Language of document : ECLI:EU:T:2008:155

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Mejju 2008 (*)

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkwalifika ċerti miżuri meħuda mir-Repubblika Franċiża favur France 2 u France 3 bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura – Inammissibbiltà”

Fil-kawża T‑144/04,

Télévision française 1 SA (TF1), stabbilita f’Nanterre (Franza), irrappreżentata minn J.‑P. Hordies u C. Smits, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Buendía Sierra, M. Niejhar u C. Giolito, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, bħala aġent,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/838/KE, tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur France 2 u France 3 (ĠU 2004, L 361, p. 21),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-10 ta’ Marzu 1993, ir-rikorrenti, Télévision française 1 SA (TF1), proprjetarja tal-istazzjon televiżiv kummerċjali privat TF1, ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni dwar il-metodi ta’ finanzjament u ta’ operat ta’ France 2 u France 3, żewġ stazzjonijiet televiżivi pubbliċi Franċiżi. Dan l-ilment kien jallega ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 87 KE.

2        Fit-2 ta’ Frar 1996, ir-rikorrenti ressqet rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-Kummissjoni.

3        Permezz tas-sentenza tagħha tat-3 ta’ Ġunju 1999, TF1 vs Il-Kummissjoni (T-17/96, Ġabra p. II-1757), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkundannat lill-Kummissjoni wara li kkonstatat li din l-istituzzjoni kienet naqset milli tieħu azzjoni safejn din kienet naqset milli tadotta deċiżjoni dwar il-parti tal-ilment tar-rikorrenti li kienet tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat.

4        Fis-27 ta’ Settembru 1999, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 88(2) KE, fir-rigward tas-sussidji ta’ investiment irċevuti minn France 2 u France 3 kif ukoll tal-allokazzjonijiet ta’ kapital magħmula favur France 2 bejn l-1988 u l-1994.

5        Permezz tad-Deċiżjoni 2004/838/KE, tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur France 2 u France 3 (ĠU 2004, L 361, p. 21, iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ddeċidiet li “[i]s-sussidji ta’ investiment mogħtija minn Franza lil France 2 u France 3 kif ukoll l-allokazzjonijiet ta’ kapital magħmula minn Franza favur France 2 bejn l-1998 u l-1994 [kienu] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 86(2) KE” (l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax il-ħlas għad-dritt ta’ użu ta’ siti riċevituri tat-televiżjoni stabbilit mil-liġi Franċiża Nru 49-1032, tat-30 ta’ Lulju 1949, peress li dan il-ħlas kien eskluż mid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni kkomunikat kopja tad-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti, li rċevietha fl-4 ta’ Frar 2004.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza permezz ta’ faks tat-13 ta’ April 2004, bl-oriġinal iddepożitat fir-Reġistru fil-15 ta’ April ta’ wara, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors preżenti.

8        Permezz ta’ att tad-9 ta’ Lulju 2004, ir-Repubblika Franċiża talbet sabiex tintervjeni fil-proċedura preżenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Din it-talba ntlaqgħet permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Settembru 2004.

9        Billi l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet b’effett mit-13 ta’ Settembru 2004, l-Imħallef Relatur ġie assenjat, fil-kwalità ta’ President, lill-Ħames Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–         tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż u tiddeċiedi skont il-liġi, fuq dan il-punt, fir-rigward tar-Repubblika Franċiża.

11      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors u fir-rigward tal-ispejjeż, tilob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala manifestament infondat fid-dritt;

–         tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

12      Fir-replika, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tordna l-produzzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ ittra li din l-istituzzjoni bagħtet, fl-10 ta’ Diċembru 2003, lill-awtoritajiet Franċiżi u li fiha kienet stidnithom jagħmlu osservazzjonijiet u suġġerimenti bil-għan li tiġi emendata s-sistema legali tal-ħlas.

 Id-dritt

13      Skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’deċiżjoni meħuda skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 114(3) u (4) tal-istess regoli, tista’, f’kull waqt, ex officio u wara li tisma’ lill-partijiet, tiddeċiedi fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, fosthom l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu sabiex jitressaq ir-rikors u minħabba l-ksur tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

14      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun manifestament inkompetenti li tieħu konjizzjoni ta’ rikors, jew fil-każ li tali rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, mingħajr ma tkompli l-proċedura, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

15      Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors preżenti mingħajr ma tinfetaħ il-proċedura orali u mingħajr ma tordna l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tat-terminu sabiex jitressaq ir-rikors

16      Huwa paċifiku bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni li t-terminu sabiex jitressaq rikors beda jiddekorri mill-komunikazzjoni minn din l-istituzzjoni lir-rikorrenti tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fl-4 ta’ Frar 2004, u li dan it-terminu skada fl-14 ta’ April 2004 f’nofs-il lejl.

17      Madankollu, il-Kummissjoni, peress li tikkonstata li r-rikors ġie mressaq permezz ta’ faks fit-13 ta’ April 2004, segwit mid-depożitu tar-rikors oriġinali fil-15 ta’ April 2004, tħalli f’idejn il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet imperattivi previsti fl-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura humiex sodisfatti.

18      Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ir-rikors għal annullament għandu jitressaq fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-att, jew minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih, skont il-każ.

19      Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kriterju tad-data meta r-rikorrent isir jaf bl-att bħala d-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu sabiex jitressaq rikors huwa ta’ natura sussidjarja fil-konfront tal-kriterji tad-data tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika tal-att (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 2005, Tramarin vs Il-Kummissjoni, T-426/04, Ġabra p. II-4765, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Barra minn hekk, fir-rigward tal-atti li, skont prassi stabbilita tal-istituzzjoni kkonċernata, huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, minkejja li din il-pubblikazzjoni mhijiex kundizzjoni meħtieġa għall-applikabbiltà tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettaw li l-kriterju tad-data ta’ meta r-rikorrent isir jaf bl-att mhuwiex applikabbli u li t-terminu sabiex jitressaq rikors jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni. F’tali ċirkustanzi, fil-fatt, it-terzi persuni kkonċernati jistgħu leġittimament jistennew li l-att inkwistjoni ser jiġi ppubblikat (ara d-digriet Tramarin vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 19 iktar’il fuq, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Fil-kawża preżenti, inkonformità mal-obbligu li hija għandha skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1), il-Kummissjoni ppublikat id-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-8 ta’ Diċembru 2004.

22      Għaldaqstant, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu sabiex jitressaq ir-rikors beda jiddekorri “minn tmiem l-erbatax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ […] l-att fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”, jiġifieri mit-22 ta’ Diċembru 2004 f’nofs-il lejl, u mhux, kif jikkunsidraw b’mod żbaljat kemm ir-rikorrenti u kemm il-Kummissjoni, mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti. B’hekk, u b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, tal-Artikolu 101 u tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu sabiex jitressaq ir-rikors skada nhar il-Ġimgħa l-4 ta’ Marzu 2005 f’nofs il-lejl.

23      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors fit-13 ta’ April 2004, jiġifieri diversi xhur qabel id-data stess li minnha beda jiddekorri t-terminu sabiex jitressaq ir-rikors. Għaldaqstant, ir-rikors huwa ammissibbli safejn ġie ppreżentat fit-terminu previst.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura u fuq in-natura manifestament infondata tiegħu

24      Mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni li r-rikors huwa inammissibbli fit-totalità tiegħu peress li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li dawk l-ilmenti tar-rikorrenti li għalihom hija tipprova tagħti risposta fuq il-mertu huma manifestament infondati.

25      Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors tagħha huwa ammissibbli. Bħall-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet, l-obbligu ta’ preċiżjoni tar-rikors jiġi sodisfatt meta l-att jagħmel parti minn kuntest legali magħruf. Issa, ir-rikors mhuwiex ħlief ir-riżultat prevedibbli ta’ differenza ta’ opinjoni bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni li ħarġet waqt il-proċedura amministrattiva. Ir-rikors għalhekk seta’ jsir b’mod qasir, b’tali mod li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora l-motivi indikati fih, anki b’mod impliċitu, u ppreżentat, barra minn hekk, difiża fuq il-mertu. Billi tallega li ma fehmitx il-motivi invokati, il-Kummissjoni tikkonkludi li m’hemmx motivi. Meta tagħmel dan, hija tinterpreta b’mod wiesa’ wisq il-portata tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ rikors.

26      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva, qabel kollox, li l-inammissibbiltà mqajma fil-kawża preżenti ma tikkonċernax nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rikors fir-rigward tal-identifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jew fir-rigward tal-espressjoni tat-talbiet ta’ dan ir-rikors. Għall-kuntrarju, ma jistax jiddaħħal inkwistjoni l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija identifikata b’mod ċar fir-rikors u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar huma intiżi b’mod espress għall-annullament tad-deċiżjoni u għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Huwa kontra r-rikors ikkunsidrat fil-kuntest ta’ kull wieħed mill-ilmenti tiegħu li tqajmet l-inammissibbiltà, fis-sens li ebda wieħed minn dawn l-ilmenti li joħorġu, jew li jidhru li joħorġu mir-rikors, ma jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa mill-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Huwa għaldaqstant fil-konfront ta’ kull wieħed minn dawn l-ilmenti, jekk ikun il-każ miġbura f’motivi, li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ ammissibbiltà.

28      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati.

29      Skont ġurisprudenza stabbilita, din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-parti konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra insostenn tiegħu. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li r-rikors ikun ibbażat fuqhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess. Għalkemm dan it-test jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet speċifiċi minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjali fir-rikors. M’huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li dawn l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T‑56/92, Ġabra p. II-1267, punt 21; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II 931, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II-5527, punti 55 sa 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-eżami tal-konformità tar-rikors mar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-kontenut tar-replika mhuwiex, bħala ipoteżi, rilevanti. B’mod partikolari, l-ammissibbiltà, ammessa mill-ġurisprudenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T-106/95, Ġabra p. II-229, punt 125, u tat-28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il-Kummissjoni, T-14/96, Ġabra p. II-139, punt 66), tal-motivi u tal-argumenti mressqa fir-replika bħala amplifikazzjoni tal-motivi li jinsabu fir-rikors ma tistax tiġi invokata, mingħajr ma l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura jiġi mċaħħad minn kull portata, sabiex tagħmel tajjeb għan-nuqqas, imwettaq meta ġie ppreżentat ir-rikors, li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu.

31      Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti Komunitarji, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, fil-każ ta’ att adottat minn istituzzjoni, l-obbligu li tingħata motivazzjoni fl-att jista’ effettivament jiġi mmitigat meta d-destinatarju tiegħu jkollu konoxxenza tajba tal-kuntest li fih ġie adottat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1981, Arning vs Il-Kummissjoni, 125/80, Ġabra p. 2539, punt 13, u tas-7 ta’ Marzu 1990, Hecq vs Il-Kummissjoni, C-116/88 u C-149/88, Ġabra p. I-599, punt 26; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Lulju 1997, B vs Il-Parlament, T-123/95, ĠabraSP p. I-A 245 u II-697, punt 51), din il-possibbiltà ta’ mitigazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi applikata b’analoġija għar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni suffiċjenti ta’ rikors imressaq quddiem il-qorti Komunitarja. Fil-fatt, dawn ir-rekwiżiti huma meħtieġa, b’mod partikolari, fl-interess tal-qorti Komunitarja, li ma jkollha ebda konoxxenza minn qabel tal-kawża mressqa quddiemha. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fid-definizzjoni tat-termini tad-dibattitu ġudizzjarju kif ukoll li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeskludu li l-preżunta konoxxenza tajba tal-proċess mill-istituzzjoni awtriċi tal-att tiġi kkunsidrata bħala motiv li jippermetti li jiġu evitati r-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

32      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-motivi mqajma fir-rikors.

33      Ir-rikors fih, formalment, żewġ motivi ta’ annullament. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-motivazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata u l-ksur tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 86(2) KE u tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE, tal-25 ta’ Ġunju 1980, fuq it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjari bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (ĠU L 195, p. 35), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 93/84/KEE, tat-30 ta’ Settembru 1993 (ĠU L 254, p. 16), u tal-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri (ĠU 1997, C 340 p. 109, iktar’il quddiem il-“Protokoll ta’ Amsterdam”), anness mat-Trattat KE mit-Trattat ta’ Amsterdam.

 Fuq l-ewwel motiv

34      Dan il-motiv huwa s-suġġett tal-punti 32 sa 41 tar-rikors. Il-punti 32 sa 37 tar-rikors huma madankollu sempliċement deskrizzjoni tal-analiżi tal-Kummissjoni, analiżi li fit-tmiem tagħha din l-istituzzjoni kkunsidrat li l-funzjonijiet fdati lil France 2 u lil France 3 jikkostitwixxu servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali (iktar’il quddiem is-“SIEĠ”) fis-sens tal-Artikolu 86(2) KE.

35      It-test tal-ewwel ilment imressaq fil-kuntest ta’ dan il-motiv jibda fil-punt 38 tar-rikors. Fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt, ir-rikorrenti “tikkunsidra [...] li l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni ma tikkunsidrax diversi elementi determinanti li kienu jwasslu għal konklużjoni kuntrarja”.

36      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, minkejja din il-kunsiderazzjoni inizjali, li donnha tiddikjara kontestazzjoni min-naħa tar-rikorrenti li l-funzjonijiet ta’ France 2 u ta’ France 3 jistgħu jikkostitwixxu, fihom infushom, SIEĠ, il-punti ta’ wara l-punt 38 tar-rikors ma fihom ebda element f’dan is-sens. B’hekk ir-rikorrenti b’ebda mod ma telabora din il-kontestazzjoni possibbli u lanqas ma tevoka l-kunsiderazzjonijiet, anki jekk dettaljati, espressi mill-Kummissjoni fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ France 2 u ta’ France 3, fil-premessi 69 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata.

37      Mill-punti ta’ wara l-punt 38 tar-rikors jidher li fir-realtà r-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx allegata identiċità, “fil-parti essenzjali tagħhom”, bejn, minn naħa, il-funzjonijiet mogħtija fl-ispeċifikazzjonijiet tagħhom lil France 2 u France 3 u, min-naħa l-oħra, l-obbligi imposti, fl-ispeċifikazzjonijiet tagħha stess, fuq ir-rikorrenti. Jidher li, skont ir-rikorrenti, din l-allegata identiċità “fil-parti essenzjali tagħhom” kellha twassal lill-Kummissjoni sabiex ma tikkonkludix li l-funzjonijiet ta’ France 2 u ta’ France 3 jikkostitwixxu SIEĠ.

38      Madankollu, ir-rikorrenti tesprimi dan l-ilment mingħajr ma tinvoka, lanqas b’mod impreċiż, il-funzjonijiet u l-obbligi inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet li hija tinvoka. B’mod partikolari, hija ma tippreċiża b’ebda mod jekk l-allegata identiċità invokata minnha tirrigwardax kategoriji ta’ programmi mxandra, eventwali rekwiżiti kwalittattivi applikabbli għall-programmi fit-totalità tagħhom jew inkella tipi oħra ta’ obbligi.

39      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dan l-ilment tar-rikorrenti, kif ippreżentat fir-rikors, huwa nieqes mill-minimu ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġ, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

40      F’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li anki li kieku dan l-ilment jista’ jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli fir-rigward tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa jkollu jiġi miċħud bħala manifestament infondat fin-nuqqas ta’ kull element ta’ prova mressaq insostenn tiegħu.

41      Fil-fatt, f’anness mar-rikors, ir-rikorrenti la ppreżentat l-ispeċifikazzjonijiet ta’ France 2 u ta’ France 3 u lanqas l-ispeċifikazzjonijiet tagħha stess. Fir-rigward tal-produzzjoni, fil-fażi tar-replika, ta’ analiżi komparattiva, imwettqa mir-rikorrenti, ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li tali produzzjoni, li d-dewmien tagħha ma kien is-suġġett ta’ ebda ġustifikazzjoni valida, hija inammissibbli b’applikazzjoni tal-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, u għal finijiet ta’ kompletezza, din l-analiżi komparattiva tidher mill-ewwel li mhijiex rilevanti peress li tirrigwarda perijodu sussegwenti għax-xahar ta’ Lulju 1996, filwaqt li l-perijodu ta’ stħarriġ ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata jestendi bejn l-1988 u l-1994.

42      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel ilment tar-rikorrenti, dwar il-kwalifikazzjoni tal-funzjonijiet fdati lil France 2 u lil France 3 bħala SIEĠ, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura u, f’kull każ, bħala manifestament infondat.

43      Fl-ewwel subparagrafu tal-punt 39 tar-rikors, ir-rikorrenti tiddikjara, f’dak li jippreżenta ruħu bħala t-tieni lment, li hija tikkontesta l-analiżi u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-kumpens finanzjarju mogħti mir-Repubblika Franċiża lill-istazzjonijiet pubbliċi tagħha.

44      Madankollu, ebda element fis-subparagrafi segwenti tal-punt 39 ma jippermetti li wieħed jifhem preċiżament b’liema mod ir-rikorrenti tikkontesta l-analiżi u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

45      It-tieni, is-sitt u s-seba’ subparagrafi ta’ dan il-punt jiddeskrivu, fil-fatt, ir-regoli applikabbli jew l-approċċ tal-Kummissjoni u għalhekk ma fihom ebda argument preċiż. It-tielet subparagrafu, li l-formulazzjoni tiegħu, barra minn hekk, ftit hija ċara, jidher li huwa ripetizzjoni tal-affermazzjonijiet, iddikjarati inammissibbli jew infondati, ippreżentati fil-kuntest tal-ewwel ilment.

46      Fir-raba’ u l-ħames subparagrafi ta’ dan il-punt, ir-rikorrenti tillimita ruħha, essenzjalment, biex tafferma li l-figuri ppreżentati fil-premessa 86 (tabella 4) tad-deċiżjoni kkontestata mhumiex kompluti u lanqas ma huma preċiżi. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li hija din l-akkuża li hija nieqsa minn kull spjegazzjoni.

47      Fit-tmien u l-aħħar subparagrafu tal-punt 39, ir-rikorrenti tirrikonoxxi, barra minn hekk, in-nuqqas, fir-rikors, ta’ kull żvilupp ta’ natura li jispjega l-ilment tagħha, peress li tiddikjara li hija “se tiżviluppa fl-atti segwenti tagħħa l-analiżi ekonomiċi neċessarji sabiex tikkontesta l-approċċ tal-Kummissjoni li fl-opinjoni tagħħa huwa ta’ natura kkontestabbli ħafna”.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

49      Fil-punt 40 tar-rikors, li jidher li jikkostitwixxi t-tielet ilment, ir-rikorrenti tiddikjara li “[i]l-Kummissjoni […] ikkunsidrat li l-prezzijiet ipprattikati minn France 2 u France 3, bejn l-1990 u l-1994, fir-rigward tar-riklami, ma jidhrux li kienu inqas b’mod sinjifikattiv minn dawk ipprattikati minn TF1 u M6, il-kompetituri privati tagħhom”. Hija żżid li, “[s]abiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq kriterju wieħed: il-prezz medju GRP (iddefinit fil-premessa 93 […] tad-deċiżjoni kkontestata)”. Ir-rikorrenti tiddikjara wkoll li hija “tikkontesta din l-analiżi u l-konklużjoni li tirriżulta minnha”.

50      Madankollu, fil-punti li jsegwu l-punt 40, ir-rikorrenti, minkejja din id-dikjarazzjoni, ma tikkontesta b’ebda mod l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, anki jekk dettaljati, li jinsabu fil-premessi 90 sa 100 tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, hija ma tispjegax kif l-użu mill-Kummissjoni, fl-analiżi tagħha, ta’ informazzjoni espressa f’termini ta’ GRP [Gross Rating Point (indikatur ta’ pressjoni tal-medja)], mhuwiex suffiċjenti.

51      Hija sempliċement tindika li “[h]ija tistaqsi dwar in-nuqqas ta’ analiżi fir-rigward tas-sempliċi fatt li l-istazzjonijiet pubbliċi, li għandhom żewġ netwerks, France 2 u France 3, joffru espożizzjoni usa’ meta mqabbla ma’ dik proposta mir-rikorrenti, ħaġa din li tista’ tispjega l-varjazzjonijiet fil-prezz ikkonstatati, minbarra l-fatt li l-istazzjonijiet pubbliċi, fil-parti kbira tagħhom sostnuti mill-għajnuna mill-Istat ikkontestata, m’għandhomx l-istess limiti ta’ profittabbiltà li jiffaċċjaw l-istazzjonijiet privati”.

52      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li r-rikorrenti, li tesprimi ruħha, barra minn hekk, f’termini inċerti fir-rigward tal-effetti tal-“espożizzjoni usa’” li hija tinvoka, ma tipprovdi ebda spjegazzjoni dwar xi tfisser din l-espressjoni. Madankollu, fir-rigward tal-fatt, li huwa evidenti prima facie, li telespettatur partikolari jara biss stazzjon wieħed fl-istess mument, l-espressjoni “espożizzjoni usa’” użata mir-rikorrenti u, għaldaqstant, l-eventwali raġunament li jista’ jkun wara din l-espressjoni huma, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe spjegazzjoni fir-rikors, ta’ natura partikolarment mhux ċara. Jekk, sabiex jifhem din l-espressjoni, wieħed jipprova jerġa’ jirriformulaha fis-sens li hija tirreferi għall-potenzjal tas-SIEĠ tax-xandir Franċiż, minħabba l-organizzazzjoni tiegħu f’żewġ stazzjonijiet, sabiex iżid l-espożizzjoni tal-programmi tiegħu, ħaġa li ma jistgħux jagħmlu x-xandara privati, din ir-riformulazzjoni ma twassal għal ebda kjarifika, fid-dawl tal-fatt, għal darba oħra, li telespettatur partikolari jara biss programm wieħed fl-istess mument. F’kull każ, ir-riferiment tar-rikorrenti għall-espressjoni oskura “espożizzjoni usa’” mhuwiex akkumpanjat b’xi raġunament li jdaħħal inkwistjoni, b’mod preċiż u dettaljat, l-evalwazzjonijiet konkreti mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet ilment, espress fil-punt 40 tar-rikors, huwa wkoll inammissibbli.

53      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel motiv ta’ annullament huwa inammissibbli f’kull wieħed mit-tliet ilmenti tiegħu u, f’kull każ, fir-rigward tal-ewwel wieħed, manifestament infondat.

 Fuq it-tieni motiv

54      Fil-punt 42 tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni li “il-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tad-Direttiva [80/723 kif emendata] meta ddeċidiet b’mod partikolari li din ma kinitx applikabbli għall-attività ta’ xandir ta’ stazzjonijiet pubbliċi qabel is-sena 2000 ([premessa] 81 tad-deċiżjoni kkontestata)”. Ir-rikorrenti żżid li “[d]an l-istess raġunament jirriżulta f’applikazzjoni mhux eżatta tal-[Protokoll ta’ Amsterdam]”.

55      Il-Kummissjoni tirrispondi li hija ma tidentifikax liema premessa tad-deċiżjoni kkontestata fiha din l-affermazzjoni li takkużaha biha r-rikorrenti. B’mod indipendenti mill-ammissibbiltà tiegħu, dan il-motiv huwa, f’kull każ, manifestament infondat.

56      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, għal darb’oħra, ir-rikorrenti tesprimi l-pożizzjoni tagħħa f’termini li mhumiex kompluti u li lanqas ma huma preċiżi. Fil-fatt, hija b’ebda mod ma tispjega kif l-allegata applikazzjoni żbaljata tad-Direttiva 80/723 kif emendata għandha twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, m’hemm ebda spjegazzjoni fir-rigward tar-riferiment għall-Protokoll ta’ Amsterdam.

57      Billi tagħmel dan, u bħal fil-kuntest tal-ewwel motiv ta’ annullament, ir-rikorrenti twassal, b’mod definittiv, kemm lill-istituzzjoni konvenuta u kif ukoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jipproċedu permezz ta’ konġetturi fir-rigward tar-raġunamenti u tal-kunsiderazzjonijiet preċiżi, kemm fattwali kif ukoll legali, li setgħu kienu ta’ natura li jissostanzjaw il-kontestazzjonijiet tagħha. B’mod partikolari, hija tali sitwazzjoni, li twassal għal nuqqas ta’ ċertezza legali u li mhijiex kompatibbli mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura għandu l-għan li jipprekludi.

58      Minn dan isegwi li l-motiv preżenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.

59      F’kull każ, l-allegazzjoni dwar applikazzjoni żbaljata tad-Direttiva 80/723 kif emendata hija manifestament infondata. Fil-fatt, fil-premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’ebda mod ma indikat li din id-direttiva ma kinitx applikabbli qabel is-sena 2000. Hija spjegat li l-obbligu ta’ separazzjoni tal-kontijiet stabbilit minn din id-direttiva ma kienx japplika għas-settur tat-televiżjoni matul il-perijodu kkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata.

60      Din l-affermazzjoni tal-Kummissjoni hija eżatta. Fil-fatt, kien biss permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/52/KE, tas-26 ta’ Lulju 2000 (ĠU L 193, p. 75) li l-obbligu li jinżammu kontijiet separati ġie introdott fid-Direttiva 80/723 kif emendata, u għalhekk dan l-obbligu ma kienx fis-seħħ matul il-perijodu kkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata.

61      Minn dan isegwi li, b’mod indipendenti anki mill-inammissibbiltà tiegħu, it-tieni motiv, li huwa bbażat fuq premessa żbaljata, huwa manifestament infondat.

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors preżenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, f’kull każ, fir-rigward tal-ewwel ilment tal-ewwel motiv u tat-tieni motiv, bħala manifestament infondat.

 Fuq l-ispejjeż

63      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(4), l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

64      Peress li r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni. Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Télévision française 1 SA (TF1) hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Il-Lussemburgu, 19 ta’ Mejju 2008.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.