Language of document : ECLI:EU:T:2012:374

Kawża T-170/11

Rivella International AG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva BASKAYA — Trade mark internazzjonali figurattiva preċedenti Passaia — Prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Territorju rilevanti — Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Determinazzjoni tat-territorju rilevanti — Kwistjoni li taqa’ taħt ir-Regolament Nru 207/2009 u mhux taħt id-dritt nazzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 22(3))

2.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Trade marks — Direttiva 2008/95 — Assenza ta’ użu ġenwin mit-trade mark — Terminu ta’ ħames snin — Kunċett ta’ “data li fiha l-proċediment ta’ reġistrazzjoni jiġi fit-tmiem” — Assenza ta’ armonizzazzjoni Komunitarja — Determinazzjoni minn kull Stat Membru skont ir-regoli proċedurali tiegħu fil-qasam tar-reġistrazzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/95, Artikolu 10(1))

3.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ użu — Kunċett — Rikonoxximent fuq livell nazzjonali tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks difensivi — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3))

4.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Trade marks irreġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru — Trade marks meqjusa li huma trade marks nazzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(2)(a) u 42(3))

1.      Mill-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, u mir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94, jirriżulta li l-kwistjonijiet marbuta mal-prova prodotta insostenn tal-motivi ta’ oppożizzjoni għal applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja u l-kwistjonijiet marbuta mal-aspett territorjali tal-użu mit-trade marks, huma rregolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 207/2009 mingħajr il-bżonn li jsir riferiment għal xi dispożizzjoni ta’ dritt intern tal-Istati Membri.

Il-fatt li t-trade marks nazzjonali jew internazzjonali preċedenti jistgħu jkunu invokati insostenn ta’ oppożizzjoni mressqa kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji ma jfissirx li d-dritt nazzjonali applikabbli għat-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni huwa d-dritt rilevanti f’dak li jikkonċerna proċedimenti ta’ oppożizzjoni Komunitarji.

Ċertament, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament Nru 207/2009 jew, jekk ikun il-każ, fid-Direttiva 2008/95 dwar it-trade marks, id-dritt nazzjonali għandu jservi bħala punt ta’ riferiment.

Dan huwa l-każ f’dak li jikkonċerna d-data ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark preċedenti invokata matul proċedimenti ta’ oppożizzjoni Komunitarji.

Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tat-territorju li fih għandu jintwera l-użu mit-trade mark preċedenti. Din il-kwistjoni hija rregolata bir-Regolament Nru 207/2009 b’mod eżawrjenti, mingħajr ma hemm bżonn li jsir riferiment għad-dritt nazzjonali.

Skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-użu ġenwin minn trade mark preċedenti, sew jekk din tkun Komunitarja, nazzjonali jew internazzjonali, għandha tingħata prova tiegħu fl-Unjoni Ewropea jew fl-Istat Membru kkonċernat.

(ara l-punti 26-31)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 29)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 34)

4.      Ir-riferiment għall-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, li huwa magħmul fl-Artikolu 42(3) tal-istess regolament, għandu jinftiehem fis-sens li “trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru” għandhom jiġu assimilati mat-“trade marks nazzjonali”. Għaldaqstant, l-Artikolu 42(3) huwa applikabbli għat-trade marks internazzjonali.

(ara l-punti 39, 40)