Language of document : ECLI:EU:T:2013:299

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

6 ta’ Ġunju 2013 (*)

“Agrikultura — Miżuri eċċezzjonali li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ zokkor ’il fuq mill-kwota u li jiftħu kwota tariffarja — Rikors għal annullament — Att regolatorju li jinkludi miżuri ta’ implementazzjoni — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà — Rikors għad-danni”

Fil-Kawża T‑279/11,

T&L Sugars Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

Sidul Açúcares, Unipessoal Lda, stabbilita f’Santa Iria de Azóia (il-Portugall),

irrappreżentati minn D. Waelbroeck, avukat, u D. Slater, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn P. Rossi u A. Demeneix, sussegwentement minn M. Rossi, A. Demeneix u N. Donnelly, u fl-aħħar minn Rossi u P. Ondrůšek bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Sitbon u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

u

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u C. Candat, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 222/2011, tat-3 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2010/2011 (ĠU L 60, p. 6), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 293/2011, tat-23 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni, li jirrifjuta iktar applikazzjonijiet u li jagħlaq il-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-kwantitajiet disponibbli ta’ zokkor ’il fuq mill-kwota li jkunu se jinbiegħu fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed (ĠU L 79, p. 8), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 302/2011, tat-28 ta’ Marzu 2011, li jiftaħ kwota tariffarja eċċezzjonali għal ċerti kwantitajiet ta’ zokkor għas-sena tas-suq 2010/2011 (ĠU L 81, p. 8) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 393/2011, tad-19 ta’ April 2011, li jiffissa l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-importazzjoni li għalihom tressqet applikazzjoni mill-1 sas‑7 ta’ April 2011 għal prodotti taz-zokkor fil-kuntest ta’ ċerti kwoti tariffarji u li jissospendi t-tressiq ta’ applikazzjonijiet għat-tali liċenzji (ĠU L 104, p. 39), u, min-naħa l-oħra, talba għall-kumpens għad-danni mġarrba,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, V. Vadapalas (Relatur) u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, T&L Sugars Ltd u Sidul Açúcares, Unipessoal Lda, huma impriżi tar-raffinar taz-zokkor tal-kannamieli stabbiliti fl-Unjoni Ewropea. Il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom flimkien tirrappreżenta madwar nofs il-bżonnijiet tal-provvista tradizzjonali tal-industrija tar-raffinar taz-zokkor tal-kannamieli tal-Unjoni.

2        Il-provvista taz-zokkor fis-suq tal-Unjoni tinkludi z-zokkor prodott, minn naħa, matul l-ipproċessar tal-pitravi taz-zokkrija mill-produzzjoni domestika tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, matul ir-raffinar taz-zokkor tal-kannamieli mhux maħdum importat minn pajjiż terz, fejn il-prodott finali huwa kimikament identiku fiż-żewġ każi. Iz-zokkor tal-kannamieli mhux maħdum li ġej mill-Unjoni, jiġifieri mid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u l-Açores, jirrappreżenta 2 % tal-produzzjoni taz-zokkor tal-Unjoni.

3        Bejn it-3 ta’ Marzu u d-19 ta’ April 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat ċerti miżuri intiżi li jżidu l-provvista taz-zokkor fis-suq tal-Unjoni li kienet qed tesperjenza nuqqas.

4        Dawn il-miżuri kellhom bħala skop, minn naħa, li jippermettu lill-produtturi tal-Unjoni li jikkummerċjalizzaw ammont limitat ta’ zokkor, kif ukoll ta’ iżoglukożju, li jeċċedi l-kwota ta’ produzzjoni domestika u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxu kwota tariffarja li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati kollha jimportaw kwantità limitata ta’ zokkor billi jibbenefikaw minn sospensjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni.

5        Dawn il-miżuri ġew adottati fil-kuntest tal-atti li ġejjin (iktar ’il quddiem ir-“regolamenti kkontestati”):

–        ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 222/2011, tat-3 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2010/2011 (ĠU L 60, p. 6);

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 293/2011, tat-23 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni, li jirrifjuta iktar applikazzjonijiet u li jagħlaq il-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-kwantitajiet disponibbli ta’ zokkor ’il fuq mill-kwota li jkunu se jinbiegħu fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed (ĠU L 79, p. 8);

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 302/2011, tat-28 ta’ Marzu 2011, li jiftaħ kwota tariffarja eċċezzjonali għal ċerti kwantitajiet ta’ zokkor għas-sena tas-suq 2010/2011 (ĠU L 81, p. 8);

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 393/2011, tad-19 ta’ April 2011, li jiffissa l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-importazzjoni li għalihom tressqet applikazzjoni mill-1 sas-7 ta’ April 2011 għal prodotti taz-zokkor fil-kuntest ta’ ċerti kwoti tariffarji u li jissospendi t-tressiq ta’ applikazzjonijiet għat-tali liċenzji (ĠU L 104, p. 39).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

6        Permezz ta’ rikors ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrenti ressqu din l-azzjoni.

7        B’digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża ġew awtorizzati jintervjenu fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Billi r-rikorrenti kienu talbu t-trattament kunfidenzjali fil-konfront tal-intervenjenti, il-komunikazzjoni tal-atti proċedurali lill-intervenjenti ġiet limitata għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali.

8        Fis-26 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat, permess ta’ att separat, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

9        Il-kumpanniji RAR – Refinerias de açùcar reunidas, SA, DAI – Sociedade de desenvolvimento agro-industrial, SA, Gruppo SFIR SpA u SFIR Raffineria di Brindisi SpA, minn naħa, kif ukoll il-Kumitat Ewropew tal-produtturi taz-zokkor, min-naħa l-oħra, ippreżentaw xi talbiet biex jintervjenu insostenn tat-talbiet, rispettivament, tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni fuq dawn it-talbiet ġiet posposta sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

10      Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fit-13 ta’ Jannar 2012. Il-Kunsill u r-Repubblika Franċiża ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom limitati għall-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors, rispettivament, fl-10 u fis-16 ta’ April 2012. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-noti ta’ intervent, rispettivament, fit-22 ta’ Mejju u fit-18 ta’ Ġunju 2012.

11      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini mogħtija.

12      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tas-17 ta’ Jannar 2013.

13      Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolamenti kkontestati;

–        sussidjarjament, tiddikjara illegali d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 186(a) u tal-Artikolu 187 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1), u tannulla r-regolamenti kkontestati, li għandhom, direttament jew indirettament, dawn id-dispożizzjonijiet bħala bażi legali;

–        tikkundanna lill-Unjoni, kif irrappreżentata mill-Kummissjoni, għall-ħlas tad-danni sostnuti mir-rikorrenti bħala riżultat tal-ksur tal-Kummissjoni tal-obbligi tagħha u tiffissa l-ammont ta’ dan il-kumpens relattiv għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2009 sal-31 ta’ Marzu 2011 għas-somma ta’ EUR 35 485 746 flimkien mat-telf kurrenti sostnut mir-rikorrenti wara din id-data jew tiffissa ammont ieħor li jirrifletti d-danni skont kif jiġu stabbiliti ulterjorment minnhom matul din il-proċedura;

–        tordna l-ħlas tal-interessi fuq l-ammont prinċipali dovut, mid-data tas-sentenza sakemm isir il-ħlas effettiv, bir-rata stabbilita dak iż-żmien mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, biż-żieda ta’ żewġ punti perċentwali, jew bi kwalunkwe rata xierqa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14      Barra minn hekk, mill-punti 174 sa 180 tar-rikors jirriżulta li r-rikorrenti jqajmu wkoll, iżda “biss bħala prekawzjoni” għall-każ meta r-rikors dirett kontra r-Regolament Nru 222/2011 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 302/2011 ma jiġix ikkunsidrat bħala ammissibbli, eċċezzjoni tal-illegalità kontra dawn ir-regolamenti.

15      Fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha,

–        fir-rigward tar-rikors għal annullament:

–        tittratta l-att ta’ proċedura ppreżentat mill-Kummissjoni, intitolat “Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà” bħala risposta u tislet il-konsegwenzi proċedurali ta’ din il-klassifikazzjoni mill-ġdid;

–        sussidjarjament, tiċħad dan l-att ta’ proċedura bħala inammissibbli, għall-ksur tal-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali;

–        fi kwalunkwe każ, tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bħala infondata;

–        tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli u fondat;

–        sussidjarjament, tilqa’ l-eċċezzjoni tal illegalità kontra l-Artikolu 186(a) u l-Artikolu 187 tar-Regolament Nru 1234/2007 u tannulla r-regolamenti kkontestati sa fejn għandhom, direttament jew indirettament, dawn id-dispożizzjonijiet bħala bażi legali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        fir-rigward tar-rikors għad-danni:

–        tagħti sentenza fil-kontumaċja;

–        sussidjarjament, tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bħala infondata;

–        tilqa’ r-rikors għad-danni inkluż it-talba fis-sens li l-ammont mitlub prinċipalment ikun akkompanjat b’interessi;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill u mir-Repubblika Franċiża, titlob fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Skont l-Artikolu 114(1) u (4), tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti tippreżenta, permezz ta’ att separat, talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq l-inammissibbiltà, din tiddeċiedi fuq t-talba jew tirrinvija d-deċiżjoni tagħha għas-sentenza finali.

18      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà ppreżentata mill-Kummissjoni mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża.

19      L-ewwel nett, hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata mill-Kummissjoni bħala inammissibbli u li tiddeċiedi fil-kontumaċja.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà

20      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba ppreżentata mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, billi jsostnu, minn naħa, li din it-talba tikkostitwixxi, fir-realtà, risposta u, min-naħa l-oħra, li hija inammissibbli peress li hija tikser l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

21      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti titlob li l-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni fuq l-inammissibbiltà, mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, hija tippreżenta t-talba tagħha permezz ta’ att separat. It-talba tinkludi espożizzjoni tal-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata, it-talbiet u, mehmuża, id-dokumenti invokati insostenn.

22      Hemm lok li jiġi osservat li t-talba mressqa mill-Kummissjoni f’dan il-każ hija inkluża f’att distint li jinkludi t-talbiet tal-konvenuta kif ukoll l-espożizzjoni tal-motivi invokati insostenn tagħhom. Din it-talba hija barra minn hekk intitolata “Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà” u tinvoka b’mod ċar l-Artikolu 114 tar-Regoli ta’ Proċedura.

23      Għalkemm ċerti argumenti tal-Kummissjoni jistgħu jkunu relatati mal-merti tal-każ, kif jallegaw ir-rikorrenti, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex madankollu tali li taffettwa n-natura suffiċjenti tal-espożizzjoni tal-motivi invokati insostenn tat-talbiet, intiżi għall-inammissibbiltà tar-rikors.

24      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura u, għalhekk, hija ammissibbli.

 Fuq it-talba li tingħata deċiżjoni fil-kontumaċja

25      Ir-rikorrenti jsostnu li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata mill-Kummissjoni tikkonċerna biss ir-rikors għal annullament u mhux ir- rikors għad-danni. Huma jsostnu li l-Kummissjoni ma rrispondietx għar-rikors f’dak li jikkonċerna t-talbiet tagħhom għad-danni u jistiednu lill-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni fil-kontumaċja fuq dawn tal-aħħar.

26      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, jekk il-konvenut ma jirrispondiex għar-rikors fil-forom u fit-terminu preskritti, ir-rikorrent jista’ jitlob lill-Qorti Ġenerali li tilqa’ t-talbiet tiegħu.

27      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi osservat li r-rikorrenti ppreżentaw rikors wieħed biss li jinkludi talbiet għal annullament u talbiet għad-danni.

28      Fit-talba tagħha taħt l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, liema talba tressqet fil-forom u fit-terminu preskritti, il-Kummissjoni titlob li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbiltà kollu kemm hu.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kawża ma tistax tkompla, skont l-Artikolu 114(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ħlief jekk il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba tal-Kummissjoni jew tirrinvija d-deċiżjoni tagħha għas-sentenza finali.

30      Anki jekk, kif allegaw ir-rikorrenti, jiġi preżunt li l-Kummissjoni ma tqajjem ebda argument rilevanti f’dak li jikkonċerna l-inammissibbiltà tat-talbiet għad-danni, din il-kunsiderazzjoni taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-mertu tat-talba u ma tistax tfisser nuqqas ta’ risposta għar-rikors fil-forom preskritti.

31      Għalhekk, peress li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma humiex sodisfatti f’dan il-każ, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-kontumaċja fuq it-talbiet għad-danni.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament

32      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

33      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jibbażaw il-locus standi tagħhom kontra r-regolamenti kkontestati fuq il-fatt li dawn huma atti regolatorji li jikkonċernawhom direttament u li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni jew, sussidjarjament, li jikkonċernawhom direttament u individwalment.

34      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill u mir-Repubblika Franċiża, issostni li r-regolamenti kkontestati, filwaqt li huma atti regolatorji, la jikkonċernaw individwalment u lanqas direttament ir-rikorrenti u jinkludu barra minn hekk miżuri ta’ implementazzjoni.

35      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li r-regolamenti kkontestati jinkludu miżuri ta’ implementazzjoni u, fit-tieni lok, dik relatata man-nuqqas ta’ interess individwali.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li r-regolamenti kkontestati jinkludu miżuri ta’ implementazzjoni

36      Għandu jiġi osservat li r-regolamenti kkontestati jikkostitwixxu atti regolatorji fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, billi huma atti ta’ portata ġenerali li ma ġewx adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew skont proċedura leġiżlattiva speċjali fis-sens tal-Artikolu 289(1) sa (3) TFUE [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, T‑262/10, Ġabra p. II-7697, punt 21]. Barra minn hekk, dan il-punt ma huwiex ikkontestat mill-partijiet.

37      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-regolamenti kkontestati jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar li l-atti inkwistjoni għandhom bħala skop, minn naħa, li jippermettu lill-produtturi tal-Unjoni li jikkummerċjalizzaw ammont limitat ta’ zokkor, kif ukoll ta’ iżoglukożju, li jeċċedi l-kwota ta’ produzzjoni domestika u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxu kwota tariffarja li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati kollha li jimportaw kwantità limitata ta’ zokkor billi jibbenefikaw minn sospensjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni.

38      Minn naħa, fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ zokkor ’il fuq mill-kwota, ir-Regolament Nru 222/2011 jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni ta’ 500 000 tunnellata zokkor, espressa f’zokkor abjad ekwivalenti, u ta’ 26 000 tunnellata iżoglukożju, li jeċċedu l-kwoti u b’ebda imposta, minflok imposta ta’ EUR 500/tunnellata applikabbli normalment għaz-zokkor żejjed.

39      L-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 222/2011 jipprovdi li, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din il-kwantità eċċezzjonali, il-produtturi għandhom jitolbu liċenzji billi jindirizzaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li minnhom ikunu ġew approvati. Taħt l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, dawn għandhom jiddeċiedu dwar il-validità tal-applikazzjonijiet fir-rigward tal-kriterji magħmula mill-istess regolament u sussegwentement jinnotifikaw l-applikazzjonijiet validi lill-Kummissjoni.

40      Mill-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 222/2011 jirriżulta li, ladarba l-kwantità prevista għaz-zokkor ’il fuq mill-kwota tinqabeż, il-Kummissjoni tistabbilixxi koeffiċjenti ta’ allokazzjoni biex tqassam il-kwantità disponibbli b’mod uniformi, tirrifjuta l-applikazzjonijiet li ma ġewx innotifikati qabel u tagħlaq il-perijodu għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet. Kull ġimgħa, l-awtoritajiet nazzjonali joħorġu liċenzji li jagħtu dritt għal tnaqqis tal-imposta, għall-applikazzjonijiet innotifikati lill-Kummissjoni l-ġimgħa ta’ qabel, skont il-mudell tal-liċenzja anness mar-regolament.

41      Taħt l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 293/2011, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni, li ammonta għal 67.106224 %, li kellu jiġi applikat mill-awtoritajiet nazzjonali għall-applikazzjonijiet ippreżentati bejn l-14 u t-18 ta’ Marzu 2011 u nnotifikati lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija rrifjutat applikazzjonijiet sussegwenti u għalqet il-perijodu għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet.

42      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwota tariffarja eċċezzjonali, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 302/2011 jipprevedi li l-applikazzjonijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni huma sospiżi bejn l-1 ta’ April 2011 u t-30 ta’ Settembru 2011, għal kwantità ta’ 300 000 tunnellata zokkor.

43      Fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-imsemmija kwota, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 302/2011 jinkludi riferiment għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009, tal-25 ta’ Settembru 2009, li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor (ĠU L 254, p. 82), li jagħmel riferiment, min-naħa tiegħu, għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006, tal-31 ta’ Awwissu 2006, li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b’sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (ĠU L 330M, p. 387), kif ukoll għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008, tat- 23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (Verżjoni kkodifikata) (ĠU L 114, p. 3).

44      Taħt l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 1301/2006 u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 376/2008, fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-kwoti, l-awtoritajiet nazzjonali jirċievu applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni u jiżguraw li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà jkunu osservati. Wara, taħt l-Artikoli 7 u 11 tar-Regolament Nru 1301/2006 u l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 891/2009, huma jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-applikazzjonijiet riċevuti, joħorġu l-liċenzji tal-importazzjoni lill-operaturi u jinformaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet allokati.

45      Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 393/2011 jiddefinixxi l-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni, li tammonta għal 1.8053 %, għall- applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni ppreżentati bejn l-1 u s-7 ta’ April 2011, li għalihom l-kwantità disponibbli nqabżet, u tissospendi l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet ġodda sal-aħħar tas-sena tas-suq 2010/2011.

46      Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, għandu jiġi osservat li, sabiex jingħataw d-dritt li jikkummerċjalizzaw jew jimportaw zokkor filwaqt li jibbenefikaw minn skemi eċċezzjonali previsti mir-regolamenti kkontestati, l-operaturi ekonomiċi kkonċernati għandhom jippreżentaw applikazzjoni għand l-awtoritajiet nazzjonali minn qabel.

47      Barra minn hekk, il-liċenzji li jagħtu dritt għat-tnaqqis tal-imposti kif ukoll il-liċenzji tal-importazzjoni jinħarġu mill-awtoritajiet nazzjonali, li japplikaw, f’dan ir-rigward, il-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni ddeterminati mir-Regolamenti tal-Implementazzjoni Nri 293/2011 u 393/2011.

48      Minn dan isegwi li r-regolamenti kkontestati, kemm dawk li jikkonċernaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ zokkor ’il fuq mill-kwota kif ukoll dawk relattivi għall-kwota tariffarja, ma jistgħux jużaw l-effetti legali tagħhom fir-rigward tal-operaturi kkonċernati mingħajr l-intermedjarju ta’ miżuri preċedenti meħudin mill-awtoritajiet nazzjonali.

49      Barra minn hekk, mir-regolamenti kkontestati jirriżulta li l-miżuri meħudin fil-livell nazzjonali huma ta’ natura deċiżjonali, billi l-awtoritajiet nazzjonali huma intitolati, taħt l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 222/2011, li jimponu ċerti kundizzjonijiet formali fuq l-applikanti, taħt l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 222/2011 u l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1301/2006, li jiddeċiedu fuq il-validità tal-applikazzjonijiet u, taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 222/2011 u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1301/2006, li joħorġu l-liċenzji li jagħtu dritt għat-tnaqqis tal-imposti kif ukoll il-liċenzji tal-importazzjoni.

50      Ir-regolamenti kkontestati huma għalhekk ibbażati fuq deċiżjonijiet individwali meħudin fil-livell nazzjonali, li fl-assenza tagħhom huma ma jistgħux jaffettwaw il-pożizzjoni legali tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati.

51      Għaldaqstant, dawn ir-regolamenti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħal atti li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

52      Din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni permezz tal-argument tar-rikorrenti li jinvokaw l-iskop tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u li jenfasizzaw il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni matul l-implementazzjoni tar-regolamenti kkontestati, billi r-rwol tagħhom huwa “purament mekkaniku” jiġifieri dak ta’ “sempliċi kaxxa postali”. [osservazzjonijiet fuq in-nota ta’ intervent, punti 21, 25]

53      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk l-att regolatorju kkontestat iħallix setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-miżuri ta’ implementazzjoni ma hijiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Ġunju 2012, Hüttenwerke Krupp Mannesmann et vs Il‑Kummissjoni, T‑379/11, punt 51, u Eurofer vs Il‑Kummissjoni, T‑381/11, punt 59).

54      Għalkemm ir-rikorrenti jargumentaw, billi jinvokaw is-sentenza Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-miżuri ta’ implementazzjoni inkwistjoni ma humiex “reali” iżda biss “inċidentali”, għandu jiġi rrilevat li l-fatti li fuqhom hija bbażata s-sentenza invokata huma differenti minn dawk inkwistjoni f’dan il-każ.

55      Fil-fatt, fis-sentenza Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29), il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tas-sustanza kimika kkonċernata kienet ta’ natura awtomatika u obbligatorja minn data speċifika, anki jekk l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jadottaw miżuri ta’ implementazzjoni matul perijodu tranżitorju. Għaldaqstant, peress li l-perijodu tranżitorju previst mill-att ikkontestat kien inċidentali meta mqabbel mal-projbizzjoni li l-legalità tagħha kienet is-suġġett tal-kawża, il-miżuri ta’ implementazzjoni matul dan il-perijodu ma kinux ikkunsidrati matul l-eżami tal-locus standi kontra l-projbizzjoni.

56      Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, ir-regolamenti kkontestati, sa fejn jipprevedu d-dritt ta’ kummerċjalizzazzjoni jew li jiġi importat iz-zokkor fil-kundizzjonijiet partikolarment favorevoli, ma humiex ta’ natura awtomatika, iżda jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jipproduċu effetti legali fir-rigward tal-individwi.

57      Għaldaqstant, is-soluzzjoni intiża mis-sentenza Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29), ma tistax tiġi trasposta għall-kawża preżenti.

58      Sussegwentement, fir-rigward tal-għan segwit mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar li huwa intiż b’mod partikolari li jippermetti lil persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta rikors kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni, biex b’hekk jiġu evitati każijiet fejn tali persuna għandha tikser il-liġi sabiex ikollha aċċess għal qorti (ara, f’dan is-sens, id-digriet Eurofer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

59      Din id-dispożizzjoni għaldaqstant timplementa d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389).

60      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jsostnux li għandhom jiksru l-liġi sabiex ikollhom aċċess għall-qorti. Huma jindikaw madankollu li l-possibbiltà li jippreżentaw rikors kontra l-miżuri nazzjonali meħudin fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-regolamenti kkontestati tibqa’, għalihom, għall-inqas inċerta.

61      Huma jsostnu li, fid-dritt Portugiż, “sempliċi atti ta’ implementazzjoni” bħad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali intiżi li joħorġu liċenzji ma humiex miftuħa għall-kontestazzjoni, sakemm ma jkunux ivvizzjati minn illegalità barra minn dik li tikkonċerna l-att bażiku. Skont ir-rikorrenti, id-dritt Portugiż, għalhekk ma jippermettix li tiġi invokata l-illegalità tal-att tal-Unjoni billi tiġi kkontestata l-liċenzja li nħarġet mill-awtoritajiet nazzjonali.

62      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma jistgħux jikkontestaw fil-livell nazzjonali l-miżuri meħudin fl-implementazzjoni tar-regolamenti Nri 222/2011 u 293/2011, li jindirizzaw ruħhom biss lill-produtturi taz-zokkor tal-Unjoni. Dawn huma liċenzji maħruġa għall-benefiċċju ta’ terzi, mhux ippubblikati u li jinkludu data kunfidenzjali, u għaldaqstant ir-rikorrenti la jistgħu jkunu jafu bl-eżistenza tagħhom u lanqas li jieħdu għarfien tal-kontenut tagħhom u, konsegwentement li jikkontestawhom.

63      Il-Kummissjoni, mistoqsija dwar din il-kwistjoni mill-Qorti Ġenerali, filwaqt li tindika li ma tistax tagħti risposta definittiva, tqis li r-rikorrenti probabbilment ma għandhomx locus standi biex jikkontestaw il-miżuri ta’ implementazzjoni adottati mill-Istati Membri sabiex jittrasponu r-Regolamenti Nri 222/2011 u 293/2011, inkwantu la huma kkonċernati u lanqas imsemmija mill-miżuri inkwistjoni, u għalhekk ma jistgħux probabbilment juru interess ġuridiku biżżejjed. Hija żżid madankollu li l-kwistjoni dwar jekk qorti ta’ Stat Membru tirrikonoxxix jew le l-locus standi lil persuna għar-raġuni li din ma tistax turi interess ġuridiku biżżejjed ma huwiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ rikors fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

64      Ir-Repubblika Franċiża ssostni, f’dan ir-rigward, li, għall-qrati amministrattivi Franċiżi, il-miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali b’applikazzjoni tar-regolamenti kkontestati għandhom natura deċiżorja u jikkostitwixxu għalhekk atti li jistgħu jiġu kkontestati. Barra minn hekk, hija tosserva, fir-rigward tal-interess ġuridiku ta’ persuni oħra barra mid-destinatarju ta’ deċiżjoni, li l-interess ġuridiku ta’ rikorrenti possibbli huwa ġeneralment aċċettat mill-qrati amministrattivi Franċiżi, per eżempju, meta operatur ekonomiku jikkontesta deċiżjoni li tibbenefika lil kompetitur.

65      Fir-rigward ta’ dan id-dibattitu, għandu jiġi rrilevat li ma jistax ikun stabbilit b’ċertezza, f’dan il-każ, li r-rikorrenti għandhom dritt ta’ rimedju li jippermetti li jiġu kkontestati l-miżuri meħudin mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-regolamenti kkontestati.

66      Minn naħa, b’differenza ma’ xi oqsma oħra, bħal pereżempju dak tal-leġiżlazzjoni doganali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2008, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑429/04, Ġabra p. II‑128, punt 43) tali rimedju fil-livell nazzjonali ma huwiex espressament previst mid-dritt li ġej mill-Unjoni.

67      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rimedji previsti mid-dritt nazzjonali, l-osservazzjonijiet tal-partijiet għandhom tendenza jindikaw li d-drittijiet tal-Istati Membri jvarjaw għal dak li jikkonċerna l-possibbiltà li jinbeda rikors li jippermetti li jiġu kkontestati r-regolamenti kkontestati.

68      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

69      Madankollu, l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, bħal dik li tidher fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma tistax tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ rimedju effettiv inkwistjoni fis-sistemi legali tal-Istati Membri, li tippermetti li tiġi kkontestata il-validità tal-att tal-Unjoni kkontestat.

70      Fil-fatt, tali sistema kieku titlob li f’kull każ konkret, il-Qorti tal-Unjoni teżamina u tinterpreta d-dritt proċedurali nazzjonali, iżda dan joħroġ barra mill-kompetenzi tagħha fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 43, u tal-1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C‑263/02 P, Ġabra p. I‑3425, punt 33).

71      Din il-konklużjoni lanqas ma tista tiddaħħal inkwistjoni mill-argument tar-rikorrenti li jinvokaw id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li jargumentaw li rimedju fil-livell nazzjonali ma jkunx manifestament effettiv, billi l-qrati tal-Istati Membri ma humiex kompetenti li jiddeċiedu l-illegalità tal-att tal-Unjoni.

72      Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, mingħajr ma teċċedi l-kompetenzi tagħha, tinterpreta l-kundizzjonijiet li jipprovdu li individwu jista’ jippreżenta rikors kontra regolament, b’mod li jwassal għall-devjazzjoni mill-kundizzjonijiet inkwistjoni li huma espressament previsti mit-trattat, u dan fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44, u Il‑Kummissjoni vs Jégo‑Quéré, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

73      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandha tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li r-regolamenti kkontestati ma jikkostitwixxux atti regolatorji li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess individwali

74      Il-Kummissjoni ssostni li r-regolamenti kkontestati huma atti ta’ portata ġenerali li ma jikkonċernawx lir-rikorrenti individwalment.

75      Ir-rikorrenti jsostnu li huma kkonċernati individwalment “għall-inqas” mir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 393/2011 li jistabbilixxi l-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni ta’ dazju żero f’dak li jikkonċerna l-kwota tariffarja dwar l-importazzjoni taz-zokkor.

76      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex att ta’ portata ġenerali jikkonċerna individwalment persuna fiżika jew ġuridika, hemm bżonn li dan l-att jirrigwardha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u b’hekk tindividwalizzaha b’mod simili għal dak ta’ destinatarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

77      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-regolamenti kkontestati jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, billi huma japplikaw rispettivament għall-produtturi taz-zokkor kollha tal-Unjoni u għall-importaturi taz-zokkor kollha, mingħajr ma jiġu individwalizzati r-rikorrenti bi kwalunkwe mod.

78      Fir-rigward tar-Regolamenti Nri 222/2011, 293/2011 u 302/2011, ir-rikorrenti ma jqajmu ebda argument tali li juru li dawn jirrigwardawhom individwalment.

79      Fir-rigward tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 393/2011, huma jargumentaw li dan jaffettwa kategorija magħluqa ta’ operaturi, peress li jiddefinixxi koeffiċjenti ta’ allokazzjoni sabiex jippermetti d-distribuzzjoni tal-kwota tariffarja bejn l-importaturi li kienu ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom bejn l-1 u s-7 ta’ April 2011 biss. In-numru ta’ persuni kkonċernati ġie stabbilit għalhekk fil-mument tal-adozzjoni tiegħu.

80      Għandu jiġi osservat li r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 393/2011, adottat fid-19 ta’ April 2011 jistabbilixxi l-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni applikabbli għall-applikazzjonijiet tal-liċenzji ppreżentati bejn l-1 u s-7 ta’ April 2011 biss.

81      Dan ir-regolament jikkonċerna għalhekk numru ta’ operaturi ekonomiċi ddeterminat fil-mument tal-adozzjoni tiegħu u li ma jistax jikber. Barra minn hekk huwa stabbilit li r-rikorrenti ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom bejn dawn iż-żewġ dati u jagħmlu parti mill-grupp ta’ operaturi kkonċernati.

82      Hemm lok li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, meta att ikkontestat jaffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta ġie adottat dan l-att u minħabba kriterji li huma speċifiċi għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati minn dan l-att inkwantu jagħmlu parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Ir-Renju tal-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 60; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C‑152/88, Ġabra p. I‑2477, punt 11).

83      Jibqa’ l-fatt li s-sempliċi possibbiltà li jiġi ddeterminat, fil-mument tal-adozzjoni tal-miżura kkontestata, ftit jew wisq bi preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jiġu kkunsidrati bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura, sakemm ikun stabbilit li din l-applikazzjoni ssir minħabba sitwazzjoni ta’ liġi jew ta’ fatt oġġettiva ddefinita mill-att inkwistjoni (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 1993, Chiquita Banana et vs Il‑Kunsill, C‑276/93, Ġabra p. I‑3345, punt 8, u tat-28 ta’ Ġunju 2001, Eridania et vs Il‑Kunsill, C‑352/99 P, Ġabra p. I‑5037, punt 59).

84      B’mod partikolari, peress li ċ-ċirku ristrett jirriżulta min-natura stess tas-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni kkontestata, l-appartenenza għal dan iċ-ċirku ma tistax tindividwalizza lill-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 1996, Weber vs Il‑Kummissjoni, T‑482/93, Ġabra p. II‑609, punti 65 u 66, u tas-7 ta’ Novembru 1996, Roquette Frères vs Il‑Kunsill, T‑298/94, Ġabra p. II‑1531, punti 41 u 43).

85      F’dan il-każ, l-istabbiliment ta’ koeffiċjenti ta’ allokazzjoni huwa previst mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1301/2006, fl-ipoteżi fejn il-kwantitajiet li jirrigwardjaw l-applikazzjonijiet għal liċenzji jaqbżu l-kwantitajiet disponibbli għall-kwota tariffarja. Mill-metodu ta’ kalkolu previst minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-koeffiċjenti jiddependi mill-kwantità disponibbli u mill-kwantità mitluba, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-applikazzjonijiet individwali jew is-sitwazzjoni speċifika tal-applikanti.

86      Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 393/2011 jistabbilixxi l-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni unika, sabiex jiddistribwixxi l-kwantità limitata prevista għall-kwota tariffarja bejn l-operaturi kollha li kienu ppreżentaw applikazzjoni għall-importazzjoni.

87      Għaldaqstant, dan ir-regolament jaffettwa l-pożizzjoni legali tal-applikanti minħabba sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt iddeterminata oġġettivament.

88      Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ koeffiċjenti unika li tippermetti li jitqassam l-ammont disponibbli ma kienx ikun possibbli mingħajr għarfien tan-numru totali tal-applikazzjonijiet validament ippreżentati. Għaldaqstant, il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet kellha neċessarjament tiġi sospiża qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, u għalhekk il-ħolqien ta’ ċirku ristrett jirriżulta min-natura stess tas-sistema stabbilita permezz tar-Regolament Nru 302/2011.

89      Minn dan isegwi li kull waħda mir-rikorrenti hija affettwata mir-regolament ikkontestat fil-kwalità oġġettiva tagħha, inkwantu produttur li ppreżentat applikazzjoni għal liċenzja, u tal-istess mod li l-produtturi kollha l-oħra li għamlu qabel is-sospensjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appartenenza għal ċirku ristrett, li tirriżulta barra minn hekk min-natura stessa tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, ma tistax tindividwalizza lir-rikorrenti.

90      Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li s-sitwazzjoni tagħhom hija kkaratterizzata fir-rigward tal-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu kont tas-sitwazzjoni tagħhom matul l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ tali obbligu ma hijiex stabbilita.

91      Minn naħa, l-argument li r-rikorrenti bi ħsiebhom jisiltu mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 58, p. 1), ma huwiex validu, billi l-imsemmi regolament tħassar mir-Regolament Nru 1234/2007 u ma kienx għadu fis-seħħ meta ġraw il-fatti.

92      Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-rikorrenti jirreferu wkoll għall-Artikolu 186(a) u għall-Artikolu 187 tar-Regolament Nru 1234/2007, li jipprovdu rispettivament u b’mod partikolari li “[i]l-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri meħtieġa [...]rigward il-prodotti tas-setturi taz-zokkor [...] fejn il-prezzijiet fis-suq Komunitarju għal kwalunkwe minn dawk il-prodotti jogħla jew jaqa’ signifikament” u li hija “[t]ista’ b’mod partikolari tissospendi d-dazji ta’ importazzjoni parzjalment jew għal kollox għal ċerti kwantitajiet”, għandu jiġi osservat li ma jirriżulta bl-ebda mod mit-termini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni kienet obbligata, matul l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 393/2011, tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tar-rfinituri taz-zokkor tal-kannamieli, u lanqas a fortiori dik tar-rikorrenti.

93      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, ir-Regolament Nru 393/2011 ma jistax iktar jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi serje ta’ deċiżjonijiet individwali, billi jikkonċerna grupp ta’ operaturi definit b’mod ġenerali li jinjora l-kontenut tal-applikazzjonijiet individwali u tas-sitwazzjoni speċifika ta’ kull wieħed mill-applikanti.

94      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma humiex ikkonċernati individwalment mir-regolamenti kkontestati u lanqas, b’mod iktar partikolari, mir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 393/2011.

95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, billi r-regolamenti kkontestati jinkludu l-miżuri ta’ implementazzjoni u li huma ma jikkonċernawx ir-rikorrenti individwalment, ir-rikors għal annullament dirett kontra dawn l-atti għandu jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ma jkun hemm lok li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess dirett.

96      Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata mir-rikorrenti, sussidjarjament, kontra l-Artikolu 186(a) u l-Artikolu 187 tar-Regolament Nru 1234/2007, kif ukoll kontra r-Regolamenti Nri 222/2011 u 302/2011, hemm lok li jitfakkar li l-possibbiltà li tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta’ att ta’ portata ġenerali taħt l-Artikolu 277 TFUE ma tikkostitwixxix dritt ta’ azzjoni awtonoma u ma tistax tiġi eżerċitata fl-assenza ta’ dritt ta’ rimedju prinċipali (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 1999, Area Cova et vs Il‑Kunsill, T‑194/95, Ġabra p. II‑2271, punt 78, u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Għaldaqstant, peress li r-rikors għal annullament kien iddikjarat inammissibbli, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-rigward ta’ dan ir-rikors għandha tiġi miċħuda konsegwentement.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għad-danni

98      Mill-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jirriżulta li l-Kummissjoni titlob l-inammissibbiltà tar-rikors kollu kemm hu.

99      Barra minn hekk, hija ssostni, billi tagħmel riferiment għad-dannu invokat mir-rikorrenti, li “dawn il-motivi ma jistgħux ikunu l-iskop ta’ rikors taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE [...], għaliex ir-rikors ma huwiex ammissibbli”. [eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, punt 80]

100    Barra minn hekk, matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kienet qed titlob għall-inammissibbiltà tat-talbiet għad-danni, fir-rigward tal-fatt li huma kienu marbuta b’mod inseparabbli mat-talba għal annullament tar-regolamenti kkontestati u, għaldaqstant, ma kinux awtonomi.

101    Ir-rikorrenti jindikaw li r-rikors għad-danni jikkostitwixxi rimedju ġudizzjarju awtonomu u għalhekk iċ-ċaħda għall-inammissibbiltà tat-talba għal annullament ma tistax taffettwa d-destin tiegħu.

102    Għandu jitfakkar li l‑rikors għad‑danni ġie stabbilit bħala rimedju awtonomu, li għandu l‑funzjoni partikolari tiegħu fil‑kuntest tas‑sistema tar‑rimedji u li huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba fid‑dawl tal‑iskop speċifiku tagħha (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il‑Kunsill, 5/71, Ġabra p. 975, punt 3), b’mod li d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba tal-annullament ma twassalx awtomatikament għal dik tat-talba għad-danni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas 26 ta’ Frar 1986, Krohn Import‑Export vs Il‑Kummissjoni, 175/84, Ġabra p. 753, punt 32).

103    Il-limitu ta’ dan il-prinċipju huwa maħluq permezz tal-projbizzjoni li tiġi ddevjata l-proċedura. Rikorrent ma jistax, permezz tar-rikors għad-danni, jipprova jikseb riżultat simili għal dak ta’ annullament tal-att, meta r-rikors għal annullament, li jirrigwarda dan l-att, ikun inammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1966, Schreckenberg vs Il‑Kummissjoni, 59/65, Ġabra p. 785, 797).

104    Għaldaqstant, ir-rikors għad-danni jista’ jiġi ddikjarat inammissibbli, meta jkun jirrigwarda l-istess illegalità u jkun intiż għall-istess finijiet finanzjarji bħar-rikors għal annullament li r-rikorrent ikun naqas milli jippreżenta f’waqtu (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Krohn Import‑Export vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et., C‑310/97 P, Ġabra p. I‑5363, punt 59).

105    Issa, din l-ipoteżi eċċezzjonali ma hijiex preżenti f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti ma naqsux milli jeżerċitaw ir-rikors għal annullament u li, fi kwalunkwe każ, it-talbiet għad-danni tagħhom ma jirrigwardawx l-istess illegalità u ma għandhomx tendenza għall-istess finijiet finanzjarji bħat-talbiet għal annullament.

106    Fil-fatt, minn naħa, fil-kuntest tat-talbiet għad-danni tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw mhux biss l-illegalità tar-regolamenti kkontestati, iżda wkoll il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità, kif ukoll ta’ diliġenza dovuta u ta’ amministrazzjoni tajba li huma obbligu tal-Kummissjoni.

107    Min-naħa l-oħra, it-talba tagħhom għad-danni intiża għall-kumpens għad-danni kkostitwiti minn telf li sofrew u minn nuqqas ta’ qligħ li jirriżulta kemm mill-inkapaċità tar-raffineriji li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom ta’ provvista kif ukoll mill-ħlas ta’ dazji ta’ importazzjoni. Issa, il-kumpens ta’ dan id-dannu ma jikkoinċidix mal-finijiet intiżi mit-talba għal annullament tar-regolamenti kkontestati.

108    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-inammissibbiltà tat-talbiet għal annullament ma jistgħux iwasslu awtomatikament għal dik tat-talbiet għall-kumpens.

109    Barra minn hekk, fir-rigward tat-talbiet għad-danni, il-Kummissjoni ma tqajjem ebda eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà awtonoma.

110    Sa fejn il-Kunsill isostni, fin-nota ta’ intervent tiegħu, li l-inammissibbiltà tat-talbiet għal annullament iċċaħħad manifestament mill-fondatezza t-talbiet għad-danni, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma talbitx għaċ-ċaħda ta’ dawn it-talbiet tal-aħħar bħala infondati. It-talba awtonoma f’dan is-sens, imressqa mill-Kunsill inkwantu intervenjenti, hija għalhekk inammissibbli.

111    Minn dan jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda peress li hija tirrigwarda t-talbiet għad-danni.

112    F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna żewġ rimedji ġudizzjarji awtonomi, huwa konċepibbli, billi tingħata deċiżjoni fuq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li r-rikors jiġi ddikjarat parzjalment inammissibbli, sa fejn dan jikkonċerna t-talba għal annullament, filwaqt li jiġi kkonstatat li għandu jitkompla fir-rigward tat-talba għad-danni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 1993, Van Parijs et vs Il‑Kunsill u l‑Kummissjoni, C‑257/93, Ġabra p. I‑3335, punti 14 u 15)

113    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, għalhekk, li r-rikors għandu jitkompla sa fejn intiż għall-kumpens għad-danni mġarrba.

 Fuq l-ispejjeż

114    Peress li r-rikors għandu jitkompla sa fejn intiż għall-kumpens għad-danni mġarrba, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli sa fejn intiż għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 222/2011, tat-3 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2010/2011, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 293/2011, tat-23 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni, li jirrifjuta iktar applikazzjonijiet u li jagħlaq il-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-kwantitajiet disponibbli ta’ zokkor ’il fuq mill-kwota li jkunu se jinbiegħu fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 302/2011, tat-28 ta’ Marzu 2011, li jiftaħ kwota tariffarja eċċezzjonali għal ċerti kwantitajiet ta’ zokkor għas-sena tas-suq 2010/2011, u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 393/2011, tad-19 ta’ April 2011, li jiffissa l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-importazzjoni li għalihom tressqet applikazzjoni mill-1 sas-7 ta’ April 2011 għal prodotti taz-zokkor fil-kuntest ta’ ċerti kwoti tariffarji u li jissospendi t-tressiq ta’ applikazzjonijiet għat-tali liċenzji.

2)      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija miċħuda sa fejn tikkonċerna t-talba ta’ kumpens għad-danni mġarrba.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Papasavvas

Vadapalas

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Ġunju 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.