Language of document : ECLI:EU:C:2020:539

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Lulju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali komuni – Dumping – Dritt antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 91/2009 – Validità – Regolament (KE) Nru 384/96 – Artikolu 2(10) u (11) – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża C‑104/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

Donex Shipping and Forwarding B.V.

vs

Staatsecretaris van Financiën

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby, K. Jürimäe (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Donex Shipping and Forwarding BV, minn Y. Melin, avukat, kif ukoll minn J. Biermasz, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn H. Marcos Fraile u B. Driessen, bħala aġenti, assistiti minn N. Tuominen, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. França u T. Maxian Rusche kif ukoll minn F. van Schaik u C. E. E. Zois, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 tas-26 ta’ Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 29, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Donex Shipping and Forwarding BV (iktar ’il quddiem “Donex”) u l-iStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi), dwar stediniet għall-ħlas ta’ dazji antidumping għall-importazzjoni, minn Donex, ta’ qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament bażiku

3        Fiż-żmien tal-fatti li wasslu għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat, fl-aħħar lok, bir-Regolament tal-Kunsill tal- 21 ta’ Diċembru 2005 (ĠU 2006, L 175M, p. 287 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

4        Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament bażiku:

“Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala mixtri taħt il-prezz jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.”

5        L-Artikolu 2(10) u (11) ta’ dan ir-regolament kien jistabbilixxi:

“10.      Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari fejn jidħlu tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Fejn il-kondizzjonijiet speċifikati huma milħuqa, il-fatturi li għalihom jista jsir aġġustament huma mniżżla kif ġej:

[…]

(b)      Ħlas fuq l-importazzjoni u taxxi indiretti

Għandu jsir aġġustament għall-valur normali għal ammont li jikkorrispondi ma’ kwalunkwe ħlas fuq l-importazzjoni jew taxxi indiretti li jiġu mħallsa fuq il-prodott simili u minn materjali fiżikament inkorporati hemmhekk, meta maħsuba għal konsum fil-pajjiż ta’ esportazzjoni u mhux miġbura jew mogħtija lura fejn għandu x’jaqsam il-prodott esportat lill-Komunità.

[…]

k)      Fatturi oħra

Aġġustament jista’ jsir ukoll għal differenzi f’fatturi oħra li ma jkunux ipprovduti taħt is-subparagrafi minn (a) sa (j) jekk jiġi ippruvat li dawn jeffettwaw il-komparabilità fil-prezzijiet kif meħtieġ skond dan il-paragrafu, b’mod partikolari li x-xerrejja jħallsu regolarment prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba d-differenza f’fatturi ta’ din ix-xorta.

[…]

11.      Soġġetti għad-disposizzjonijiet rilevanti li jirregolaw paragun xieraq, l-eżistenza ta’ marġini ta’ bejgħ taħt il-prezz matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ paragun ta’ valur normali medju peżat ma’ medja peżata tal-prezzijiet tat-transizzjonijiet kollha ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità, jew b’paragun tal-valuri normali individwali u l-prezzijiet individwali ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità fuq bażi ta’ transizzjoni ma transizzjoni. Madanakollu, valur normali stabbilit fuq bażi ta’ medja peżata jista’ jiġi mqabbel ma prezzijiet tat-transizzjonijiet individwali kollha ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità, jekk hemm mudell ta’ prezzijiet ta’ l-esportazzjoni li ma jaqbilx b’mod sinifikanti fost xerrejja differenti, reġjuni jew perjodi ta’ żmien differenti, u jekk il-metodi speċifikati fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu ma kienux jirriflettu il-grad sħiħ tal-bejgħ taħt il-prezz ipprattikat. Dan il-paragrafu ma għandux iħalli barra l-użu ta’ teħid ta’ kampjuni skond l-Artikolu 17.”

 Ir-Regolament ikkontestat

6        Wara lment imressaq fit-26 ta’ Settembru 2007 mill-European Industrial Fasteners Institute (EIFI), il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat, fid-9 ta’ Novembru 2007, avviż ta’ bidu ta’ proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2007, C 267, p. 31).

7        L-investigazzjoni jkopri l-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007. Hija kienet tirrigwarda ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar, minbarra tal-azzar inossidabbli (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”).

8        Fl-4 ta’ Awwissu 2008, il-partijiet interessati kollha kienu mogħtija dokument ta’ informazzjoni li kien jinkludi fid-dettall it-talbiet preliminari f’dak l-istadju tal-investigazzjoni u li stieden lill-partijiet biex dawn jagħmlu parti mill-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett.

9        Fit-18 ta’ Settembru 2008, ġiet organizzata laqgħa kontradittorja. Il-partijiet interessati kollha li kienu ppreżentaw osservazzjonijiet dwar id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat attendew għal din il-laqgħa.

10      Fil-bidu tal-investigazzjoni, il-klassifikazzjoni tal-prodott ikkonċernat kienet ibbażata fuq in-numri ta’ kontroll tal-prodott. Wara din il-laqgħa kontradittorja, ġie deċiż li kellha tiġi integrata fil-karatteristiċi tal-prodott, meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u tad-dannu, distinzjoni bejn il-qfieli standard u l-qfieli speċjali, li ma kinux jidhru, fil-bidu, f’din il-klassifikazzjoni (premesssa 51 tar-Regolament ikkontestat). Sa fejn diversi importaturi u produtturi-esportaturi Ċiniżi sostnew li l-qfieli prodotti fil-pajjiż analogu ma kinux paragunabbli mal-qfieli esportati lejn il-Komunità mill-produtturi Ċiniżi, l-investigazzjoni wriet li kemm il-prodotti speċjali kif ukoll il-prodotti standard kienu mmanifatturati u mibjugħa fl-Indja u li dawn l-qfieli kellhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi essenzjali bħall-prodotti esportati miċ-Ċina (premessa 56 ta’ dan ir-regolament).

11      Fil-premessa 57 tar-regolament ikkontestat, ġie konkluż li l-qfieli prodotti u mibjugħa mill-industrija Komunitarja fil-Komunità, il-qfieli prodotti u mibjugħa fis-suq intern taċ-Ċina u dawk li kienu prodotti u mibjugħa fis-suq intern tal-Indja, li kien serva bħala pajjiż analogu, kif ukoll il-qfieli prodotti fiċ-Ċina u mibjugħa fil-Komunità kienu simili, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

12      Fir-Regolament ikkontestat, il-valur normali, fil-każ tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi li ma jibbenefikawx mill-istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, ġie stabbilit abbażi ta’ informazzjoni li toriġina minn produttur fil-pajjiż analogu. L-Indja serviet bħala pajjiż analogu fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u tal-ftuħ li kienu jikkaratterizzaw is-suq Indjan u fid-dawl tal-fatt li l-produttur Indjan li kien ikkoopera jbigħ tipi ta’ prodotti paragunabbli għal dawk li kienu jesportaw il-produtturi-esportaturi Ċiniżi (premessa 91 ta’ dan ir-regolament).

13      F’dan il-kuntest, il-premessi 97 u 98 tar-Regolament ikkontestat jistabbilixxu:

“(97)      Waħda mill-kumpaniji mogħtija eżami individwali u xi importaturi qalu li l-valur normali miksub minn produttur wieħed fl-Indja, li allegatament ma jipproduċix tipi simili ta’ qfieli bħall-kumpanija inkwistjoni, ma jipprovdix l-aħjar bażi għal tqabbil proprju. Għalhekk hi ssuġġeriet li, kif previst fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għandu jkun ikkalkulat “fuq kwalunkwe bażi raġjonevoli oħra”, f’dan il-każ abbażi taċ-ċifri proprji tal-esportaturi, aġġustati għad-distorsjonijiet allegati fl-ispejjeż tal-materja prima.

(98)      It-talba ta’ hawn fuq inċaħdet, għaliex instab li l-produttur Indjan, kif imsemmi fil-premessa (91), ukoll biegħ tipi ta’ qfieli li kienu komparabbli ma’ dawk esportati mill-produtturi esportaturi [Ċiniżi]. Barra dan, kif spjegat fil-premessa (103) hawn isfel, saru l-aġġustamenti xierqa li jaffettwaw il-komparabilità tal-prezz għall-valur normali.”

14      Fir-rigward tal-paragun tal-valur normali u tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, il-premessi 101 sa 104 tar-Regolament ikkontestat jesponu:

“(101)      Il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu mqabbla fuq bażi eks-ħidmiet. Sabiex ikun żgurat tqabbil ekwu bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, ingħata spazju debitu fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezz skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(102)      Il-tqabbil tal-prezz bejn il-qfieli esportati [miċ-Ċina] u dawk mibjugħa fis-suq Indjan mill-produttur Indjan li kkopera sar billi saret distinzjoni bejn tipi ta’ qfieli standard u speċjali.

(103)      Barra dan, abbażi ta’ evidenza miġbura fil-post, il-proċeduri tal-kontroll tal-kwalità applikati mill-produttur Indjan li d-dejta tiegħu ntużat biex ikun stabbilit il-valur normali kienu aktar avvanzati minn dawk osservati għand il-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkoperaw, li pproduċew u esportaw l-aktar tipi standard ta’ qfieli. F’dawn il-każijiet sar aġġustament abbażi tal-ispiża tal-kontroll tal-kwalità li kienet osservata għand il-produttur Indjan għall-valur normali Indjan.

(104)      Barra dan ta’ hawn fuq, ingħataw aġġustamenti adatti rigward trasport, assigurazzjoni, immaniġġjar u spejjeż anċillari, imballaġġ, kreditu, u spejjeż bankarji fil-każijiet kollha fejn instab li kienu raġonevoli, eżatti u appoġġjati minn evidenza vverifikata.”

15      Fir-rigward tal-kumpanniji li ma kkooperawx, il-marġni ta’ dumping applikabbli fuq skala nazzjonali għall-esportaturi l-oħra kollha fiċ-Ċina ġie kkunsidrat bħala li jammonta għal 115.4 % tal-prezz caf fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju (premessa 111 tar-Regolament ikkontestat).

16      Fil-premessa 229 tar-regolament ikkontestat, il-marġni ta’ dannu applikabbli fuq skala nazzjonali ġie evalwat bħala li jammonta għal 85 % ta’ dan il-prezz.

17      L-Artikolu 1 (1) u (2) ta’ dan ir-regolament stabbilixxa dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar, minbarra dawk tal-azzar inossidabbli, li joriġinaw miċ-Ċina. Dan id-dazju jammonta għall- “kumpanniji l-oħra kollha” bħal dawk indikati b’isimhom, għal 85 %.

18      Fit-28 ta’ Lulju 2011, il-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (iktar ’il quddiem il-“KFT”) adotta r-rapport tal-Korp tal-Appell stabbilit fi ħdan din tal-aħħar kif ukoll ir-rapport tal-grupp speċjali, emendat mir-rapport ta’ dan il-Korp tal-Appell, fil-kawża “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri antidumping definittivi dwar ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina” (WT/DS 397) (iktar ’il quddiem, flimkien ir-“rapporti tal-2011”). F’dawn ir-rapporti, kien ikkonstatat, mir-regolament ikkontestat, li l-Unjoni kienet kisret ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-WTO.

 Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nri 924/2012, (UE) 2015/519 u (UE) 2016/278

19      Ir-Regolament ikkontestat ġie emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 924/2012 tal-4 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 275, p. 1), sabiex jikkoreġi l-aspetti tal-ewwel minn dawn ir-regolamenti meqjusa inkoerenti mil-KFT fir-rapporti tal-2011 u sabiex dan isir konformi mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-KFT.

20      L-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012 issostitwixxa r-rata tad-dazju antidumping stabbilita, permezz tar-regolament ikkontestat, għall- “kumpaniji l-oħra kollha”, b’rata li togħla għal 74.1 %.

21      Skont l-Artikolu 2 tiegħu, dan ir-regolament daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Ottubru 2012.

22      Id-dazju antidumping hekk emendat inżamm, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/519 tas-26 ta’ Marzu 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2015, L 82, p. 78).

23      Fit-18 ta’ Jannar 2016, il-KFT adotta r-rapport tal-korp tal-Appell kif ukoll ir-rapport tal-grupp speċjali kif immodifikat bir-rapport ta’ dan il-korp tal-Appell fil-każ “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri anti-dumping definittivi dwar ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina – Riferiment taċ-Ċina għall-Artikolu 21.5 tal-Memorandum tal-ftehim dwar ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim” (WT/DS 397/RW) (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rapporti tal-2016”). F’dawn ir-rapporti, ġie kkonstatat li, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012, l-Unjoni kienet kisret ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-WTO.

24      Wara dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/278 tas-26 ta’ Frar 2016 li jħassar id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU 2016, L 52, p. 24).

25      L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jħassar id-dazju antidumping stabbilit mir-Regolament ikkontestat, emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012 u miżmum bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/519.

26      Skont l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/278, dan it-tħassir daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2016 u ma kienx iservi ta’ bażi għar-rimbors tad-dazji miġbura qabel din id-data.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27      Matul is-sena 2011, Donex ippreżentat dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li hija importat f’isem kumpannija Olandiża, li kienet xtrathom mingħand żewġ fornituri stabbiliti fit-Tajlandja. F’dawn id-dikjarazzjonijiet, Donex semmiet lit-Tajlandja bħala l-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawn l-elementi.

28      Wara investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) ġie rrilevat li dawn l-oġġetti kienu joriġinaw fir-realtà, miċ-Ċina u kienu għalhekk suġġetti għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping skont ir-Regolament ikkontestat.

29      Konsegwentement, stediniet għall-ħlas tad-dazji antidumping, iddatati 4 ta’ Ġunju 2014, intbagħtu lil Donex. Dawn id-dazji ġew stabbiliti bl-applikazzjoni tar-rata ta’ 85 % li tapplika għall-“kumpanniji l-oħra kollha”.

30      Donex ikkontestat dawn l-istediniet sabiex tħallas quddiem ir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi), u sussegwentement fl-appell quddiem il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2016, din tal-aħħar ċaħdet l-appell ippreżentat quddiemha, billi ċaħdet, b’mod partikolari, l-argumenti li permezz tagħhom Donex kienet ikkontestat il-validità tar-Regolament ikkontestat.

31      Huwa kontra din id-deċiżjoni li Donex appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). Quddiem din il-qorti, Donex irrepetiet l-argumenti tagħha li permezz tagħhom hija kienet ikkontestat il-validità tar-Regolament ikkontestat.

32      Din il-qorti tenfasizza li l-konklużjonijiet li huma misluta fir-Regolament ikkontestat għandhom jinqraw fid-dawl kemm tal-premessi ta’ dan ir-regolament kif ukoll ta’ dawk tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012.

33      Fl-ewwel lok, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-validità tar-Regolament ikkontestat fid-dawl tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping. Fil-fehma tagħha, mill-premessi 97 u 98 tar-Regolament ikkontestat, moqrija flimkien mal-premessa 109 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012, jirriżulta li l-esportazzjonijiet Ċiniżi ta’ ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat, li għalihom ma jeżistix tip ta’ prodott korrispondenti mmanifatturat u mibjugħ mill-produttur tal-pajjiż analogu, ġew esklużi mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Issa, tali esklużjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, kif jirriżulta mis-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269).

34      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-soluzzjoni mogħtija f’din is-sentenza tistax tiġi trasposta għal din il-kawża u jekk l-illegalità li tivvizzja r-Regolament ikkontestat hijiex suffiċjentement gravi sabiex tiġġustifika li jiġi ddikjarat invalidu.

35      Fit-tieni lok, din il-qorti tistaqsi dwar il-validità tar-Regolament ikkontestat fid-dawl tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

36      L-ewwel nett, l-imsemmija qorti tosserva li l-Kummissjoni rrifjutat, waqt l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012, li twettaq l-aġġustamenti mitluba, marbuta mat-taxxi fuq l-importazzjoni, mat-taxxi indiretti fuq il-materja prima mibjugħa fil-pajjiż ta’ referenza kif ukoll mad-differenzi fl-ispejjeż tal-manifattura, b’tali mod li jista’ jiġi preżunt li r-Regolament ikkontestat lanqas ma kien ħa inkunsiderazzjoni tali talbiet għal aġġustamenti. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar din il-kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269), huwa neċessarju li ssir domanda preliminari f’dan ir-rigward.

37      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament ikkontestat huwiex invalidu minħabba l-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi, fi żmien utli matul l-investigazzjoni, l-informazzjoni neċessarja, b’mod partikolari ċ-ċifri tal-produttur Indjan relatati mad-determinazzjoni tal-valur normali, lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi, u b’hekk ipprekludiethom milli jsostnu t-talbiet tagħhom għal aġġustamenti.

38      Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk dan il-ksur huwiex suffiċjentement serju sabiex dan ir-regolament jiġi ddikjarat invalidu.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-Regolament [ikkontestat] huwa invalidu fir-rigward ta’ importatur stabbilit fl-Unjoni minħabba ksur tal-Artiklu 2(11) tar-Regolament [bażiku] sa fejn il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping għall-prodotti kkonċernati ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi li ma jikkooperawx, eskluda t-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni ta’ ċerti tipi tal-prodott mill-paragun imsemmi f’dan l-artikolu?

2)      Ir-Regolament [ikkontestat] huwa invalidu fir-rigward ta’ importatur stabbilit fl-Unjoni minħabba ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament [bażiku] sa fejn, fil-kuntest tal-kalkolu tal-estent tal-marġni ta’ dumping għall-prodotti kkonċernati, [il-Kunsill u l-Kummissjoni] rrifjutaw li jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-paragun tal-valur normali ta’ prodotti ta’ produttur Indjan mal-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ prodotti Ċiniżi simili, aġġustamenti marbuta mad-dazji tal-importazzjonijiet fuq materja prima u taxxi indiretti fil-pajjiż ta’ riferiment (jiġifieri l-Indja) u ma’ differenzi fil-produzzjoni (fl-ispejjeż tal-produzzjoni) u/jew sa fejn [il-Kunsill u l-Kummissjoni], matul l-investigazzjoni, ma pprovdewx lill-produtturi esportaturi Ċiniżi li jikkooperaw (fi żmien xieraq) id-data kollha tal-produttur Indjan fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali?”

 Fuq id-domandi preliminari

40      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament ikkontestat huwiex invalidu għal tliet raġunijiet, li huma bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku u, it-tieni u t-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 2(10) ta’ dan l-aħħar regolament.

41      Preliminarjament, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar il-validità tar-Regolament ikkontestat huma bbażati, parzjalment, fuq qari ta’ dan ir-regolament imwettaq flimkien mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012, li l-Qorti tal-Ġustizzja annullat permezz tas-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269), sa fejn dan kien jikkonċerna lir-rikorrenti fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza.

42      F’dan ir-rigward, mill-kronoloġija taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kif ippreżentata mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li huwa b’applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat, applikabbli biss ratione temporis għal dawn iċ-ċirkustanzi, li ġew iddeterminati d-dazji antidumping, bir-rata ta’ 85 %, li huma s-suġġett tal-istediniet għall-ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43      Issa, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-validità ta’ att, li għandha ssir mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha normalment tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni li teżisti fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan l-att (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, SAM Schiffahrt u Stapf, C‑248/95 u C‑249/95, EU:C:1997:377, punt 46, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2009, Gaz de France – Berliner Investissement, C‑247/08, EU:C:2009:600, punt 49).

44      Minn dan isegwi li kemm l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012 kif ukoll l-annullament parzjali tiegħu permezz tas-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269), ma jistax ikollhom effett fuq il-validità tar-Regolament ikkontestat, peress li dawn iż-żewġ ċirkustanzi seħħew wara l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament.

45      It-tieni nett, sa fejn il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet ikkonċernati l-oħra msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzaw il-kwistjoni tal-effett tar-rapporti tal-2011 u tal-2016 fuq il-validità tar-Regolament ikkontestat, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-validità ta’ dan ir-regolament ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tar-rapporti tal-2011.

46      Fil-fatt, huwa biss f’żewġ sitwazzjonijiet eċċezzjonali, li jirrigwardaw ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita huwa stess il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu fl-applikazzjoni tar-regoli tal-WTO, li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li hija l-qorti tal-Unjoni, jekk ikun il-każ, li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-Ftehim WTO jew ta’ deċiżjoni tal-KFT li tikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-ftehimiet. Din hija, fl-ewwel lok, l-ipoteżi fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplimenta obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet u, fit-tieni lok, fejn l-att tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehimiet stess (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, Rotho Blaas, C‑207/17, EU:C:2018:840, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Issa, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament ikkontestat ma jirreferix espressament għal dispożizzjonijiet tal-liġi tal-WTO u lanqas ma juri li, billi adotta dan ir-regolament, il-Kunsill kellu l-intenzjoni li jimplimenta obbligu partikolari assunt f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, ir-rapporti tal-2011 saru wara dan ir-regolament u għalhekk ma jistgħux jikkostitwixxu l-bażi legali tagħhom (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, Rotho Blaas, C‑207/17, EU:C:2018:840, punt 51).

48      Għal dawn l-istess motivi, il-validità tar-Regolament ikkontestat lanqas ma tista’ tiġi evalwata fid-dawl tar-rapporti tal-2016.

49      Wara li ġew ifformulati dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament it-tliet motivi ta’ invalidità mressqa mill-qorti tar-rinviju.

50      Fl-ewwel lok, din il-qorti tistaqsi dwar jekk ir-Regolament ikkontestat huwiex ivvizzjat bi ksur tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, sa fejn, sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dumping għall-produtturi-esportaturi Ċiniżi li ma kkooperawx, il-Kunsill eskluda mill-paragun imsemmi f’din id-dispożizzjoni t-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni ta’ ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat.

51      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku jipprevedi żewġ metodi ta’ paragun tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun xi jkun il-metodu ta’ paragun magħżul, il-Kunsill u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem, flimkien, l- “istituzzjonijiet tal-Unjoni”) huma obbligati, għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, li jieħdu inkunsiderazzjoni t-tranżazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni relatati mal-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni, kif iddefinit fil-ftuħ tal-investigazzjoni, u ma jistgħux, għaldaqstant, jeskludu tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni relatati ma’ ċerti tipi ta’ dan il-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill, C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269, punti 53, 60, 61 u 68).

52      F’dan il-każ, kuntrarjament għall-premessa li fuqha huwa bbażat l-ewwel motiv ta’ invalidità, minn ebda premessa tar-Regolament ikkontestat u lanqas minn ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u, b’mod iktar speċifiku, waqt il-paragun tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni fid-dawl tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni eskludew tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni relatati ma’ ċerti tipi tal-prodott ikkunsidrat.

53      Għall-kuntrarju, l-ewwel nett, kemm il-premessi 56 u 57 kif ukoll il-premessa 102 tar-Regolament ikkontestat jissuġġerixxu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni effettivament ħadu inkunsiderazzjoni t-tranżazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni relatati mal-prodott ikkonċernat għall-finijiet tal-paragun tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni. Fil-fatt, skont il-premessi 56 u 57 ta’ dan ir-regolament, l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament uriet li l-qfieli kemm speċjali kif ukoll standard kienu mmanifatturati u mibjugħa fl-Indja u li l-qfieli prodotti u mibjugħa mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi u dawk prodotti u mibjugħa fis-suq intern tal-Indja kellhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi essenzjali u li kienu simili. Fir-rigward tal-premessa 102 tal-imsemmi regolament, din tagħmel distinzjoni bejn it-tipi standard u t-tipi speċjali ta’ qfieli.

54      Ebda konklużjoni oħra ma tista’ tinsilet mill-premessi 97 u 98 tar-Regolament ikkontestat, li l-qorti tar-rinviju ssemmi speċifikament fil-motivi tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, dawn il-premessi sempliċement jirrilevaw, b’risposta għal argument imressaq matul l-investigazzjoni, li l-produttur Indjan kien ibigħ tipi ta’ qfieli paragunabbli għal dawk esportati mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi u li, sabiex tiġi żgurata l-paragunabbiltà tal-prezzijiet, saru aġġustamenti xierqa għall-valur normali.

55      F’dan il-kuntest, għalkemm, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għamlu aġġustamenti tal-valur normali sabiex jiżguraw il-paragunabbiltà tal-prezzijiet, dan il-fatt bl-ebda mod ma jimplika li huma eskludew it-tranżazzjonijiet relatati ma’ ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat waqt il-paragun tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni. Fil-fatt, il-paragunabbiltà tal-prezzijiet tittieħed inkunsiderazzjoni, mhux fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, iżda f’dak tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill, C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269, punt 68).

56      It-tieni nett, għandu jingħad ukoll li, b’risposta għal talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni pproduċiet quddiemha d-dettalji tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping għall-produtturi-esportaturi Ċiniżi li ma kkooperawx, flimkien ma’ spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ dan il-kalkolu. Minn analiżi ta’ dawn l-elementi jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ħadu sistematikament inkunsiderazzjoni t-tranżazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu.

57      Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jiġu kkritikati talli eskludew, għall-finijiet tal-kalkolu, fir-Regolament ikkontestat, mill-marġni ta’ dumping għall-produtturi-esportaturi Ċiniżi li ma kkooperawx, mit-tranżazzjonijiet marbuta ma’ ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat, matul il-paragun imsemmi fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku.

58      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk ir-Regolament ikkontestat huwiex ivvizzjat bi ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, minħabba li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-importanza tal-marġni ta’ dumping għall-prodotti kkunsidrati, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni rrifjutaw li jieħdu inkunsiderazzjoni, waqt il-paragun tal-valur normali tal-prodotti tal-produttur Indjan u tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodotti Ċiniżi simili, aġġustamenti marbuta mat-taxxi fuq l-importazzjoni u mat-taxxi indiretti fl-Indja kif ukoll kif ukoll mad-differenzi ta’ manifattura u mal-ispejjeż ta’ manifattura.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jipprovdi li, f’każ fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ paragun xieraq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-forma ta’ aġġustament, differenzi fil-fatturi li fir-rigward tagħhom huwa pretiż u pprovat li jaffettwaw il-prezzijiet.

60      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk parti titlob, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, aġġustamenti intiżi sabiex jirrendu paragunabbli l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dumping, din il-parti għandha tipproduċi l-prova li t-talba tagħha hija ġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-7 ta’ Mejju 1987, Nachi Fujikoshi vs Il-Kunsill, 255/84, EU:C:1987:203, punt 33, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 58).

61      F’dan il-każ, mill-premessi 101 sa 104 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għamlu ċerti aġġustamenti sabiex iwettqu paragun xieraq tal-valur normali u tal-prezzijiet tal-esportazzjoni.

62      Min-naħa l-oħra, ma jidhirx li tressqu quddiem l-istituzzjonijiet tal-Unjoni talbiet intiżi sabiex jinkisbu aġġustamenti marbuta mat-taxxi fuq l-importazzjoni u mat-taxxi indiretti fl-Indja kif ukoll għal differenzi fil-produzzjoni u fl-ispejjeż tal-manifattura.

63      Din l-aħħar ċirkustanza hija kkonfermata mill-analiżi tal-osservazzjonijiet kollha li l-Kummissjoni rċeviet, matul l-investigazzjoni, mingħand il-partijiet interessati, wara li ntbagħat id-dokument ta’ informazzjoni lil dawn il-partijiet kollha. Fil-fatt, dawn l-osservazzjonijiet, li l-Kummissjoni ppreżentat, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’din il-kawża, ma jirreferu għal ebda talba għal aġġustamenti bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

64      Għaldaqstant, fl-assenza ta’ kwalunkwe talba għal aġġustamenti, bħal dawk imsemmija fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, u fl-assenza ta’ kull element intiż li jistabbilixxi l-fondatezza ta’ tali aġġustamenti, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jiġu kkritikati li naqsu milli jwettqu tali aġġustamenti fir-Regolament ikkontestat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat, fid-dawl tad-dibattiti li seħħew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet importatur, bħal Donex, jista’ jeċċepixxi, quddiem qorti nazzjonali, allegat nuqqas, minn dawn l-istituzzjonijiet, li jwettqu dawn l-aġġustamenti.

65      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk ir-Regolament ikkontestat huwiex ivvizzjat bi ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, minħabba li, matul l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tiegħu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma pprovdewx, jew ma pprovdewx fi żmien xieraq, lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi li kkooperaw, iċ-ċifri kollha tal-produttur Indjan dwar id-determinazzjoni tal-valur normali.

66      F’dan ir-rigward, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din il-qorti tqis li, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni, tal-inqas fil-ħin, ta’ dawn iċ-ċifri lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni pprekludew lil dawn tal-aħħar milli jsostnu b’mod sod it-talbiet tagħhom għal aġġustamenti. Bl-istess mod, Donex issostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-komunikazzjoni tardiva pprekludiet lil dawn il-produtturi-esportaturi milli jeżerċitaw b’mod adegwat id-dritt tagħhom li jitolbu aġġustamenti u li jsostnu t-talbiet tagħhom għal dan il-għan.

67      Bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jobbligax lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jipprovdu lill-partijiet ikkonċernati informazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-valur normali abbażi tal-prezzijiet tal-produttur tal-pajjiż analogu, jidher, hekk kif ġustament josservaw, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, li t-tielet motiv ta’ invalidità essenzjalment iwassal sabiex dawn l-istituzzjonijiet jiġu kkritikati li kisru d-drittijiet tad-difiża tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi li jkunu eżerċitaw id-drittijiet proċedurali tagħhom matul l-investigazzjojni li twassal għall-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati.

68      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kumpannija li ma pparteċipatx fi proċedura ta’ investigazzjoni ta’ dumping u li ma hija marbuta ma’ ebda produttur-esportatur tal-pajjiż ikkonċernat mill-investigazzjoni ma tistax tinvoka hija stess il-benefiċċju tad-drittijiet tad-difiża matul proċedura li fiha hija ma pparteċipatx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 73).

69      Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess għandu japplika, a fortiori, meta tali kumpannija jkollha l-intenzjoni li tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-produtturi-esportaturi tal-pajjiż ikkonċernat mill-investigazzjoni li hija bl-ebda mod ma hija marbuta magħhom.

70      Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sistema tal-proċedura antidumping, ir-Regolament bażiku jagħti lil ċerti persuni kkonċernati drittijiet u garanziji proċedurali, li l-eżerċizzju tagħhom jiddependi madankollu mill-parteċipazzjoni attiva ta’ dawn il-persuni fil-proċedura nnifisha, li għandha tesprimi ruħha, tal-inqas, permezz tat-tressiq ta’ talba bil-miktub f’terminu stabbilit.

71      F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li la Donex u lanqas il-fornituri tagħha ma pparteċipaw fil-proċedura ta’ investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat u, min-naħa l-oħra, li Donex ma tidhirx li hija marbuta ma’ produtturi-esportaturi Ċiniżi li pparteċipaw fiha. Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-kumpannija ma tistax tinvoka eventwali ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ dawn tal-aħħar.

72      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li t-tielet motiv ta’ invalidità huwa formalment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku minħabba żball li jivvizzja l-paragun ekwu tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni. L-iżball eventwali li jivvizzja dan il-paragun huwa biss, fil-fatt, il-konsegwenza potenzjali tal-ommissjoni allegata li jiġu kkomunikati, tal-inqas fi żmien xieraq, ċerti elementi lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi. Issa, kif diġà ġie rrileva fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, din l-ommissjoni tal-aħħar tikkostitwixxi, jekk tiġi stabbilita, ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ dawn tal-aħħar.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-eżami tagħhom ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament ikkontestat.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-eżami tad-domandi preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 tas-26 ta’ Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.