Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Ottubru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof - il-Ġermanja) – Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. vs Planet49 GmbH

(Kawża C-673/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Direttiva 2002/58/KE – Regolament (UE) 2016/679 – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Cookies – Kunċett ta’ kunsens tas-suġġett tad-data – Dikjarazzjoni ta’ kunsens permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.

Konvenuta: Planet49 GmbH

Dispożittiv

L-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, kif ukoll mal-punt 11 tal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunsens previst f’dawn id-dispożizzjonijiet ma huwiex mogħti b’mod validu meta l-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet, permezz ta’ cookies, tiġi awtorizzata permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel li l-utent għandu jneħħi l-marka minnha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu.

L-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll mal-punt 11 tal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679, ma għandhomx jiġu interpretati b’mod differenti skont jekk l-informazzjoni maħżuna jew ikkonsultata fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet tikkostitwixxix data personali, fis-sens tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament 2016/679.

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li l-fornitur ta’ servizzi għandu jagħti lill-utent ta’ sit internet tinkludi t-tul ta’ funzjonament tal-cookies kif ukoll jekk huwiex possibbli li terzi jkollhom aċċess għal dawn il-cookies.

____________

1     ĠU C 112, 26.3.2018.