Rikors ippreżentat fl-10 ta' Mejju 2011 - Sanco vs UASI- Marsalman (Rappreżentazzjoni ta' tiġieġa)
(Kawża T-249/11)
Lingwa tar-rikors: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Sanco, SA (Barcelona, Spanja) (rappreżentanti: A. Segura Roda, avukat)
Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell: Marsalman, SL (Barcelona, Spanja)
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tikkonstata li r-rikors kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tas-17 ta' Frar 2011, fil-Każ R 1073/2010-2, ġie ppreżentat fit-terminu u fil-forma stabbiliti mil-liġi u, permezz ta' proċedura xierqa, tannulla l-imsemmija deċiżjoni u tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 6.675.383 għall-klassijiet kollha u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Applikant għat-trade mark Komunitarja: Marsalman, SL.
Trade mark Komunitarja kkonċernata: trade mark figurattiva mingħajr element testwali li tinkludi l-grafika ta' tiġieġa fi gwarniċ semi-ċirkolari (Applikazzjoni għal reġistrazzjoni Nru 6.675.383), għal prodotti fil-klassi 29 u għal servizzi fil-klassijiet 35 u 39.
Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-rikorrenti.
Trade mark jew sinjal invokat: trade mark Spanjola mingħajr elementi testwali li tinkludi l-grafika ta' tiġieġa fi gwarniċ ovali (Nru 2.727.182) għal prodotti fil-klassijiet 29 u 31.
Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa parzjalment.
Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud.
Motivi invokati: applikazzjoni u interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.
____________