Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (Ir-Renju Unit) fid-19 ta' Diċembru 2011 - Her Majesty's Commissioners of Revenue and Customs vs Paul Newey t/a Ocean Finance

(Kawża C-653/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (Ir-Renju Unit)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Her Majesty's Commissioners of Revenue and Customs

Konvenut: Paul Newey t/a Ocean Finance

Domandi preliminari

F'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża preżenti, il-qorti nazzjonali x'piż għandha tagħti lil kuntratti meta tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar liema persuna wettqet provvista ta' servizzi għall-finijiet tal-VAT? B'mod partikolari, il-pożizzjoni kuntrattwali ta' persuna hija determinanti sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni ta' din il-persuna fir-rigward tal-provvista għall-finijiet tal-VAT?

F'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża preżenti, jekk il-pożizzjoni kuntrattwali ma tkunx determinanti, f'liema ċirkustanzi għandha qorti nazzjonali tiddevja mill-pożizzjoni kuntrattwali?

F'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża preżenti, sa liema punt huwa rilevanti, b'mod partikolari, il-fatt:

li l-persuna li twettaq il-provvista skont il-kuntratt tkun taħt il-kontroll sħiħ ta' persuna oħra?

li l-persuna b'għarfien fil-qasam tan-negozju, b'relazzjonijiet kummerċjali u b'esperjenza ma tkunx parti kontraenti?

li l-elementi determinanti kollha tal-provvista jew il-maġġoranza tagħhom jiġu eżegwiti minn persuna li ma tkunx parti kontraenti?

li r-riskju kummerċjali ta' telf finanzjarju jew ta' ħsara għar-reputazzjoni marbuta mal-provvista huwa assunt minn persuna li ma tkunx parti kontraenti?

li l-persuna obbligata twettaq il-provvista skont il-kuntratt tagħti b'sub-appalt elementi determinanti li jkunu neċessarji għal tali provvista lil persuna li tkun tikkontrolla lil dik l-ewwel persuna u tali arranġamenti ta' sub-appalt ma jkunux jinkludu ċerti karatteristiċi kummerċjali?

F'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża preżenti, il-qorti nazzjonali għandha tiddevja mill-analiżi kuntrattwali?

Fil-każ ta' risposta negattiva għar-raba' domanda, il-konsegwenzi fiskali ta' arranġamenti bħal dawk fil-kawża preżenti jikkostitwixxu vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jmur kontra l-għanijiet tas-Sitt Direttiva  fis-sens tal-punti 74 sa 86 tas-sentenza tal-21 ta' Frar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra p. I-1609?

Fil-każ ta' risposta pożittiva għall-ħames domanda, kif għandhom jiġu kkwalifikati mill-ġdid arranġamenti bħal dawk fil-kawża preżenti?

____________

1 - Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 09, Vol. 1 p. 23)