Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Marzu 2011 - Chivas vs UASI - Glencairn Scotch Whisky (LIVE WITH CHIVALRY)

(Kawża T-181/11)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Chivas Holdings (IP) Ltd (Renfrewshire, ir-Renju Unit) (rappreżentant: A. Carboni, Solicitor)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell : Glencairn Scotch Whisky Co. Ltd (Glasgow, ir-Renju Unit)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċju għall-Armonizzazzoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-12 ta' Jannar 2011 fil-Każ R 1263/2010-1, u tirrinvija l-applikazzjoni lill-UASI sabiex huwa jkun jista' jipproċedi; u

Tikkundanna lill-konvenut u lill-partijiet intervenjenti kollha quddiem il-Bord tal-Appell sabiex isostnu l-ispejjeż tagħhom stess u dawk li r-rikorrenti ġarrbet f'dawn il-proċeduri u quddiem il-Bord tal-Appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikanti għat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark verbali "LIFE WITH CHIVALRY" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 33, 35 u 41 - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 6616569.

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Il-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell.

Trade mark jew sinjal invokat: Reġistrazzjoni Nru 1293610 tat-trade mark figurattiva "CHIVALRY" fil-Renju Unit għal prodotti fil-klassi 33 ; Reġistrazzjoni Nru 2468527 tat-trade mark figurattiva "CHIVALRY SPECIAL RESERVE SCOTCH WHISKY" fir-Renju Unit għal prodotti fil-klassi 33; Trade mark verbali mhux irreġistrata "CHIVALRY" fir-Renju Unit għas-"Scotch whisky".

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni parzjalment milqugħa.

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud.

Motivi invokati: Il-motivi huma identiċi għal dawk ippreżentati fil-Kawża T-180/11.

____________