Language of document : ECLI:EU:C:2020:764

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika obbligatorja – Bejgħ online – Reklamar għas-sit internet ta’ spiżerija – Limitazzjonijiet – Projbizzjonijiet ta’ tnaqqis fil-każ ta’ ordni li taqbeż ċerta kwantità u ta’ użu mir-referenzjar bi ħlas – Obbligu li jintalab li l-pazjent jimla kwestjonarju dwar is-saħħa qabel ma tiġi vvalidata l-ewwel ordni tiegħu fuq is-sit internet – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Direttiva 2000/31/KE – Kummerċ elettroniku – Artikolu 2(a) – Servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 2(h) – Qasam ikkoordinat – Artikolu 3 – Prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini – Derogi – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Protezzjoni tad-dinjità tal-professjoni ta’ spiżjar – Prevenzjoni tal-konsum abbużiv ta’ prodotti mediċinali”

Fil-Kawża C‑649/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura

A

vs

Daniel B,

UD,

AFP,

B,

L,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, L. S. Rossi, J. Malenovský (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A, minn K. Nordlander, advokat, u A. Robert, avocate,

–        għal Daniel B, L, B, AFP u UD, minn M. Guizard u S. Beaugendre, avocats,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères, R. Coesme u E. Leclerc, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn V. Karra, A. Dimitrakopoulou u E. Tsaousi, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u L. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Thiran, A. Sipos u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE, tal-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69), kif emendata permezz tad-Direttiva 2011/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 174, p. 74) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/83”), kif ukoll tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, A, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż li topera spiżerija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi u sit internet immirat speċifikament għall-klijentela Franċiża, u, min-naħa l-oħra, Daniel B, UD, AFP, B u L (iktar ’il quddiem “Daniel B et ”), li huma operaturi ta’ spiżeriji u assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi professjonali tal-ispiżjara stabbiliti fi Franza, rigward il-promozzjoni minn A tal-imsemmi sit internet mal-klijentela Franċiża permezz ta’ kampanja ta’ reklamar multiformi u ta’ portata wiesgħa.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 98/34

3        Il-punt (2) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika [Informazzjoni] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”) jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

2)      ‘servizz’, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.”

 Id-Direttiva 2000/31

4        Il-premessi 18 u 21 tad-Direttiva 2000/31 jipprovdu:

“(18)      Servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jifirxu fuq medda aktar kbira ta’ attivitajiet ekonomiċi li jseħħu on-line; dawn l-attivitajiet jistgħu, partikolarment, jikkonsistu fil-bejgħ ta’ oġġetti online; […]

[…]

(21)      L-iskop ta’ qasam ikkordinat huwa mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni futura fil-Komunità li tirrigwarda servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni u għal leġislazzjoni futura adottata f’livell nazzjonali bi qbil mal-liġi tal-Komunità; il-qasam kordinat ikopri biss ħtiġijiet li jirrigwardjaw attivitajiet online bħal ma hija informazzjoni minn, reklamar online, xiri online, kuntratti online […]”

5        L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.

2.      Din id-Direttiva tressaq, sal-limiti meħtieġa għall-akkwist tal-għanijiet stipulati fil-paragrafu 1, ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern, l-istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir-responsabbilità ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill-qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni bejn Stati Membri.”

6        L-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi s-“servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” bħala s-servizzi fis-sens tal-punt (2) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34.

7        L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

h)      ‘qasam ikkordinat’: ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.

i)      Il-qasam ikkordinat jikkonċerna ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s-servizz għandu jkun konformi fir-rigward ta’:

–        il-bidu ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma l-ħtiġijiet li jikkonċernaw kwalifiki, awtorizzazzjoni jew notifikazzjoni,

–        il-prattika ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l-imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir-responsabbilità ta’ min jipprovdi s-servizz.

ii      Il-qasam ikkordinat ma jkoprix ħtiġijiet bħal ma huma:

–        ħtiġijiet applikabbli għal merkanzija bħala tali,

–        ħtiġijiet applikabbli għal kunsinna ta’ merkanzija,

–        ħtiġijiet applikabbli għal servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi.”

8        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suq intern”, jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2.      L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx ikunu applikabbli fl-oqsma li hemm referenza għalihom fl-Anness.

4.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

a)      il-miżuri għandhom ikunu:

i)      meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

–        strateġija pubblika, partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi il-protezzjoni ta’ minuri u tal-ġlieda kontra t-tixwix għall-mibegħda fuq il-bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad-dinjità umana li jikkonċernaw persuni ndividwali,

–        il-protezzjoni tas-saħħa pubblika;

–        is-sigurtà pubblika, inkluż is-salvagward tas-sigurtà nazzjonali u difiża;

–        il-protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi investituri;

ii)      meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet [li jippreġudika l-għanijiet] li hemm referenza għalihom f’punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

iii)      proporzjonat għal dawk l-għanijiet;

b)      qabel ma jittieħdu l-miżuri f’dak il-każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati, inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru jkun:

–        talab lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 biex jieħu l-miżuri u dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa dawk il-miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,

–        innotifika lill-Kummissjoni [Ewropea] u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il-miżuri.

[…]”

9        L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li “l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-użu ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali li huma parti minn, jew li jikkostitwixxu, servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni provdut minn membru ta’ professjoni regolata ikun permissibbli suġġett għall-konformità mar-regoli professjonali li jirrigwardaw, partikolarment, l-independenza, id-dinjità u l-unur tal-professjoni, segretezza professjonali u ġustizzja lejn klijenti u membri oħra tal-professjoni”.

 Id-Direttiva 2001/83

10      Inkluż taħt it-Titolu VIIA, intitolat “Bejgħ mill-Bogħol lill-Pubbliku”, tad-Direttiva 2001/83, l-Artikolu 85c ta’ din jipprevedi:

“1.      Bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-offerta għall-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni lill-pubbliku permezz tas-soċjetà tal-informatika, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li prodotti mediċinali jiġu offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika kif definiti fid-Direttiva [98/34] taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      il-persuna fiżika jew legali li toffri l-prodotti mediċinali hija awtorizzata jew intitolata li tforni prodotti mediċinali għall-pubbliku, anke mill-bogħod, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ dik il-persuna.

b)      il-persuna msemmija fil-punt (a) tkun innotifikat lill-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha, għall-inqas l-informazzjoni li ġejja:

[…]

c)      il-prodotti mediċinali jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membru ta’ destinazzjoni skont l-Artikolu 6(1);

d)      bla ħsara għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni stipulati fid-Direttiva [2000/31], il-websajt li toffri l-prodotti mediċinali tinkludi tal-inqas:

[…]

2.      L-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet, iġġustifikati fuq bażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, fuq il-provvista bl-imnut fit-territorju tagħhom ta’ prodotti mediċinali għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika.

[…]

6.      Bla ħsara għad-Direttiva [2000/31] u r-rekwiżiti stipulati f’dan it-Titolu, l-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li persuni barra dawk li għalihom hemm referenza fil-paragrafu 1 li joffru għall-bejgħ mill-bogħod prodotti mediċinali lill-pubbliku permezz tas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika u li joperaw fit-territorju tagħhom jkunu suġġetti għal penalitajiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

11      It-Titolu VIII, intitolat “Reklamar” u t-Titolu VIIIa, intitolat “Informazzjoni u Reklamar”, tad-Direttiva 2001/83 jinkludu, rispettivament, l-Artikoli 86 sa 88 u l-Artikoli 88a sa 100 tal-imsemmija direttiva.

12      L-Artikolu 88(1)(a) tad-Direttiva 2001/83 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu r-reklamar lill-pubbliku ġenerali ta’ prodotti mediċinali li:

a)      huma disponibbli biss fuq riċetta medika, skont it-Titolu VI”.

 Id-Direttiva (UE) 2015/1535

13      Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika [Informazzjoni] (ĠU 2015, L 241, p. 1), ħassret u ssostitwixxiet, mis-7 ta’ Ottubru 2015, id-Direttiva 98/34.

14      L-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535 jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)      ‘servizz’, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika [tal-informazzjoni], jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.”

15      Bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2015/1535, ir-riferimenti magħmula għad-Direttiva 98/34 għandhom jinftiehmu li huma riferimenti għad-Direttiva 2015/1535.

 Id-dritt Franċiż

 Il‑code de la santé publique (il-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika)

16      Skont l-Artikolu R. 4235‑22 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika, “l-ispiżjara huma pprojbiti li jissolleċitaw klijenti permezz ta’ proċeduri u mezzi li jmorru kontra d-dinjità tal-professjoni”.

17      L-Artikolu R. 4235‑64 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li “[l]-ispiżjar ma għandux, bi kwalunkwe proċedura jew mezz, jinkoraġġixxi lill-pazjenti tiegħu għal konsum abbużiv ta’ prodotti mediċinali”.

 Id-digriet dwar il-prattiki tajbin għad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali

18      Il-punt 7.1, intitolat “Kunsill farmaċewtiku”, tat-Taqsima 7, intitolata “Regoli addizzjonali applikabbli għall-kummerċ elettroniku ta’ prodotti mediċinali”, tal-anness tad-digriet tat-28 ta’ Novembru 2016 dwar il-prattiki tajbin għad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali fl-ispiżeriji, l-ispiżeriji mutwalistiċi u l-ispiżeriji tas-salvataġġ tal-minjieri, imsemmija fl-Artikolu L. 5121 5 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika (JORF tal-1 ta’ Diċembru 2016, test Nru 25, iktar ’il quddiem id-“digriet dwar il-prattiki tajbin għad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali”) jipprevedi:

“Is-sit internet ta’ kummerċ elettroniku ta’ prodotti mediċinali huwa maħsub b’mod li ebda prodott mediċinali ma jkun jista’ jitqassam mingħajr ma jkun possibbli skambju interattiv bejn il-pazjent u l-ispiżjar tal-ispiżerija kkonċernata qabel il-validazzjoni tal-ordni. Għaldaqstant, risposta awtomatizzata għal mistoqsija magħmula mill-pazjent ma hijiex biżżejjed sabiex jiġu żgurati informazzjoni u parir adattati għall-każ partikolari tal-pazjent.

Ċerta data personali li tikkonċerna l-pazjent hija neċessarja għall-ispiżjar sabiex dan tal-aħħar jiżgura ruħu li l-ordni tkun konformi mal-istat ta’ saħħa tal-pazjent u sabiex huwa jkun jista’ jinduna b’eventwali kontraindikazzjonijiet. B’hekk, qabel il-validazzjoni tal-ewwel ordni, l-ispiżjar għandu jqiegħed online kwestjonarju li fih tingħata informazzjoni dwar l-età, il-piż, id-daqs, is-sess, il-kura li qiegħda tingħata, l-anteċedenti allerġiċi, il-kontraindikazzjonijiet u, jekk ikun il-każ, l-istat ta’ tqala jew ta’ treddigħ tal-pazjent. Il-pazjent għandu jiċċertifika l-veraċità ta’ din l-informazzjoni.

Il-kwestjonarju għandu jimtela waqt l-ewwel ordni matul il-proċess ta’ validazzjoni tal-ordni. Jekk il-kwestjonarju ma jkunx imtela, ebda prodott mediċinali ma jista’ jingħata. Sussegwentement, l-ispiżjar għandu jagħmel validazzjoni tal-kwestjonarju, li jiġġustifika li huwa sar jaf bl-informazzjoni pprovduta mill-pazjent, qabel ma jivvalida l-ordni.

Huwa propost aġġornament tal-kwestjonarju ma’ kull ordni.

[…]”

 Id-digriet dwar ir-regoli tekniċi

19      It-Taqsima 1, intitolata “Funzjonalitajiet tas-siti tal-internet ta’ kummerċ elettroniku ta’ prodotti mediċinali”, tal-anness tad-digriet tat-28 ta’ Novembru 2016 dwar ir-regoli tekniċi applikabbli għas-siti internet tal-kummerċ elettroniku ta’ prodotti mediċinali previsti fl-Artikolu L. 5125 39 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika (JORF tal-1 ta’ Diċembru 2016, test Nru 26, iktar ’il quddiem id-“digriet dwar ir-regoli tekniċi”) tipprevedi li “[i]t-tfittxija ta’ referenzjar f’muturi ta’ riċerka jew ta’ tqabbil ta’ prezzijiet bi ħlas hija pprojbita”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20      A, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż, hija rreġistrata fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ operat ta’ spiżerija. Din il-kumpannija tbigħ ukoll prodotti mediċinali online kif ukoll prodotti ta’ paraspiżerija permezz ta’ diversi siti internet, fejn wieħed minnhom huwa ddedikat speċjalment għall-konsumaturi Franċiżi. Il-prodotti mediċinali kkummerċjalizzati permezz ta’ dan is-sit jibbenefikaw, fi Franza, minn awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq u ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika obbligatorja.

21      A mexxiet kampanja ta’ reklamar għall-attività ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali diretta b’dan il-mod lejn il-konsumaturi Franċiżi. Din il-kampanja kienet tinkludi l-inklużjoni ta’ fuljetti ta’ reklamar f’pakketti mibgħuta minn atturi oħra tal-bejgħ mill-bogħod (metodu msejjaħ tal-“piggyback mailing” (reklamar reċiproku)), kif ukoll billi jintbagħtu ittri postali pubbliċitarji. A pproċediet ukoll għall-pubblikazzjoni fuq l-imsemmi sit internet ta’ offerti promozzjonali li jikkonsistu fl-għoti ta’ tnaqqis fuq il-prezz globali tal-ordni ta’ prodotti mediċinali meta dan jaqbeż ċertu ammont, kif ukoll għax-xiri ta’ referenzjar bi ħlas fuq il-muturi ta’ riċerka.

22      Daniel B et ħarrku lil A quddiem it-tribunal de commerce de Paris (il-Qorti Kummerċjali ta’ Pariġi, Franza) sabiex, b’mod partikolari, jiksbu l-kumpens għad-dannu li huma jqisu li sofrew minħabba l-kompetizzjoni żleali li A allegatament eżerċitat meta indebitament kisbet vantaġġ min-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni Franċiża fil-qasam tar-reklamar u tal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali online.

23      A tikkunsidra, min-naħa tagħha, li din il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għaliha peress li hija stabbilita b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi għal attività ta’ spiżerija u tbigħ il-prodotti tagħha lill-konsumaturi Franċiżi permezz tal-kummerċ elettroniku.

24      Permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Lulju 2017, it-tribunal de commerce de Paris (il-Qorti Kummerċjali ta’ Pariġi) iddeċidiet li d-dritt Olandiż kien jirregola l-ħolqien tas-sit internet indirizzat għall-klijenti Franċiżi. Madankollu, skont din il-qorti, l-Artikoli R. 4235–22 u R. 4235–64 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika huma applikabbli għall-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra li jbigħu prodotti mediċinali permezz tal-internet lill-pazjenti Franċiżi. Issa, A, billi qassmet iktar minn tliet miljun fuljett ta’ reklami barra mill-ispiżerija tagħha, allegatament ħajret lill-klijentela Franċiża permezz ta’ mezzi li ma kinux dehen tal-professjoni ta’ spiżjar, bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. It-tribunal de commerce de Paris (il-Qorti Kummerċjali ta’ Pariġi) ikkonkludiet minn dan li l-ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet, peress li ta lil A vantaġġ ekonomiku meta mqabbla mal-atturi l-oħra tas-suq, kien jikkostitwixxi atti ta’ kompetizzjoni żleali.

25      A appellat minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) billi sostniet li l-Artikoli R. 4235‑22 u R. 4235‑64 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika ma japplikawx għaliha. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-pajjiż ta’ oriġini stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, u fl-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83 kif ukoll tal-moviment liberu tal-merkanzija ggarantit fl-Artikolu 34 TFUE, li ma huwiex iġġustifikat mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

26      Quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), Daniel B et jitolbu l-konferma tas-sentenza tat-tribunal de commerce de Paris (il-Qorti Kummerċjali ta’ Pariġi) sa fejn din il-qorti applikat id-dritt Franċiż rigward ir-reklamar għall-bejgħ ta’ prodotti mediċinali u sa fejn hija kklassifikat bħala “att ta’ kompetizzjoni żleali” r-reklamar massiv magħmul minn A minħabba li kien imur kontra d-dinjità tal-professjoni ta’ spiżjar kif ukoll minħabba l-kontenut ta’ inċentiv għall-konsum abbużiv ta’ prodotti mediċinali. Daniel B et jitolbu r-riforma ta’ din is-sentenza għall-bqija billi jsostnu li l-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika u d-digriet dwar il-prattiki tajbin għad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali jirregolaw ukoll l-użu ta’ referenzjar bi ħlas minn A. Dawn tal-aħħar jallegaw li r-restrizzjonijiet fuq ir-reklamar għall-bejgħ ta’ prodotti mediċinali online li jirriżultaw mill-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika huma ġġustifikati mill-għan li tiġi protetta d-dinjità u l-unur tal-professjoni ta’ spiżjar. Dawn ir-restrizzjonijiet huma proporzjonati mat-tfittxija ta’ dan l-għan, li huwa stess huwa marbut mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[…] jekk […] il-leġiżlazzjoni Ewropea, b’mod partikolari

–        l-Artikolu 34 TFUE,

–        id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 85c tad-Direttiva [2001/83/KE] [u]

–        il-klawżola ta’ suq intern tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [2000/31]

tippermettix lil Stat Membru tal-Unjoni [Ewropea] jimponi, fit-territorju tiegħu, fuq l-ispiżjara ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni, regoli speċifiċi li jirrigwardaw:

–        il-projbizzjoni ta’ tfittix tal-klijentela permezz ta’ proċeduri u ta’ metodi meqjusa bħala kuntrarji għad-dinjità tal-professjoni skont l-Artikolu R 4235 22 attwali tal-[Kodiċi Franċiż tas-Saħħa Pubblika]?

–        il-projbizzjoni ta’ inkoraġġiment tal-pazjenti għal konsum abbużiv ta’ prodotti mediċinali skont l-Artikolu R 4235 64 attwali tal-[Kodiċi Franċiż tas-Saħħa Pubblika]?

–        l-obbligu ta’ osservanza tal-prattiki tajba ta’ distribuzzjoni tal-prodotti mediċinali ddefiniti mill-awtorità pubblika tal-Istat Membru, filwaqt li hija meħtieġa, barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ kwestjonarju dwar is-saħħa fil-proċess ta’ ordni ta’ prodotti mediċinali online u huwa pprojbit l-użu tar-referenzjar imħallas, skont id-[digriet dwar il-prattiki tajbin għad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali u d-digriet dwar ir-regoli tekniċi?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

28      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-domanda magħmula, din tirrigwarda, essenzjalment, il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, applikata mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor.

29      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom, f’dan il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni prinċipalment id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31.

30      Fil-fatt, qabel kollox, skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien, din għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tiżgura l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, billi tapprossima, sa fejn huwa neċessarju, ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-imsemmija servizzi.

31      Sussegwentement, l-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, jiddefinixxi s-“servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni”, bħala “kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika [tal-informazzjoni], jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”, bl-idea, kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-Direttiva 2000/31, li dawn is-servizzi jinkludu firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ekonomiċi li jseħħu online, bħalma huwa, fost l-oħrajn, il-bejgħ ta’ oġġetti online.

32      Fl-aħħar nett, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tas-servizzi ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali, mill-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2000/31, jirriżulta li tali bejgħ ma jinsabx fost l-attivitajiet esklużi mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika, C‑108/09, EU:C:2010:725, punt 27). Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83 dwar il-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku ta’ prodotti mediċinali permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jirreferi b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31 u ma jipprojbixxix il-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika li, waħedhom, huma s-suġġett tal-kawża inkwistjoni fil-proċedura prinċipali.

33      Għaldaqstant, servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jikkostitwixxi servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 u, għaldaqstant, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti applikabbli għal dan is-servizz, li jaqgħu taħt il-“qasam ikkoordinat”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tal-imsemmija direttiva.

34      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, l-Istati Membri jistgħu jieħdu, fir-rigward ta’ servizz speċifiku tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaqa’ taħt il-qasam ikkoordinat, miżuri li jidderogaw mill-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jekk iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li jinsabu fil-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punti 83 u 84). B’dan il-mod, interpretazzjoni tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, li tgħid li l-Istati Membri jistgħu jiġġustifikaw taħt id-dritt primarju rekwiżit li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmija dispożizzjoni tneħħi kull effett utli ta’ din tal-aħħar billi tonqos milli tirrikonoxxi, finalment, l-armonizzazzjoni ta’ dan il-qasam magħmul minn din (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 37). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tiġi evalwata l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tad-dritt primarju, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE.

 Fuq l-ammissibbiltà

35      Minn naħa, il-Gvern Franċiż jeċċepixxi l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari sa fejn hija tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31. Fil-fatt, parti privata ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva kontra parti privata oħra fil-kuntest ta’ tilwima ta’ natura orizzontali, sabiex tiġi prekluża l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, dan l-aspett tad-domanda magħmula huwa ta’ natura ipotetika.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, b’mod partikolari r-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm dawn id-domandi jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 24, kif ukoll tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 31).

37      Id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25, kif ukoll tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 32).

38      Huwa minnu li għandu jiġi osservat li, fil-każ ta’ tilwima bejn individwi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fuq individwu u ma tistax għaldaqstant tiġi invokata inkwantu tali fir-rigward tiegħu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, ukoll b’mod konsistenti, iddeċidiet li l-obbligu tal-Istati Membri, li joħroġ minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha kif ukoll id-dmir tagħhom li jadottaw il-miżuri ġenerali jew partikolari kollha xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu jorbot lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, lill-awtoritajiet ġudizzjarji (is-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Meta japplikaw id-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali mitluba jinterpretawh għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-regoli kollha ta’ dan id-dritt u japplikaw il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu sabiex dan jiġi interpretat, sa fejn possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha u b’hekk ikunu konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (is-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li d-domanda magħmula, sa fejn hija tirrigwarda d-Direttiva 2000/31, tqajjem problema ta’ natura ipotetika.

41      Min-naħa l-oħra, A ssostni li r-Repubblika Franċiża ma osservatx l-obbligu li jirriżulta mit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 li tinnotifika l-miżuri restrittivi li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi diversi projbizzjonijiet jew obbligi imposti fuq fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni tirrestrinġi b’dan il-mod il-libertà tas-servizzi, l-Istat Membru kkonċernat għandu, b’applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, ikun innotifika minn qabel l-intenzjoni tiegħu li jieħu l-miżuri restrittivi kkonċernati lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-fornitur tas-servizzi speċifiku jkun stabbilit (is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 85).

43      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali ta’ natura sostantiva li jiġġustifika l-fatt li l-miżuri mhux innotifikati li jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni ma jistgħux jiġu invokati kontra l-individwi (is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 94).

44      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Issa, din il-preżunzjoni ma tistax tiġi kkonfutata bis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkontesta ċertu fatt li l-eżistenza tiegħu għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 26, kif ukoll tal-14 ta’ April 2016, Polkomtel, C‑397/14, EU:C:2016:256, punt 38).

45      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq, jirriżulta li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

46      Fid-dawl tad-dettalji esposti fil-punti 28 sa 34 ta’ din is-sentenza u sabiex tingħata lill-qorti tar-rinviju risposta utli għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima li hija għandha quddiemha, id-domanda għandha tinftiehem bħala intiża li tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/31 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali:

–        li tipprojbixxi lil spiżeriji li jbigħu dawn il-prodotti mediċinali, milli jħajru lill-klijentela tagħhom permezz ta’ ċerti proċeduri u mezzi, b’mod partikolari dawk li jikkonsistu fit-tqassim massiv ta’ posta u ta’ fuljetti għal finijiet ta’ reklamar barra mill-ispiżerija tagħhom;

–        li tipprojbixxi lil dawn l-ispiżeriji milli jagħmlu offerti promozzjonali intiżi għall-għoti ta’ tnaqqis fuq il-prezz globali tal-ordni ta’ prodotti mediċinali malli jinqabeż ċertu ammont;

–        li tobbliga lill-imsemmija spiżeriji jdaħħlu kwestjonarju dwar is-saħħa fil-proċess ta’ ordni ta’ prodotti mediċinali online;

–        li tipprojbixxi lil dawn l-istess spiżeriji milli jużaw ir-referenzjar bi ħlas f’muturi ta’ tfittxija u komparaturi tal-prezzijiet.

 Fuq l-ewwel parti tad-domanda magħmula

47      Permezz tal-ewwel parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/31 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżeriji milli jħajru lill-klijentela tagħhom permezz ta’ ċerti proċeduri u mezzi, b’mod partikolari dawk li jikkonsistu fit-tqassim massiv ta’ posta u ta’ fuljetti għal finijiet ta’ reklamar barra mill-ispiżerija tagħhom.

48      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fornitur inkwistjoni fil-kawża prinċipali jmexxi kampanja ta’ reklamar multiformi u ta’ firxa wiesgħa għas-servizzi tiegħu ta’ bejgħ online, kemm permezz ta’ mezzi fiżiċi, bħalma huma b’mod partikolari l-posta jew fuljett, kemm permezz tas-sit internet tiegħu.

49      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tad-domanda magħmula, għandu qabel kollox jiġi osservat li ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-Titoli VIII u VIIIa tad-Direttiva 2001/83 rigward ir-reklamar għall-prodotti mediċinali.

50      Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikoli 86 sa 100 tad-Direttiva 2001/83 li jifformaw l-imsemmija titoli huma intiżi sabiex jirregolaw il-kontenut tal-messaġġ pubbliċitarju u l-modalitajiet tar-reklamar għal prodotti mediċinali speċifiċi, iżda ma jirregolawx ir-reklamar għas-servizzi ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali.

51      Għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk l-attività ta’ reklamar, kif deskritta fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, taqax taħt id-Direttiva 2000/31, u dan, skont jekk din l-attività ssirx permezz ta’ mezzi fiżiċi jew ta’ mezzi elettroniċi.

52      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi li kull Stat Membru għandu jara li s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovduti minn fornitur stabbilit fit-territorju tiegħu josservaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli f’dan l-Istat Membru li jaqa’ taħt il-“qasam ikkordinat”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva.

53      Skont din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, il-“qasam ikkordinat” ikopri biss ir-rekwiżiti applikabbli għas-servizzi li jiġu pprovduti b’mezz elettroniku u, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 21 ta’ din l-istess direttiva, ir-rekwiżiti marbuta mar-reklamar online.

54      Issa, ir-reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali jsir, parzjalment, permezz ta’ mezzi fiżiċi.

55      Madankollu, għandu jiġi osservat li tali reklamar huwa intiż, fl-intier tiegħu, u indipendentement mill-proċedura li permezz tagħha huwa jsir effettivament, sabiex jiġbed lejn is-sit internet ta’ spiżerija konsumaturi potenzjali u sabiex jippromwovi l-bejgħ tal-prodotti tagħha online.

56      Tali reklamar magħmul mill-fornitur jidher għalhekk bħala element anċillari u inseparabbli mis-servizz tiegħu ta’ bejgħ ta’ prodotti mediċinali online li minnu huwa jikseb is-sens ekonomiku kollu tiegħu.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun artifiċjali li jitqies li l-parti tar-reklamar magħmula online taqa’ taħt il-“qasam ikkoordinat” u li tiġi eskluża minn dan il-qasam il-parti tar-reklamar magħmula permezz ta’ mezzi fiżiċi.

58      Mill-bqija, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata permezz tal-Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31 li jipprevedi li l-“qasam ikkoordinat” jirrigwarda rekwiżiti marbuta mal-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, bħalma huma r-rekwiżiti li jirrigwardaw b’mod partikolari l-aġir tal-fornitur, il-kwalità jew il-kontenut tas-servizz, “inklużi dawk applikabbli għal reklamar”.

59      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, indipendentement mill-mezz fiżiku jew elettroniku li permezz tiegħu hija ssir, attività ta’ reklamar bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi element anċillari u inseparabbli tas-servizz ta’ bejgħ online u taqa’, għal din ir-raġuni, fl-intier tagħha, taħt il-“qasam ikkoordinat”, fis-sens tad-Direttiva 2000/31.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li l-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika ma jistax, fir-rigward tal-imsemmija attività, fil-prinċipju, taħt l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31, jirrestrinġi l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li ġejjin minn Stat Membru ieħor.

61      F’dan il-każ, projbizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imposta minn Stat Membru, hija tali li tirrestrinġi l-possibbiltà għal spiżerija, stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tagħmel lilha nnifisha magħrufa mal-klijentela potenzjali tagħha f’dan l-ewwel Stat Membru u li tippromwovi s-servizz ta’ bejgħ tal-prodotti tagħha online li hija tipproponi lil din tal-aħħar.

62      Konsegwentement, tali projbizzjoni għandha titqies li tinvolvi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

63      Fid-dawl ta’ dan, fit-tielet lok, skont l-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31, l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward ta’ servizz speċifiku tas-soċjetà tal-informazzjoni, jieħdu miżuri li jidderogaw mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, bil-kundizzjoni, qabel kollox, li dawn ikunu neċessarji sabiex jiġi ggarantit l-ordni pubbliku, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew il-protezzjoni tal-konsumaturi, imbagħad, li huma jittieħdu kontra servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li effettivament jippreġudika dawn l-għanijiet jew jikkostitwixxi riskju serju u gravi ta’ preġudizzju għal dawn tal-aħħar, u, fl-aħħar nett, li huma jkunu fi proporzjon mal-imsemmija għanijiet.

64      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, previsti fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 122 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ġurisprudenza dwar l-Artikoli 34 u 56 TFUE, sabiex tiġi evalwata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, sa fejn dawn il-kundizzjonijiet fil-biċċa l-kbira jikkoinċidu ma’ dawk li għalihom huwa suġġett kwalunkwe ostakolu għal-libertajiet fundamentali ggarantiti permezz ta’ dawn l-artikoli tat-Trattat FUE.

65      F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż isostni li l-projbizzjoni għal spiżeriji li jbigħu prodotti mediċinali online mingħajr preskrizzjoni medika, milli jħajru lill-klijentela tagħhom permezz ta’ proċeduri u ta’ mezzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, użati b’mod massiv u b’mod intensiv, hija ġġustifikata fir-rigward tal-protezzjoni tad-dinjità tal-professjoni ta’ spiżjar.

66      Madankollu, fid-dawl tal-importanza tar-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha tipprevali bejn professjonist tas-saħħa u l-pazjent tiegħu, il-protezzjoni tad-dinjità ta’ professjoni rregolata, li għaliha jirreferi wkoll l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/31, hija tali li tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li taqa’ taħt il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, u li għandha mnejn tiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght, C‑339/15, EU:C:2017:335, punti 67 u 68).

67      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-użu intensiv ta’ reklamar jew l-għażla ta’ messaġġi promozzjonali aggressivi jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-protezzjoni tas-saħħa u jippreġudikaw id-dinjità ta’ professjonist tas-saħħa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght, C‑339/15, EU:C:2017:335, punt 69).

68      Peress li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, imsemmi fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31, kif ukoll, barra minn hekk, fl-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83, għandu, sussegwentement, jiġi evalwat jekk din il-projbizzjoni hijiex xierqa sabiex jiġi ggarantit li dan l-għan jintlaħaq.

69      F’dan ir-rigward, leġiżlazzjoni li tipprojbixxi lill-fornitur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli jmexxi kampanja ta’ reklamar massiva u intensiva, inkluż barra mill-ispiżerija u permezz ta’ mezzi fiżiċi u elettroniċi, tidher li hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tad-dinjità tal-professjoni ta’ spiżjar u, fl-aħħar mill-aħħar, l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

70      Fil-fatt, kif isostni, ġustament, il-Gvern Spanjol, tali prattika tippreżenta riskju ta’ assimilazzjoni tal-prodotti mediċinali ma’ oġġetti ta’ konsum ordinarji, bħal dawk ikkonċernati mill-piggyback marketing [l-inklużjoni ta’ fuljetti ta’ reklamar f’pakketti mibgħuta minn atturi oħra] li jiġi użat. Barra minn hekk, id-distribuzzjoni fuq skala kbira ta’ fuljetti ta’ reklamar tittrażmetti immaġni kummerċjali u merkantili tal-professjoni ta’ spiżjar li tista’ tbiddel il-perċezzjoni li l-pubbliku għandu ta’ din il-professjoni.

71      Fir-rigward tan-natura neċessarja ta’ projbizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost il-beni u l-interessi protetti mit-Trattat FUE u li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu l-livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jagħtu lis-saħħa pubblika kif ukoll il-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandu jingħata marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri (sentenza tat-18 ta’ Settembru 2019, VIPA, C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 71).

72      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, minkejja dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, ir-restrizzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod ġenerali u assolut kull forma ta’ reklamar użat minn professjonisti tas-saħħa sabiex jippromwovu l-attivitajiet tagħhom ta’ saħħa tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika u d-dinjità ta’ professjoni rregolata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght, C‑339/15, EU:C:2017:335, punti 72 u 75).

73      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassalx sabiex il-fornitur inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi prekluż milli jagħmel kwalunkwe reklamar barra mill-ispiżerija tiegħu, indipendentement mill-mezz jew mill-portata. Jekk dan kellu jkun il-każ, din il-projbizzjoni tkun tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit li l-għanijiet segwiti jintlaħqu.

74      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2000/31 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżeriji milli jħajru lill-klijentela tagħhom permezz ta’ ċerti proċeduri u mezzi, b’mod partikolari dawk li jikkonsistu fit-tqassim massiv ta’ posta u ta’ fuljetti għal finijiet ta’ reklamar barra mill-ispiżerija tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li hija ma twassalx sabiex il-fornitur inkwistjoni jiġi prekluż milli jagħmel kwalunkwe reklamar barra mill-ispiżerija tiegħu, indipendentement mill-mezz jew mill-portata, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq it-tieni parti tad-domanda magħmula

75      Bit-tieni parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/31 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżeriji milli jagħmlu offerti promozzjonali intiżi għall-għoti ta’ tnaqqis fuq il-prezz globali tal-ordni ta’ prodotti mediċinali meta huwa jaqbeż ċertu ammont.

76      F’dan il-każ, projbizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imposta minn Stat Membru, hija tali li tirrestrinġi l-possibbiltà għal spiżerija, stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tiġbed persuni interessati li jirrisjedu f’dan l-ewwel Stat Membru u li tirrendi iktar attraenti s-servizz ta’ bejgħ online li hija tipproponi hemmhekk.

77      Għaldaqstant tali projbizzjoni għandha titqies li timplika restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31.

78      Għandu, għalhekk, b’mod konformi mal-Artikolu 3(4)(a) ta’ din id-direttiva, jiġi eżaminat jekk din il-projbizzjoni ssegwix għan imsemmi f’din id-dispożizzjoni u jekk hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi dan l-għan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

79      Qabel kollox, il-Gvern Franċiż jindika li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tipprevjeni l-konsum eċċessiv jew mhux xieraq ta’ prodotti mediċinali.

80      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li tali għan jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punti 32 sa 34).

81      Imbagħad, peress li offerti promozzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom mnejn iħajru lill-persuni interessati sabiex jixtru u, jekk ikun il-każ, jikkonsmaw eċċess ta’ prodotti mediċinali, għandu jitqies li l-projbizzjoni ta’ tali offerti hija xierqa sabiex tiggarantixxi l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

82      Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-natura neċessarja ta’ din il-projbizzjoni, A tqis li din fil-fatt tammonta għal kunsiderazzjoni ta’ kull tnaqqis fil-prezz bħala tali li jħajjar għall-konsum abbużiv ta’ prodotti mediċinali, għaliex hija ma tistabbilixxi l-ebda limitu minimu li ’l fuq minnu offerta promozzjonali għandha titqies li twassal għal konsum eċċessiv. Barra minn hekk, l-imsemmija projbizzjoni tirrigwarda wkoll il-prodotti parafarmaċewtiċi.

83      F’dan ir-rigward, u sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti rigward l-eventwali eżistenza ta’ kundizzjonijiet iktar preċiżi li jirregolaw l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ offerti promozzjonali u, b’mod partikolari, rigward il-punt dwar jekk din il-projbizzjoni tirrigwardax il-promozzjoni biss tal-prodotti mediċinali jew ukoll ta’ prodotti parafarmaċewtiċi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika kif il-projbizzjoni inkwistjoni hija applikata konkretament u jekk tali applikazzjoni tmurx, jekk ikun il-każ, lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika.

84      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-risposta għat-tieni parti tad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2000/31 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżeriji milli jagħmlu offerti promozzjonali intiżi għall-għoti ta’ tnaqqis fuq il-prezz globali tal-ordni ta’ prodotti mediċinali meta huwa jaqbeż ċertu ammont, bil-kundizzjoni, madankollu, li tali projbizzjoni tkun suffiċjentement irregolata, u b’mod partikolari tkun immirata biss għall-prodotti mediċinali u mhux għal sempliċi prodotti parafarmaċewtiċi, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq it-tielet parti tad-domanda magħmula

85      Bit-tielet parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/31 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq spiżeriji li jbigħu tali prodotti mediċinali l-obbligu li jdaħħlu kwestjonarju dwar is-saħħa fil-proċess ta’ ordni ta’ prodotti mediċinali online.

86      F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tissuġġetta l-validazzjoni tal-ewwel ordni ta’ prodotti mediċinali minn pazjent fuq is-sit internet ta’ spiżerija għall-mili minn qabel ta’ kwestjonarju dwar is-saħħa online.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31, il-“qasam ikkoordinat” jinkludi r-rekwiżiti marbuta mal-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, bħalma huma b’mod partikolari r-rekwiżiti li jirrigwardaw il-kontenut tas-servizz, inkluż fil-qasam tal-kuntratti.

88      Peress li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirregola l-kundizzjonijiet li fihom il-kuntratt ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika jista’ jiġi konkluż kif ukoll il-mod kif l-attività ta’ bejgħ u ta’ għoti ta’ parir tal-ispiżjar għandha tiġi eżerċitata online, hija għandha titqies li taqa’ taħt il-“qasam ikkordinat” fis-sens tad-Direttiva 2000/31.

89      Għaldaqstant, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31, li jgħid li l-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali ma jistax, fil-prinċipju, jirrestrinġi l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkunu ġejjin minn Stat Membru ieħor, huwa applikabbli.

90      Issa, miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija manifestament tali li tipproduċi effett dissważiv fuq pazjenti li jixtiequ jixtru prodotti mediċinali online u tikkostitwixxi, għaldaqstant, tali restrizzjoni.

91      Għandu, għaldaqstant, jiġi eżaminat, skont l-Artikolu 3(4)(a) ta’ din id-direttiva, jekk tali miżura ssegwix għan imsemmi f’din id-dispożizzjoni u jekk hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi dan l-għan, kif ukoll li hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

92      Qabel kollox, sabiex jiġġustifika l-imsemmija miżura, il-Gvern Franċiż jinvoka l-għan li jiġi żgurat parir personalizzat lill-pazjent sabiex huwa jiġi protett minn użu mhux xieraq ta’ prodotti mediċinali.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li tali għan intiż għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika huwa leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 106).

94      Huwa minnu li l-konsum ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika ma jippreżentax, fil-prinċipju, riskji analogu għal dawk marbuta mal-konsum ta’ prodotti mediċinali li huma suġġetti għal preskrizzjoni medika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, ratiopharm, C‑786/18, EU:C:2020:459, punt 36). Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li ċerti riskji huma marbuta wkoll mal-użu ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika.

95      Il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi għalhekk għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, imsemmi fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31.

96      Il-Gvern Franċiż isostni li kwestjonarju mediku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa neċessarju peress li l-ispiżjar ikkonċernat ma jarax il-pazjent fl-ispiżerija tiegħu u għaldaqstant ma jistax jiddiskuti direttament miegħu. Huwa ma jkunx jista’, għaldaqstant, jagħtih parir fuq l-inizjattiva proprja tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li dan il-kwestjonarju jippermettilu jsir jaf aħjar lill-pazjent ikkonċernat u, billi jidentifika eventwali kontraindikazzjonijiet, jagħtih il-prodotti mediċinali li huma l-iktar xierqa.

97      Tali kunsiderazzjonijiet jippermettu, fil-fatt, li jitqies li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija xierqa sabiex tipproteġi s-saħħa tal-pazjent.

98      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tan-natura neċessarja ta’ tali miżura, A ssostni li d-digriet dwar il-prattiki tajbin għad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali diġà jiżgura li l-pazjenti jkunu jistgħu jibbenefikaw minn pariri personalizzati billi jeżiġi li l-ispiżeriji online jagħtuhom il-possibbiltà ta’ skambju interattiv mill-bogħod ma’ spiżjar. A tosserva, barra minn hekk, li l-kwantitajiet ordnati ta’ prodotti mediċinali minn persuna kkonċernata, permezz tas-sit internet tagħha, huma kkontrollati każ b’każ, abbażi ta’ diversi parametri, fosthom l-istorja tal-ordnijiet magħmula mill-persuna kkonċernata. Dawn il-verifiki huma allegatament suffiċjenti għall-prevenzjoni tar-riskju ta’ użu mhux xieraq ta’ prodotti mediċinali. Il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur, għaldaqstant, lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

99      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-multiplikazzjoni tal-elementi interattivi eżistenti fuq l-internet li għandhom jintużaw mill-klijent qabel ma huwa jkun jista’ jipproċedi b’xiri ta’ prodotti mediċinali tikkostitwixxi miżura aċċettabli, waħda ta’ inqas preġudizzju għal-libertà ta’ moviment tal-merkanzija minn projbizzjoni ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali, li tippermetti li jintlaħaq b’mod daqstant effettiv l-għan intiż għat-tnaqqis tar-riskju ta’ użu ħażin mill-prodotti mediċinali mixtrija online (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C‑322/01, EU:C:2003:664, punti 112 sa 114).

100    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza kif ukoll fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri u mfakkar fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tidhirx li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit li l-għan segwit jintlaħaq.

101    Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 148 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-possibbiltà għall-pazjent li jikkonsulta l-ispiżjar qabel ma jagħmel ordni, anki jekk flimkien ma’ kontroll tal-kwantitajiet mixtrija mill-persuna kkonċernata, ma tikkostitwixxix mezz daqstant effettiv bħal kontroll magħmul permezz tal-ġbir minn qabel ta’ informazzjoni min-naħa tal-pazjent.

102    Għaldaqstant ir-risposta għat-tielet parti tad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2000/31 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq spiżeriji li jbigħu tali prodotti mediċinali l-obbligu li jdaħħlu kwestjonarju dwar is-saħħa fil-proċess ta’ ordni ta’ prodotti mediċinali online.

 Fuq ir-raba’ parti tad-domanda magħmula

103    Permezz tar-raba’ parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/31 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżeriji li jbigħu tali prodotti mediċinali milli jużaw ir-referenzjar bi ħlas f’muturi ta’ tfittxija u komparaturi tal-prezzijiet.

104    Tali leġiżlazzjoni hija tali li tirrestrinġi l-firxa ta’ possibbiltajiet għal spiżerija li tagħmel lilha nnifisha magħrufa mal-klijentela potenzjali li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor u li tippromwovi s-servizz ta’ bejgħ online li hija toffri lil din tal-aħħar.

105    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha titqies li tinvolvi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li tidderoga mill-projbizzjoni fil-prinċipju li tirriżulta mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31.

106    Għandu, għaldaqstant, jiġi eżaminat, skont l-Artikolu 3(4)(a) ta’ din id-direttiva, jekk il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwix għan imsemmi f’din id-dispożizzjoni u jekk hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi dan l-għan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

107    Kif indika waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Franċiż donnu jiġġustifika l-projbizzjoni tar-referenzjar bi ħlas f’muturi ta’ tfittxija u komparaturi tal-prezzijiet bir-riskju li dan ikollu impatt fuq it-tqassim ibbilanċjat tal-ispiżeriji fuq it-territorju nazzjonali kollu, peress li referenzjar bħal dan huwa tali li jikkonċentra l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mediċinali f’idejn l-ispiżeriji ta’ daqs kbir.

108    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-għan li tiġi żgurata provvista ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni li tkun sigura u ta’ kwalità fuq it-territorju nazzjonali jista’ jiġġustifika restrizzjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, sa fejn huwa jikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2019, VIPA, C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Peress li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi, għalhekk, l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, imsemmi fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31, għandu jiġi evalwat jekk hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi li dan l-għan jintlaħaq u jekk hija tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan l-iskop.

110    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta jkun hemm inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-importanza ta’ riskji għas-saħħa tal-persuni, huwa importanti li l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jieħu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollu għalfejn jistenna sa meta r-realtà ta’ dawn ir-riskji tintwera b’mod sħiħ. Barra minn hekk, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jieħu l-miżuri li jnaqqsu, sa fejn huwa possibbli, riskju għas-saħħa pubblika, inkluż ir-riskju marbut mal-provvista sigura u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni (sentenza tat-18 ta’ Settembru 2019, VIPA, C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Madankollu, huma l-Istati Membri, f’kull każ speċifiku, b’mod partikolari, li għandhom jipproduċu l-provi tan-natura xierqa u tan-natura neċessarja tal-miżura li tidderoga minn libertà fundamentali li huma jadottaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2019, VIPA, C‑222/18, EU:C:2019:751, punti 69 u 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

112    Issa, għandu jiġi osservat li l-Gvern Franċiż ma sostniex l-affermazzjoni ġenerali tiegħu, imsemmija fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, b’xi prova partikolari. Tali affermazzjoni ma tistax, għaldaqstant, tissodisfa r-rekwiżit ta’ prova speċifikat fil-punt preċedenti.

113    Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina b’mod oġġettiv jekk il-provi li jistgħu eventwalment jiġu prodotti quddiemha jippermettux raġonevolment li jitqies li l-mezzi magħżula huma xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti kif ukoll jekk huwiex possibbli li dawn tal-aħħar jintlaħqu b’miżuri li jkunu inqas restrittivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2019, VIPA, C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Għaldaqstant ir-risposta għar-raba’ parti tad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2000/31 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżeriji li jbigħu tali prodotti mediċinali milli jużaw ir-referenzjar bi ħlas f’muturi ta’ tfittxija u komparaturi tal-prezzijiet, sakemm ma jiġix stabbilit debitament quddiem il-qorti tar-rinviju li tali leġiżlazzjoni hija xierqa sabiex jiġi ggarantit li jintlaħaq għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

115    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2000/31 għandha tiġi interpretata fis-sens li:

–        hija ma tipprekludix l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżeriji milli jħajru lill-klijentela tagħhom permezz ta’ ċerti proċeduri u mezzi, b’mod partikolari dawk li jikkonsistu fit-tqassim massiv ta’ posta u ta’ fuljetti għal finijiet ta’ reklamar barra mill-ispiżerija tagħhom, bil-kundizzjoni li hija ma twassalx sabiex il-fornitur inkwistjoni jiġi prekluż milli jagħmel kwalunkwe reklamar barra mill-ispiżerija tiegħu, indipendentement mill-mezz jew mill-portata, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju;

–        hija ma tipprekludix l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżeriji milli jagħmlu offerti promozzjonali intiżi għall-għoti ta’ tnaqqis fuq il-prezz globali tal-ordni ta’ prodotti mediċinali meta huwa jaqbeż ċertu ammont, bil-kundizzjoni, madankollu, li tali projbizzjoni tkun suffiċjentement irregolata, u b’mod partikolari tkun immirata biss għall-prodotti mediċinali u mhux għal sempliċi prodotti parafarmaċewtiċi, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju;

–        hija ma tipprekludix l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq spiżeriji li jbigħu tali prodotti mediċinali l-obbligu li jdaħħlu kwestjonarju dwar is-saħħa fil-proċess ta’ ordni ta’ prodotti mediċinali online;

–        hija tipprekludi l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżeriji li jbigħu tali prodotti mediċinali milli jużaw ir-referenzjar bi ħlas f’muturi ta’ tfittxija u komparaturi tal-prezzijiet, sakemm ma jiġix stabbilit debitament quddiem il-qorti tar-rinviju li tali leġiżlazzjoni hija xierqa sabiex jiġi ggarantit li jintlaħaq għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

 Fuq l-ispejjeż

116    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), għandha tiġi interpretata fis-sens:

–        li hija ma tipprekludix l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżeriji milli jħajru lill-klijentela tagħhom permezz ta’ ċerti proċeduri u mezzi, b’mod partikolari dawk li jikkonsistu fit-tqassim massiv ta’ posta u ta’ fuljetti għal finijiet ta’ reklamar barra mill-ispiżerija tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li hija ma twassalx sabiex il-fornitur inkwistjoni jiġi prekluż milli jagħmel kwalunkwe reklamar barra mill-ispiżerija tiegħu, indipendentement mill-mezz jew mill-portata, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju;

–        li hija ma tipprekludix l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżeriji milli jagħmlu offerti promozzjonali intiżi għall-għoti ta’ tnaqqis fuq il-prezz globali tal-ordni ta’ prodotti mediċinali meta huwa jaqbeż ċertu ammont, bil-kundizzjoni, madankollu, li tali projbizzjoni tkun suffiċjentement irregolata, u b’mod partikolari tkun immirata biss għall-prodotti mediċinali u mhux għal sempliċi prodotti parafarmaċewtiċi, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju;

–        li hija ma tipprekludix l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq spiżeriji li jbigħu tali prodotti mediċinali l-obbligu li jdaħħlu kwestjonarju dwar is-saħħa fil-proċess ta’ ordni ta’ prodotti mediċinali online;

–        li hija tipprekludi l-applikazzjoni, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżeriji li jbigħu tali prodotti mediċinali milli jużaw ir-referenzjar bi ħlas f’muturi ta’ tfittxija u komparaturi tal-prezzijiet, sakemm ma jiġix stabbilit debitament quddiem il-qorti tar-rinviju li tali leġiżlazzjoni hija xierqa sabiex jiġi ggarantit li jintlaħaq għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.