Language of document : ECLI:EU:C:2012:760

Kawża C-262/11

Kremikovtzi AD

vs

Ministar na ikonomikata, energetikata i turizma i zamestnik-ministar na ikonomikata, energetikata i turizma

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad)

“Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Bulgarija — Settur tal-azzar — Għajnuna pubblika għar-ristrutturazzjoni mogħtija qabel l-adeżjoni — Kundizzjonijiet — Vijabbiltà tal-benefiċjarji fi tmiem il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni — Dikjarazzjoni ta’ insolvenza ta’ benefiċjarju wara l-adeżjoni — Kompetenzi rispettivi tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-Kummissjoni Ewropea — Deċiżjoni nazzjonali li tikkonstata l-eżistenza ta’ dejn pubbliku li jikkonsisti f’għajnuna li saret illegali — Deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006 — Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni — Għajnuna applikabbli wara l-adeżjoni — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Għajnuna eżistenti”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Novembru 2012

1.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea — Distinzjoni skont regoli speċifiċi stabbiliti fl-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni — Miżuri implementati qabel l-adeżjoni fil-Bulgarija fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tas-settur tal-azzar — Bażi legali f’każ ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna

Artikolu 87(1) KE u 88(1) u (3) KE; Att ta’ Adeżjoni tal-2005, Anness V; Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Bulgarija)

2.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea — Att ta’ Adeżjoni — Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat mid-data ta’ adeżjoni u unikament fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li jippreżentaw ruħhom minn din id-data

(Artikoli 87 KE u 88 KE; Att ta’ Adeżjoni tal-2005; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(b)(i) u (ċ))

1.        F’dak li jikkonċerna l-għajnuna implementata fil-Bulgarija qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni, l-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 jipprovdi, fit-Titolu 2 tiegħu, mekkaniżmu ta’ kontroll. Dan il-mekkaniżmu huwa intiż b’mod partikolari sabiex jillimita d-daqs ta’ tali għajnuna li tista’, matul l-adeżjoni, tiġi kkunsidrata bħala “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE. Skont dan il-mekkaniżmu, il-miżuri Statali implementati qabel din l-adeżjoni iżda li, minn naħa, huma dejjem applikabbli warajha u li, min-naħa l-oħra, fid-data tal-adeżjoni, jissodisfaw il-kriterji kumulattivi tal-Artikolu 87(1) KE, huma suġġetti għar-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni kemm, bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE meta hija taqa’ taħt waħda mit-tliet kategoriji msemmija f’dan l-anness, kemm bħala għajnuna ġdida fid-data tal-adeżjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 88(3) KE, meta din ma taqax taħt waħda minn dawn it-tliet kategoriji.

Isegwi li, sabiex ikunu jistgħu jiġu suġġetti għal dawn ir-regoli speċifiċi tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni, miżuri ta’ sostenn Statali adottati qabel id-data ta’ adeżjoni għandhom, b’mod partikolari, ikunu dejjem “applikabbli”, fis-sens ta’ dan l-anness, skont din l-adeżjoni. L-espressjonijiet “għadhom applikabbli” u “tibqa’ tapplika” li jinsabu fl-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni għandhom jiġu interpretati bħala essenzjalment relatati ma’ miżuri implementati qabel l-adeżjoni mal-Unjoni u li, wara din l-adeżjoni, jibqgħu ta’ natura li joħolqu spejjeż mill-Istat Membru kkonċernat jew żieda tar-responsabbiltà finanzjarja tiegħu jew ukoll li jnaqqsu d-dħul baġitarju ta’ dan l-Istat.

F’sitwazzjoni fejn, l-implementazzjoni tal-għajnuna pubblika ntlaħqet qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni, din l-għajnuna għalhekk ma hijiex ta’ natura, wara din l-adeżjoni, li toħloq spejjeż jew responsabbiltà finanzjarja dejjem ikbar fuq il-korpi Statali Bulgari jew inkella li tnaqqas id-dħul baġitarju ta’ dan l-Istat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-għajnuna pubblika ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “applikabbli” wara l-adeżjoni fis-sens tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni. B’konsegwenza, dawn il-miżuri ma jistgħux jiġu kkunsidrati la bħala “għajnuna eżistenti”, u lanqas bħala “għajnuna ġdida fid-data tal-adeżjoni” fis-sens ta’ dan l-anness.

Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ rkupru ta’ tali għajnuna pubblika mogħtija lil impriża qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija għandha, f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet magħmula fl-Artikolu 9(4) tal-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni, li jipprovdi li l-Bulgarija kienet ġiet awtorizzata tagħti għajnuna għall-finijiet ta’ ristrutturazzjoni tas-settur tal-azzar tagħha, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li din twassal għall-vijabbiltà tal-impriżi benefiċjarji f’kundizzjonijiet normali tas-suq fi tmiem il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni, hija fondata fuq l-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali ta’ dan il-ftehim Ewropew. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu, skont it-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu, jadottaw deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna pubblika li ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll addizzjonali ma tikkostitwixxix kundizzjoni qabel l-irkupru, minn dawn l-awtoritajiet, ta’ tali għajnuna.

(ara l-punti 40, 51-53, 55, 58-60, 71 u d-dispożittiv)

2.        Mill-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 jirriżulta li l-Artikoli 87 KE sa 89 KE kif ukoll ir-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, huma applikabbli mill-Bulgarija biss mill-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2007, fil-kundizzjonijiet previsti mill-Att ta’ Adeżjoni.

Hekk kif jista’ jiġi stabbilit b’mod partikolari mill-Artikolu 1(b)(i) u (ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni, huwa biss wara din l-adeżjoni li, fil-Bulgarija, il-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 87(1) KE jistgħu jiġu direttament applikati inkwantu tali, u dan unikament fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li jippreżentaw ruħhom minn din id-data. Għaldaqstant, l-għajnuna eżistenti tista’ biss tkun is-suġġett, jekk ikun il-każ, ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li toħloq effetti fil-ġejjieni.

(ara l-punti 50, 54)