoni, T‑348/04, Ġabra p. II‑625, punti 58 sa 60).

62      Isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma applikatx ir-Regolament Nru 1177/2002, peress li l-għajnuna maħsuba kienet ġiet innotifikata u mhux imħallsa. Fil-fatt, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi effettivi tal-miżura nnotifikata fis-suq komuni ma setgħux jimmarterjalizzaw ruħhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet ittieħdet wara d-data ta’ skadenza tar-Regolament Nru 1177/2002, jiġifieri l-31 ta’ Marzu 2005.

63      L-argument li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1177/2002 kien jipprovdi li dan tal-aħħar kien japplika għall-kuntratti konklużi qabel il-31 ta’ Marzu 2005 ma jħassarx il-konklużjoni li r-Regolament Nru 1177/2002 ma kienx japplika għall-miżura nnotifikata. Fil-fatt, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1177/2002 jippreċiża, abbażi tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, il-kundizzjonijiet materjali li għandhom ikunu preżenti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’, skont dan ir-regolament, tieħu deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni. Madankollu, l-applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament hija rregolata mill-Artikolu 5 tiegħu u l-prinċipji esposti fil-punti 57 sa 60 iktar ’il fuq.

64      Ċertament, il-fatt li d-data li tiddetermina d-dispożizzjonijiet legali sostantivi applikabbli tikkoinċidi, fir-rigward ta’ għajnuna nnotifikata u mhux imħallsa, mal-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna jwassal li din l-istituzzjoni tista’, billi taġġusta t-tul ta’ eżami tal-miżura tal-għajnuna nnotifikata, twassal għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali sostantiva li daħlet fis-seħħ wara n-notifika ta’ din il-miżura lill-Kummissjoni. Madankollu, din l-ipoteżi, li, barra minn hekk, ma hijiex preżenti f’dan il-każ, peress li l-miżura ġiet nnotifikata wara d-data ta’ skadenza tar-Regolament Nru 1177/2002, ma tisax tiġġustifika deroga mill-prinċipju li d-dispożizzjonijiet legali sostantivi ġodda jirregolaw sa mid-dħul if-seħħ tagħhom l-effetti futuri kollha ta’ sitwazzjonijiet ikkostitwiti taħt il-kamp tar-regoli antiki.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tagħżel l-applikazzjoni kemm tar-regola l-ġdida u kemm tar-regola l-antika hija limitata u kkontrobilanċjata, minn naħa, mill-fatt li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-data li fiha huma jinnotifikaw l-miżuri ta’ għajnuna u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 jistieden lill-Kummissjoni, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li taġixxi b’diliġenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferrieri Nord vs Il‑Kummissjoni, T‑176/01, Ġabra p. II‑3931, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Il-fatt li l-Istati Membri kellhom l-obbligu, sabiex jibbenefikaw mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002, li jinnotifikaw il-miżuri ta’ għajnuna maħsuba qabel l-iskadenza ta’ dan ir-regolament u qabel ma l-kuntratti kollha eliġibbli għal għajnuna ma jkunu ffirmati, ma jistax iqiegħed f’dubju l-applikazzjoni fis-sistema tal-Unjoni ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat il-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet legali sostantivi. Fil-fatt, huwa inerenti għas-sistema ta’ kontroll preliminari tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li n-notifiki għandhom neċessarjament ikollhom estimi f’dak li jikkonċerna l-ammonti globali tal-għajnuna maħsuba. Dan huwa partikolarment validu fir-rigward ta’ miżura intiża għal għajnuna operattiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

67      Fid-dawl ta’ dak li ntqal u fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 1177/2002, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 87 KE, 88 KE u 253 KE

 L-argumenti tal-partijiet

68      Ir-Repubblika Taljana tallega li, anki fl-ipoteżi fejn il-miżura nnotifikata għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida, peress li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(2) u (3) KE, kif ukoll l-Artikolu 88(3) KE, peress li hija naqqset, fid-deċiżjoni kkontestata, milli teżamina effettivament jekk il-miżura nnotifikata setgħetx tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni skont waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE, b’mod partikolari dawk ippreċiżati mill-Artikolu 87(3)(b) u (ċ) KE.

69      Il-Kummissjoni kienet fil-fatt ikkunsidrat li l-miżura nnotifikata kienet inkompatibbli mas-suq komuni għar-raġuni biss li r-Regolament Nru 1177/2002 kien skada u li hija ma kienet taqa’ taħt ebda waħda mill-ipoteżijiet maħsuba mis-sezzjonijiet 3.1 u 3.2 tal-kwadru dwar l-għajnuna mill-Istati għall-bini ta’ bastimenti, iċċitata fil-punt 12 iktar ’il fuq.

70      Skont ir-Repubblika Taljana, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni għandha dejjem teżamina ex offico l-eventwali kompatibbiltà tal-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(2) u (3) KE, ħlief fil-każ tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi evidenti li jċaħħdu l-iskema inkwistjoni minn kull ġustifikazzjoni possibbli. Din l-aħħar ipoteżi ma tistax tiġi kkunsidrata f’dan il-każ, peress li l-miżura nnotifikata kienet tikkonsisti unikament mill-finanzjament mill-ġdid ta’ skema ta’ għajnuna li kienet diġà ġiet ikkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni u li l-kundizzjonijiet kollha tagħha kienu baqgħu l-istess.

71      F’kull każ, ir-Repubblika Taljana żżid li, matul il-proċedura amministrattiva, hija kienet ipprovat tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq il-fatt li l-miżura nnotifikta kienet neċessarja sabiex tintlaħaq il-kompetittività ugwali bejn l-operaturi kollha li jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna. Hija ssostni wkoll li n-nuqqas ta’ għajnuna seta’ jwassal għall-għeluq tat-tarznari. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kienet ipprovidet ebda tweġiba adegwata għal dawn il-proposti.

72      Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana titlob lill-Qorti Ġenerali tevalwa l-miżura nnotifikata hija stess u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni.

73      Minbarra dan, ir-Repubblika Taljana tafferma, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 68 sa 71 iktar ’il fuq, li l-motivi esposti fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata huma insuffiċjenti, li huwa ekwivalenti, fil-fehma tagħha, għal ksur tal-Artikolu 253 KE. F’dan ir-rigward, hija tagħmel riferimnet għall-ġurisprudenza skont liema, sabiex tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tagħmel riferiment għal ċirkustanzi speċifiċi u mhux ġenerali.

74      Fl-aħħar nett, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata wkoll minn nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni limitat ruħha li teżamina l-miżura nnotifikata mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tagħha, tal-iskema tal-2004, li għaliha l-miżura nnotifikata tagħmel riferiment.

75      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

76      L-ewwel nett, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli t-talba tar-Repubblika Taljana li biha hija tistieden lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-miżura nnotifikata hija kompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, l-istħarriġ ġudizzjarju li skont l-Artikolu 230 KE jirrigwarda esklużivament il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax iwassal li l-Qorti Ġenerali trirriforma d-deċiżjoni kkontestata jew tadotta deċiżjoni ġdida li tissostitwixxiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġutsizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10505, punt 141). Isegwi li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali għandha tillimita ruħha sabiex teżamina l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-ilmenti preċiżament magħmula mir-Repubblika Taljana kontra tagħha.

77      Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn it-talba msemmija iktar ’il fuq għandha tinftiehem bħala li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġunijiet li din tikser il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, din hija kkunsidrata fil-kuntest tal-evalwazzjoni li tirrigwarda r-raba’ motiv.

78      Fir-rigward tal-ilment li l-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE, għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att b’mod illi l-partijiet interessati jistgħu jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha. Il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati kif ukoll tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx sodisfat il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 190 tat-Trattat għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tat-test tiegħu, iżda ukoll fil-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li kemm ir-Repubblika Taljana kif ukoll il-Qorti Ġenerali huma, fid-dawl ta’ dak sostnut fil-premessi 11 u 25 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-pożizzjoni li jifhmu r-raġunament tal-Kummissjoni dwar l-eżami tal-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq komuni. Fil-fatt, mill-premessi 11 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li r-Regolament Nru 1177/2002 kien skada fil-31 ta’ Marzu 2005 u li ma kienx applikabbli għall-miżura nnotifikata. Fil-premessi 29 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ċaħdet bħala rrilevanti l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ trattament ugwali, għar-raġuni li hija ma kinitx ipprovdiet, permezz tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004, kwalunkwe assigurazzjoni f’dak li jikkonċerna żieda eventwali u ulterjuri tal-baġit allokat għall-iskema tal-2004. Fl-aħħar nett, fil-premessa 31 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet esponiet b’mod eżawrjenti r-raġunijiet li bihom hija qieset li l-ġurisprudenza invokata mir-Repubblika Taljana ma kinitx applikabbli f’dan il-każ.

80      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq, u fir-rigward tal-premessi 11 u 25 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għall-fatt li f’dan il-każ hija r-Repubblika Taljana li għandha turi li l-miżura nnotifikata kienet kompatibbli mas-suq komuni (ara l-punti 83 sa 85 iktar ’il quddiem), l-ilment ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

81      Fir-rigward l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet limitat ruħha sabiex teżamina l-miżura nnotifikata bħala li tinkludi fl-analiżi tagħha l-iskema tal-2004, hemm lok li din għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament qieset li l-baġit inizjali ta’ EUR 10 miljun kien jagħmel parti sħiħa mill-iskema tal-2004, peress li hija kkonkludiet li ż-żieda f’dan il-baġit kienet tikkostitwixxi modifika tal-għajnuna eżistenti (premessi 7 sa 9 u 11 tad-deċiżjoni kkontestata). Sa fejn dan l-ilment għandu jinftiehem bħala intiż sabiex jikkontesta din il-konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kienet diġà approvatu, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv.

82      Fir-rigward tal-ilment li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta naqqset milli tevalwa jekk il-miżura nnotifikata setgħetx tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni skont waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE, b’mod partikolari dawk ippreċiżati mill-Artikolu 87(3) KE, dan għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

83      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, huma l-Istat Membru u l-benefiċjarju potenzjali tal-għajnuna li għandhom iressqu l-argumenti tagħhom sabiex juru li l-proġett ta’ għajnuna jikkorrispondi għall-eċċezzjonijiet previsti fl-applikazzjoni tat-Trattat, fejn l-għan tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa proprju dak li l-Kummissjoni tkun informata kompletament dwar l-elementi kollha tal-każ. Minkejja li l-Kummissjoni hija meħtieġa tesprimi b’mod ċar id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni meta tiftaħ proċedura formali sabiex tippermetti lill-Istat Membru u lill-partijiet interessati sabiex iwieġbu bl-aħjar mod possibbli, jibqa’ l-fatt li b’mod partikolari huwa l-kompitu ta’ min japplika għall-għajnuna li jneħħi dawk id-dubji u li jistabbilixxi li l-proġett ta’ għajnuna kien jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna (ara s-sentenza Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punti 93 u 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Dejjem skont din il-ġurisprudenza, għalkemm l-Artikolu 88(2) KE jimponi fuq il-Kummissjoni, qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha, l-obbligu li tirċievi l-informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, dan ma jipprojbixxix lilha milli tikkonkludi, fin-nuqqas ta’ tali osservazzjonijiet, li għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt jew ta’ liġi eventwali li setgħu jiġu ppreżentati liha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma kinux, peress li l-Kummmissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina ex officio u permezz ta’ evalwazzjoni ġenerali liema huma l-punti li setgħu jitressqu quddiemha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il‑Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra p. II‑127, punti 48 u 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet kellha fil-mument fejn hija stabbilietha, peress li hija ma tistax tressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni provi li ma kinux tressqu matul il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 88 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fleuren Compost vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessi 26 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Repubblika Taljana kienet għamlet riferiment, matul il-proċedura amministrattiva, għar-Regolament Nru 1177/2002 u għall-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ trattament ugwali sabiex tagħti fondament għad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tagħha tal-miżura nnotifikata. Barra minn hekk, mill-premessi 25 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kienet effettivament eżaminat u rrifjutat l-argumenti u l-ġurisprudenza mressqa f’dan ir-rigward mir-Repubblika Taljana.

87      Matul is-seduta, ir-Repubblika Taljana kienet mistiedna mill-Qorti Ġenerali sabiex tippreċiża elementi rilevanti addizzjonali li hija kienet ippreżentat lill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva, iżda li hija kienet irrifjutat li teżamina. Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma setgħetx tagħmel riferiment għal argumenti oħra ħlief dawk eżaminati u miċħuda mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

88      Fid-dawl ta’ dak li ntaql, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ trattament ugwali

 L-argumenti tal-partijiet

89      Ir-Repubblika Taljana ssostni li, anki jekk jiġi preżuppost li l-miżura nnotifikata kienet inkompatibbli mas-suq komuni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni jmissha approvataha, skont il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ trattament ugwali.

90      Fil-fatt, peress li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004 ma kienet tat ebda importanza għall-baġit stabbilit għall-għajnuna ddestinata għall-kostrutturi ta’ bastimenti, ir-Repubblika Taljana u d-destinatarji finali tal-iskema ta’ għajnuna setgħu leġittimament jistennew li l-Kummissjoni tapprova l-miżura nnotifikata, minħabba li din kienet imniżżla fl-iskema tal-2004, peress li din kienet unikament żdiedet il-baġit globali mingħajr ma għamlet modifika oħra għall-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din l-iskema.

91      Il-Kummissjoni kienet ukoll kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li d-deċiżjoni kkontestatata timplika li ċerti tarznari ma setgħux jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna, minkejja li huma sabu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt identika għal dik ta’ benefiċjarji effettivi tal-iskema ta’ għajnuna.

92      Permezz tal-miżura nnotifikata, ir-Repubblika Taljana kellha l-intenzjoni preċiżament li tistabbilixxi mill-ġdid il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Hija kienet żiedet il-baġit globali allokat għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni sabiex ebda tarzna li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ bini ta’ bastiment li seta’ jibbenefika minn din l-iskema ta’ għajnuna ma tkun imċaħħda mid-dritt tagħha minħabba kopertura finanzjarja insuffiċjenti.

93      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv ikun miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

94      L-ewwel nett, għandu jiġi sostnut li l-premessa li fuqha huwa parzjalment fondat il-motiv tar-Repubblika Taljana, jiġifieri li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004 ma kienet tat ebda importanza għall-baġit stabbilit mill-għajnuna ddestinata għall-kostrutturi ta’ bastimenti, kienet diġà ġiet miċħuda fil-punt 42 iktar ’il fuq.

95      Għaldaqstant, l-affermazzjoni li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi ma jistax jiġi aċċettat, peress li bl-ebda mod ma jista’ jiġi invokat lilha ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li tkun ipprovditilha l-istituzzjoni kkonċernata (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il-Kummissjoni, T‑273/01, Ġabra p. II‑1093, punt 26).

96      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1177/2002 ma fih la dispożizzjonijiet li jeħilsu lill-Istati Membri mill-obbligu ta’ notifikazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 88(3) KE, u lanqas dispożizzjonijiet li jemendaw id-definizzjoni tal-kunċetti relatati miegħu Bil-kontra, dan ir-regolament jissuġġetta l-applikazzjoni tiegħu għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88 KE u tar-Regolament Nru 659/1999. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004, li hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1177/2002, ma setgħet bl-ebda mod tkun ta’ natura li toħloq aspettativi leġittimi lil hinn minn dak li kien espliċitament espost f’din id-deċiżjoni, jiġifieri l-awtorizzazzjoni għar-Repubblika Taljana li tagħti għajnuna ta’ ammont globali ta’ EUR 10 miljun.

97      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jiġi sostnut li dan huwa manifestament mingħajr bażi. Il-fatt li r-Regolament Nru 1177/2002 ma japplikax għall-miżura nnotifikata jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali u ma jirriżultax mill-eżerċiżzju ta’ marġni ta’ diskrezzjoni. Għaldaqstant, ir-raġuni li għaliha l-kuntratti msemmija mill-miżura nnotifikata ma jibbenefikawx minn għajnuna skont ir-Regolament Nru 1177/2002 hija unikament marbuta man-natura temporanja ta’ dan l-istess regolament u għall-fatt li r-Repubblika Taljana ma nnotifikatx il-miżura inkwistjoni, b’mod li deċiżjoni tista’ tiġi meħuda mill-Kummissjoni qabel l-iskadenza ta’ dan ir-regolament.

98      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ kontradittorju

 L-argumenti tal-partijiet

99      Ir-Repubblika Taljana takkuża lill-Kummissjoni li, fid-deċiżjoni kkontestata, ħadet inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjoni tad-DSB dwar ir-Regolament Nru 1177/2002, mingħajr ma stabbiliet minn qabel dibattitu kontradittorju mal-awtoritajiet Taljani f’dan ir-rigward, matul il-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant, skont ir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-proċedura quddiem id-DSB u fuq ir-riżultati tagħha. Il-fatt li hija kienet qajmet, matul il-proċedura amministrattiva, il-kwistjoni tal-proċedura fi ħdan id-DSB huwa rrilevanti, peress li hija kienet għamlet dan għal finijiet ta’ kompletezza, sabiex issostni li din l-aħħar proċedura ma kellha ebda effett sospensiv fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002, u lanqas fuq il-miżura nnotifikata.

100    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

101    Għandu jitfakkar li, permezz tal-ittra tagħha tas-7 ta’ Lulju 2008, ir-Repubblika Taljana informat lill-Kummissjoni li hija kienet tal-opinjoni li l-proċedura quddiem id-DSB dwar ir-Regolament Nru 1177/2002 ma setgħetx twaqqaf it-tarznari li kienu ressqu applikazzjoni għal għajnuna qabel ma din il-proċedura tieqaf milli jibbenefikaw mill-għajnuna skont ir-Regolament Nru 1177/2002 u l-iskema tal-2004.

102    Fil-premessi 35 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għal din l-affermazzjoni. F’dan ir-rigward, hija sostniet li mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-Regolament Nru 1177/2002 kellu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, fid-dawl tal-obbligi tal-Komunità fil-kuntest tal-WTO. Sussegwentement, hija kkonstatat li l-proċedura quddiem id-DSB, li għaliha kienet għamlet riferiment ir-Repubblika Taljana fl-ittra tagħha tas-7 ta’ Lulju 2008, kienet wasslet biex id-DSB, fl-20 ta’ Ġunju 2005, tikkonkludi li r-Regolament Nru 1177/2002 u d-diversi skemi nazzjonali li japplikawh kisru r-regoli tal-WTO. Il-Kummissjoni sussegwentement indikat li l-Kommunità kienet informat lill-WTO fl-20 ta’ Lulju 2005 bil-fatt li r-Regolament Nru 1177/2002 kien skada fil-31 ta’ Marzu 2005 u li l-Istati Membri ma setgħux għalhekk jagħtu għajnuna skont dan ir-regolament. Il-Kummissjoni kkonkludiet f’dan ir-rigward li l-komunikazzjoni lill-WTO kienet tikkostitwixxi impenn min-naħa tal-Komunità fir-rigward tal-WTO li ma tapplikax iktar ir-Regolament Nru 1177/2002.

103    Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju. Bil-kontra, meta wieġbet għal affermazzjoni tar-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni osservat id-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ tagħha. Il-fatt li din it-tweġiba kien fiha l-konkużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni mill-eżitu tal-proċedura quddiem id-DSB ma jikkontestax din il-kunsiderazzjoni, peress li kienet ir-Repubblika Taljana li kienet invokat, fl-ittra tagħha tas-7 ta’ Lulju 2008, il-kwistjoni tal-implikazzjonijiet ta’ din il-proċedura fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002.

104    Għalhekk hemm lok li l-ħames motiv jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli tal-WTO fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura nnotifkata mas-suq komuni

 L-argumenti tal-partijiet

105    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Taljana ssostni li, meta evalwat il-kompatibbiltà tal-miżura notifikata mar-regoli tal-WTO, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, meta evalwat proġett ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 88(3) KE, bħal dak imsemmi f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet oħra ħlief dawk ippreċiżati mill-Artikolu 87 KE.

106    Ir-Repubblika Taljana ssostni wkoll li l-kwistjoni jekk skema ta’ għajnuna hijiex potenzjalment inkompatibbli mar-regoli tal-WTO għandha tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE.

107    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni, meta evalwat il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mar-regoli tal-WTO, kienet aġixxiet barra mill-kompetenza tagħha u kisret l-Artikolu 88(3) KE kif ukoll l-Artikoli 87 KE u 226 KE.

108    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni li hija kienet eżaminat il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mar-regoli tal-WTO.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

109    Għandu jiġi kkonstatat li mill-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura nnotifikata kienet inkompatibbli mas-suq komuni fir-rigward, minn naħa, tal-fatt li r-Regolament Nru 1177/2002 kien skada u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li ma kinitx teżisti bażi legali oħra li fuqha deċiżjoni ta’ kompatibbiltà setgħet tiġi fondata.

110    Fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet indikat, bħala tweġiba għall-argument tar-Repubblika Taljana espost fil-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Komunità kienet informat ill-WTO, fl-20 ta’ Lulju 2005, bil-fatt li r-Regolament Nru 1177/2002 kien skada fil-31 ta’ Marzu 2005 u li l-Istati Membri għalhekk ma setgħux jagħu iktar għajnuna skont dan ir-regolament. Il-Kummissjoni kkonkludiet f’dan ir-rigward li l-komunikazzjoni lill-WTO kienet tikkostitwixxi impenn min-naħa tal-Komunità fir-rigward tal-WTO li ma tapplikax iktar ir-Regolament Nru 1177/2002.

111    Għalhekk, qari flimkien tal-premessi 26 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata juri li, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-approvazzjoni eventwali tal-miżura nnotifikata kienet tant inkompatibbli mas-suq komuni kif ukoll f’kontradizzjoni mal-impennji tal-Komunità fir-rigward tal-WTO, peress li l-konklużjoni li tirrigwarda l-inkompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq komuni hija evalwazzjoni distinta, awtonoma u tiġi qabel dik li tirrigwarda r-responsabbiltajiet tal-Komunità fir-rigward tal-WTO.

112    Isegwi li s-sitt motiv tar-rikorrenti ma jistax jiġi aċċettat.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija fondata fuq il-komunikazzjoni lill-WTO

 L-argumenti tal-partijiet

113    Ir-Repubblika Taljana ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn illegalità sa fejn hija bbażata fuq il-komunikazzjoni lill-WTO, li tiddikjara li l-Istati Membri ma setgħux jagħu iktar għajnuna fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1177/2002, peress li dan kien skada fil-31 ta’ Marzu 2005.

114    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-Repubblika Taljana tallega li hija qatt ma ġiet informata bil-komunikazzjoni lill-WTO, fatt li kellu jimpedixxi lill-Kummissjoni milli teħodha inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

115    It-tieni nett, ir-Repubblika Taljana tallega li din il-komunikazzjoni ma kinitx tippermetti, f’kull każ, lill-Kummissjoni li tirrifjuta li tawtorizza l-miżura nnotifikata. Fil-fatt, permezz tal-komunikazzjoni lill-WTO, il-Kummissjoni kellha biss tiddikjara li hija ma kinitx ser tipproroga r-Regolament Nru 1177/2002. Għaldaqstant, l-Istati Membri kienu obbligati li ma jagħtux għajnuna lil impriżi għal kuntratti ta’ bini ta’ bastimenti ffirmati wara l-31 ta’ Marzu 2005. Għaldaqstant, il-komunikazzjoni lill-WTO ma kinitx eżentathom mill-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet fuq l-għajnuna miksuba mill-impriżi fuq il-bażi ta’ kuntratti ffirmati qabel il-31 ta’ Marzu 2005.

116    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv ikun miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

117    Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiża li l-miżura nnotifikata ma tistax tiġi implementata, peress li ma hijiex kompatibbli mas-suq komuni.

118    Hekk kif ġie sostnut fil-punt 111 iktar ’il fuq, ir-riferiment li jidher fid-deċiżjoni kkontestata għall-komunikazzjoni lill-WTO ma kellux għan ieħor ħlief li jindika, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet tar-Repubblika Taljana u għal finijiet ta’ kompletazza, li l-approvazzjoni eventwali tal-miżura nnotifikata kienet, minbarra dan, f’kontradizzjoni mal-impennji tal-Komunità fir-rigward tal-WTO. Fil-fatt, mill-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, meta wasslet għall-konklużjoni li l-miżura nnotifikata kienet inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma bbażat fuq il-komunikazzjoni lill-WTO.

119    Isegwi li l-komunikazzjoni lill-WTO, f’kull każ, ma kellha ebda effett fuq id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

120    Għalhekk għandu jiġi konkluż li s-seba’ motiv ukoll ma jistax jiġi aċċettat.

121    Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

122    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Firem

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-miżura nnotifikata bħala għajnuna ġdida

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1177/2002

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 87 KE, 88 KE u 253 KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ trattament ugwali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ kontradittorju

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli tal-WTO fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltŕ tal-miżura nnotifkata mas-suq komuni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija fondata fuq il-komunikazzjoni lill-WTO

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.