Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fis-26 ta' Mejju 2011 - "Kremikovtsi" AD vs Ministar na ikonomikata, energetikata i turizma i zamestnik-ministar na ikonomikata, energetikata i turizma

(Kawża C-262/11)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: "Kremikovtsi" AD

Konvenuti: Ministar na ikonomikata, energetikata i turizma i zamestnik-ministar na ikonomikata, energetikata i turizma (Ministru u Viċi-Ministru tal-Ekonomija, tal-Enerġija u tat-Turiżmu)

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ewropew ta' Assoċjazzjoni, u b'mod partikolari d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Bulgarija, huma applikabbli fir-rigward ta' għajnuna mill-Istat li ngaħatat qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-UE, skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim iċċitat iktar 'il fuq, u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tat-tieni protokoll tiegħu, meta l-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mogħtija sseħħ wara d-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-UE? Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, hemm lok li tingħata l-interpretazzjoni segwenti:

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-protokoll addizzjonali tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Bulgarija, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' proroga tal-perijodu previst fl-Artikolu 9(4) tat-tieni protokoll għall-Ftehim Ewropew ta' assoċjazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li hija biss il-Kummissjoni Ewropea li hija awtorizzata tiddeċiedi jekk il-programm ta' ristrutturazzjoni u l-pjanijiet skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi protokoll addizzjonali ġewx implementati b'mod sħiħ u jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(4) tat-tieni protokoll għall-ftehim Ewropew ta' assoċjazzjoni? Fil-każ ta' risposta negattiva għal din id-domanda, hemm lok li tingħata l-interpretazzjoni segwenti:

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tal-protokoll addizzjonali tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Bulgarija, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' proroga tal-perijodu previst fl-Artikolu 9(4) tat-tieni protokoll għall-Ftehim Ewropew ta' assoċjazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità nazzjonali kompetenti tar-Repubblika tal-Bulgarija hija awtorizzata tadotta deċiżjoni ta' rkupru ta' għajnuna mill-Istat li ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(4) tat-tieni protokoll għall-ftehim Ewropew ta' assoċjazzjoni? Jekk ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda tkun fin-negattiv, hemm lok li tingħata l-interpretazzjoni segwenti:

L-ewwel paragrafu tat-titolu 2, dwar il-politika tal-kompetizzjoni, tal-Anness V tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija, għandu jiġi intepretat fis-sens li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni tikkostitwixxi "għajnuna ġdida" fis-sens tat-titolu 2 ta' dan l-anness? Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv, l-Artikoli 107 u 108 TFUE (Artikoli 87 u 88 KE) dwar l-għajnuna mill-Istat u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999 1 japplikaw għal tali "għajnuna ġdida"?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-ewwel paragrafu tal-Anness V tal-Att ta' Adeżjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux iwettqu rkupru ta' għajnuna mill-Istat bħal dik fil-proċeduri tal-kawża prinċipali qabel ma l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni inkompatibbli mas-suq komuni?

Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta' Diċembru 2009, ippreżentata quddiem il-Varhoven adminstrativen sad, għandha titqies bħala deċiżjoni negattiva dwar għajnuna illegali fis-sens tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999?

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339