Language of document : ECLI:EU:T:2008:481

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Novembru 2008 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat‑trade mark Komunitarja figurattiva Limoncello della Costiera Amalfitana shaker – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti LIMONCHELO – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Appell – Rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża T-7/04,

Shaker di L. Laudato & C. Sas, stabbilita f’Vietri sul Mare (l-Italja), irrappreżentata minn F. Sciaudone, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Montalto u P. Bullock, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Limiñana y Botella, SL, stabbilita f’Monforte del Cid (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal‑Appell tal-UASI tal-24 ta’ Ottubru 2003 (Każ R 933/2002‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Limiñana y Botella, SL u Shaker di L. Laudato & C. Sas,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn V. Tiili (Relatur), President, F. Dehousse u I. Wiszniewska‑Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-20 ta’ Ottobru 1999, ir-rikorrenti, Shaker di L. Laudato & C. Sas, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1) kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv riprodott hawnhekk li, skont id-deskrizzjoni li hemm fl-applikazzjoni, huwa ta’ kulur blu, ikħal, isfar, aħmar u abjad:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu, wara intervent tal-UASI tat-23 ta’ Novembru 1999 u wara li ġiet irtirata klassi, fil-klassijiet 29 u 33 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il‑Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 29: “Ġèli, ġammijiet, frott ippriservat”;

–        klassi 33: “Likuri ta’ lumi li ġej mill-kosta Amalfitana”.

4        Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil‑Bulettin ta’ Trade marks Komunitarji Nru 30/2000 tas-17 ta’ April 2000.

5        Fl-1 ta’ Ġunju 2000, l-opponenti, Limiñana y Botella, SL, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 kontra r‑reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. L‑oppożizzjoni kienet ibbażata fuq ir‑reġistrazzjoni Spanjola Nru 2 020 372, mitluba fis-27 ta’ Marzu 1996, tat-trade mark verbali LIMONCHELO, li tidentifika prodotti li jaqgħu fil-klassi 33 (“Inbejjed, spirti u likuri”).

6        L-oppożizzjoni kienet tirrigwarda parti mill-prodotti identifikati fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jiġifieri l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 33. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha koperti mit-trade mark preċedenti.

7        Ir-raġuni invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet dik imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2002, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni. Hija kkunsidrat li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fuq it-territorju Spanjol fid-dawl tal-identiċità tal-prodotti inkwistjoni u tax-xebh viżiv u fonetiku bejn it-trade marks konfliġġenti.

9        Fis-7 ta’ Novembru 2002, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI, skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2003 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell ċaħad l-appell. Huwa kkunsidra li, fid-dawl tax-xebh bejn it-trade marks konfliġġenti u tal-konkordanza bejn il-prodotti inkwistjoni, kien hemm probabbiltà li l-konsumaturi Spanjoli jikkonfondu jew jassoċjaw l-oriġini kummerċjali tagħhom.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Jannar 2004, ir-rikorrenti talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata billi invokat, fl-ewwel lok, il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 490/94, fit-tieni lok, abbuż ta’ poter u, fit-tielet lok, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

12      Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Shaker vs UASI – Limiñana y Botella (Limoncello della Costiera Amalfitana shaker) (T‑ 7/04, Ġabra p. II-2305, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza”), il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet ir-rikors tar‑rikorrenti u annullat id-deċizjoni kkontestata.

13      F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel ikkonstatat l-identiċità tal-prodotti u mbagħad għamlet tqabbil tat-trade marks inkwistjoni. Hija kkonstatat li r-rappreżentazzjoni ta’ platt tond imżejjen bil-lumi kienet il-komponent ewlieni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (punt 59 tas-sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza). Hija kkunsidrat li l-elementi verbali tagħha ma kinux dominanti mill-aspett viżiv u li, għalhekk, ma kienx hemm bżonn li jiġu analizzati l‑karatteristiċi fonetiċi u kunċettwali ta’ dawn l‑elementi (punti 60 sa 64 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza).

14      Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-dominanza tar-rappreżentazzjoni figurattiva ta’ platt tond imżejjen bil-lumi meta mqabbla mal-elementi l-oħra tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet timpeddixxi kull probabbiltà ta’ konfużjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali bejn il-kliem “limonchelo” u ‘limoncello’ li jidhru fit-trade marks inkwistjoni (punt 66 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza). Hija kkonstatat ukoll li l-predominanza tal‑komponent figurattiv ikkostitwit minn platt tond imżejjen bil-lumi fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kien jagħmel, fil-każ inkwistjoni, l-evalwazzjoni tal‑elementi distintivi tat‑trade mark preċedenti irrilevanti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 peress li din il‑predominanza ta’ platt tond imżejjen bil-lumi kienet timpedixxi kull probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti (punt 68 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza).

15      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, minkejja l-identiċità tal‑prodotti kkonċernati, il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni ma kienx għoli biżżejjed biex ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni (punt 69 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza). Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet l-ewwel motiv, iddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tiddeċiedi dwar il-motivi l-oħra u annullat id-deċiżjoni kkontestata.

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Settembru 2005, l-UASI ippreżenta appell li bih talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Insostenn tal-appell tiegħu, l‑UASI invoka żewġ aggravji, iżda ċeda wieħed minnhom matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, wara rettifika mwettqa mill-Qorti tal‑Prim’Istanza, permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Jannar 2006. L-aggravju sostnut mill-UASI fil-kuntest tal-appell tiegħu kien ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

17      Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker (C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” jew is-“sentenza UASI vs Shaker”), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza, irrinvjat il-kawża quddiem din tal-aħħar u rriżervat l-ispejjeż.

18      Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari rrilevat:

“37 Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat, fil-punt 49 tas‑sentenza kkontestata, il-ġurisprudenza […] li tgħid li l-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tkun ibbażata fuq il‑perċezzjoni ġenerali prodotta mis-sinjali inkwistjoni.

38       Madankollu, hija ppreċiżat, fil-punt 54 tas-sentenza kkontestata li, jekk it‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija trade mark kumplessa ta’ natura viżiva, l-evalwazzjoni tal-impressjoni ġenerali ta’ din it-trade mark kif ukoll id-determinazzjoni ta’ element dominanti eventwali ta’ din tal-aħħar għandhom isiru fuq il-bażi ta’ analiżi viżiva. [Il‑Qorti tal-Prim’Istanza żiedet li], f’ipoteżi tali, huwa biss meta element dominanti eventwali jinkludi xi aspetti semantiċi mhux viżivi li jkun hemm lok, jekk ikun il-każ, li wieħed jipproċedi għall-paragun bejn dan l-element, minn naħa waħda, u t-trade mark preċedenti, min-naħa l-oħra, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll dawk l-aspetti l-oħra semantiċi, bħal pereżempju aspetti fonetiċi jew kunċetti astratti rilevanti.

39       Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal‑evalwazzjoni tas-sinjali inkwistjoni, ikkunsidrat qabel kollox li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fiha element dominanti kkostitwit mir-rappreżentazzjoni ta’ platt tond imżejjen bil-lumi. Hija qalet għaldaqstant, fil-punti 62 sa 64 tas-sentenza kkontestata, li ma kienx hemm lok li jiġu analizzati l-karatteristiċi fonetiċi jew kunċettwali tal-elementi l-oħra ta’ din it-trade mark. Fl-aħħar nett, hija kkonkludiet, fil-punt 66 tal-istess sentenza, li d-dominanza tar-rappreżentazzjoni figurattiva ta’ platt tond imżejjen bil-lumi meta mqabbla mal-elementi l-oħra tal-imsemmija trade mark timpeddixxi kull probabbiltà ta’ konfużjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn il-kliem “limonchelo” u “limoncello” li jidhru fit-trade marks inkwistjoni.

40       Issa, billi pproċediet hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tat-trade marks inkwistjoni.

41       Fil-fatt, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss inkunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra. Kuntrarjament, hemm lok li l-paragun isir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fit-totalità tagħha, li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun dominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha […]

42       […] huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark huma negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss.

43       Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat ħażin l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

44       F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-UASI huwa fondat li jsostni li s-sentenza kkontestata hija vvizzjata minn żball ta’ dritt.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara rinviju

19      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ġunju 2007, ir-Reġistratur tal-Qorti tal‑Prim’Istanza talab lill-partijiet sabiex jippreżentaw, fix-xahrejn wara n‑notifika tas-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizja, in-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom, skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Prim’Istanza, dwar il-konsegwenzi tal-imsemmija sentenza f’dawn il‑proċeduri.

20      Ir-rikorrenti u l-UASI ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza n-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu mogħti, jiġifieri, fit-3 u l-31 ta’ Lulju 2007 rispettivament. L-opponent ma ppreżentax nota ta’ osservazzjonijiet fit-terminu mogħti.

21      Fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal‑Prim’Istanza:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, billi tirriformaha, tiċħad l‑oppożizzjoni;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż kollha marbuta mal‑proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal‑Ġustizzja.

22      Fin-nota ta’ osservazzjonijiet tiegħu, l-UASI jitlob li l-Qorti tal‑Prim’Istanza:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrenti għall‑ispejjeż kollha marbuta mal-proċeduri quddiem il-Qorti tal‑Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja;

–        sussidjarjament, jekk l-UASI jitlef fil-mertu, u fid-dawl tal‑fatt li l‑appell tiegħu ntlaqa’ mill-Qorti tal-Ġustizzja, taqsam l-ispejjeż bejn il-partijiet jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 Id-dritt

23      Ir-rikorrenti invokat tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel wieħed kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, it-tieni fuq abbuż ta’ poter u t-tielet fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

24      Ir-rikorrenti ssostni li m’hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti, peress li x-xebh bejniethom mhuwiex suffiċjenti. Barra minn hekk, it-trade mark preċedenti għandha biss karattru distintiv dgħajjef, peress li hija s‑sempliċi traduzzjoni bl-Ispanjol tat-terminu “limoncello”, li jiddeskrivi b’mod ġenerali l-likur li jsir minn qxur tal-lumi u l-alkoħol. Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell naqas milli jagħmel eżami globali tat-trade marks konfliġġenti, peress li kkunsidra, b’mod żbaljat, li t-terminu “limoncello” kien l-element dominati tat‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

25      L-UASI jsostni li l-Bord tal-Appell evalwa korrettament l-eżistenza tal‑probabbiltà ta’ konfużjoni.

26      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-validità ta’ trade mark nazzjonali, f’din il-kawża dik tal-opponenti, ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, iżda biss fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ annullament mibdija fl-Istat Membru kkonċernat [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 55, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Xentral vs UASI – Pages jaunes (PAGESJAUNES.COM), T‑134/06, Ġabra, p. II-5213, punt 36]. Għalhekk, it-trade mark LIMONCHELO għandha tiġi kkunsidrata bħala trade mark valida fi Spanja għall-għanijiet ta’ dawn il-proċeduri.

27      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni tal‑proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l-identiċità jew ix‑xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti jew minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit‑territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks preċedenti tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data li fiha ġew ippreżentati tippreċedi dik tal‑applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

28      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l‑prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, skont il‑każ, minn impriżi marbuta ekonomikament tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni.

29      Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata b’mod globali, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas‑sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari l‑interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

30      Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-konsumatur medju jitqies li jkun ordinarjament informat u raġonevolment attent u prudenti. Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti li l-livell ta’ attenzjoni tal‑konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni u li huwa rari li l-konsumatur ikollu l-possibbiltà li jqabbel direttament id-diversi trade marks, iżda huwa jkollu jistrieħ fuq l-istampa imperfetta tagħhom li jkollu fil-memorja tiegħu [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 26, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESELIT), T‑186/02, Ġabra p. II‑1887, punt 38].

31      F’dan il-każ partikolari, it-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni hija trade mark nazzjonali rreġistrata fi Spanja. Konsegwentement, it-territorju rilevanti għall-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni huwa t-territorju Spanjol.

32      Peress li l-prodotti inkwistjoni huma prodotti ta’ konsum regolari, il-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit mill-konsumaturi medji Spanjoli, meqjusa li huma normalment informati u raġonevolment attenti u prudenti.

33      Mhuwiex ikkontestat li l-prodotti, li jaqgħu fil-klassi 33, koperti mit-trade marks konfliġġenti huma identiċi. Fil-fatt, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal‑Appell kkunsidraw li l-likuri identifikati mit-trade mark preċedenti jkopru wkoll il-likuri tal-lumi li ġejjin mill-kosta Amalfitana. Għalhekk, m’hemmx lok li jiġi eżaminat ix-xebh tal-prodotti inkwistjoni.

 Fuq it-tqabbil tal-prodotti inkwistjoni

34      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa li dawn jipproduċu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips‑Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra p. II‑4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

35      Ir-rikorrenti tqis li s-sinjali konfliġġenti mhumiex simili filwaqt li l-UASI jikkonkludi li huma simili.

36      Is-sinjali konfliġġenti huwa dawn li ġejjin:

Trade mark preċedenti

Trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni

LIMONCHELO

Image not found


37      It-trade mark preċedenti hija kkostitwita minn element wieħed, jiġifieri l-element verbali LIMONCHELO. Peress li dan huwa l-uniku element ta’ din it-trade mark, l‑argument tar-rikorrenti, li din il-kelma hija komuni fil-lingwa Spanjola, m’għandhux rilevanza għall-għanijiet tat-tqabbil tas-sinjali konfliġġenti.

38      It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija, fiha nnifisha trade mark figurattiva, komposta mit-terminu “limoncello”, miktub bl-abjad, mill-espressjoni “della costiera amalfitana”, miktuba bl-isfar, mit-terminu “shaker”, miktub bil-blu f’inkawdratura fuq sfond abjad fejn l-ittra “k” tirrapreżenta tazza, u mir‑rappreżentazzjoni figurattiva ta’ platt tond kbir li ċ-ċentru tiegħu huwa abjad u t‑tarf imżejjen, minn naħa, bi stampi ta’ lumi sofor fuq sfond skur u, min-naħa l‑oħra, b’ċirku mhux kontinwu turkważ u abjad. Il-komponenti kollha tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma mqegħda fuq sfond blu skur.

39      Il-Bord tal-Appell kkunsidra li l-kelma “limoncello” tikkostitwixxi l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li, għalhekk, is-sinjali konfliġġenti kienu viżwalment u fonetikament kważi identiċi, filwaqt li r‑rikorrenti ssostni, fis-sustanza, li, peress li l-kelma “limoncello” m’għandhiex karattru distintiv, minħabba li tidentifika likuri abbażi ta’ lumi, hija ma tistax tikkostitwixxi l-element dominati ta’ din it-trade mark għall-għanijiet tat-tqabbil tas-sinjali konfliġġenti.

40      Għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tkun limitata biss għall-kunsiderazzjoni ta’ komponent ta’ trade mark kumplessa u għat-tqabbil tiegħu ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, hemm lok li t-tqabbil isir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fit-totalità tagħha, tqabbil dan li ma jeskludix li l‑impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun dominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha. Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark huma negliġibbli li l‑evalwazzjoni tax-xebh tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġni ta’ din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja tiegħu, b’mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli fl‑impressjoni ġenerali mogħtija minnha (sentenza UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 42, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C-193/06 P, Ġabra p. I-114, punti 42 u 43).

41      Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jikkonsisti fl-istampa ta’ platt tond imżejjen bil-lumi, għandu, viżwalment, post importanti f’din tal-aħħar daqs il-kelma “limoncello”. It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l‑kliem “della”, “costiera” u “amalfitana” jinsabu taħt il-kelma “limoncello” u huma miktuba b’ittri ħafna iżgħar ta’ kulur isfar u għalhekk huma b’mod ċar sekondarji meta mqabbla mal-kelma “limoncello”. Rigward il-kelma “shaker”, din bilkemm tidher fit-trade mark kollha, peress li tinsab fin-naħa ta’ isfel tat-trade mark u hija miktuba b’ittri blu f’inkwadratura fuq sfond blu. L-istampa tat-tazza fl-ittra “k” kważi ma tidhirx. L-element “shaker” huwa għalhekk negliġibbli fl-impressjoni totali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

42      Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li l-konsumaturi tal-prodotti inkwistjoni huma mdorrija jiddeskrivuhom u jirrikonoxxuhom skont l-element verbali li jservi sabiex jidentifikhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat‑13 ta’ Lulju 2005, Murúa Entrena vs UASI – Bodegas Murúa (Julián Murúa Entrena), T-40/03, Ġabra p. II-2831, punt 56, u tat-12 ta’ Marzu 2008, Sebirán vs UASI – El Coto de Rioja (Coto d’Arcis), T-332/04, Ġabra p. II-33, punt 38]. Sa fejn l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni jikkonsisti biss fi platt tond imżejjen bil-lumi, dan l-element ma jiġbidx l‑attenzjoni tal-konsumaturi medji għall-prodotti inkwistjoni, li huma regolarment ikkonfrontati bi stampi ta’ lumija fuq likuri li jsiru mil-lumi. Bil‑kontra, fir-rigward tal-kelma “limoncello”, fid-dawl tal-post prominenti tagħha u tal-pożizzjoni tagħha meta mqabbla mal-elementi l-oħra, fid-dawl tal-fatt li hija miktuba b’ittri kbar bojod fuq sfond blu, b’mod li tispikka ħafna fuq dan l-isfond, u fid-dawl tad-daqs tagħha meta mqabbla ma’ l-elementi verbali l-oħra ta’ din it-trade mark kumplessa, hija din il-kelma li l‑pubbliku rilevanti jibqa’ jiftakar. Għalhekk, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti li l-platt tond imżejjen bil-lumi, għalkemm dan huwa element dekorattiv, ikun ħafna iktar adatt mill‑element verbali sabiex jiġu distinti l-prodotti identifikati u sabiex tinġibed l-attenzjoni tal-konsumaturi kkonċernati.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-kelma “limoncello” tista’ tiddomina l-impressjoni sħiħa li tinħoloq f’moħħ il-pubbliku rilevanti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

44      Din il-konklużjoni ma tistax titwaqqa’ bl-argument tar-rikorrenti li l-kelma “limoncello” m’għandhiex karattru distintiv peress li hija deskrittiva. Mingħajr iżda ma tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk il-kelma “limoncello” hijiex deskrittiva għall-pubbliku rilevanti, għandu jiġi mfakkar li, fi kwalunkwe każ, eventwali karattru distintiv dgħajjef ta’ element ta’ trade mark kumplessa ma jimplikax neċessarjament li dan ma jistax jikkostitwixxi element dominanti peress li, minħabba, b’mod partikolari, il-pożizzjoni tiegħu fis-sinjal jew id-daqs tiegħu, huwa kapaċi jħalli impressjoni fuq il-konsumaturi u jibqa’ fil-memorja tagħhom [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Ġunju 2006, Inex vs UASI – Wiseman (Rappreżentazzjoni ta’ ġilda ta’ baqra), T‑153/03, Ġabra p. II‑1677, punt 32, u s-sentenza PAGESJAUNES.COM, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2004, AVEX vs UASI – Ahlers (a), T‑115/02, Ġabra p. II‑2907, punt 20].

45      Konsegwentement, mhemmx lok li tingħata deċiżjoni, f’dan l-istadju tal-eżami, dwar l-eventwali karattru distintiv dgħajjef tal-kelma “limoncello”, peress li huwa evidenti, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 41 sa 43 iktar ’il fuq, li hija din il-kelma li tista’ tħalli impressjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti u tibqa’ fil‑memorja tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PAGESJAUNES.COM, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

46      Għalhekk, fir-rigward tat-tqabbil viżiv bejn is-sinjali konfliġġenti, meta kull wieħed minnhom jiġi kkunsidrat fit-totalità tiegħu, għandu jiġi rrilevat li hemm ċertu xebh bejniethom. Fil-fatt, il-kliem “limoncello” u “limonchelo” huma viżwalment kważi identiċi u, għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark preċedenti hija inkluża fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għandu jiġi rrilevat li d-differenzi marbuta maż‑żieda tal-platt tond imżejjen bil-lumi kif ukoll mal-erba’ elementi verbali jew figurattivi l-oħra li huma negliġibbli jew, għall‑inqas, sekondarji, kif ġie kkonstatat fil-punt 41 iktar ’il fuq, mhumiex biżżejjed importanti sabiex jiġi injorat dan ix-xebh maħluq mill-kelma “limoncello”, li tikkostitwixxi l-ewwel kelma tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni u tiġbed għalhekk l-attenzjoni tal-konsumatur.

47      Rigward it-tqabbil fonetiku, għandu jiġi rrilevat li l-kliem “limoncello” u “limonchelo” huma fonetikament simili. L-ewwel żewġ sillabi “li” u “mon” huma ppronunzjati b’mod identiku, u ż-żewġ sillabli “cello” u “chelo”, għalkemm jinkitbu b’mod differenti, huma ppronunzjati b’mod simili fi Spanja. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, jidher li l-pubbliku Spanjol jippronunzja l-kelma “limoncello” skont ir-regoli ta’ pronunzja Taljani, jiġifieri bl-istess mod bħall-kelma “limonchelo” bl-Ispanjol. Għalkemm it-trade marks konfliġġenti huma differenti fin-numru ta’ kliem, hemm xebh fonetiku bejn dawn it-trade marks peress li t‑trade mark preċedenti hija inkluża għal kollox fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

48      Barra minn hekk, l-element komuni fiż-żewġ trade marks inkwistjoni jikkostitwixxi l-ewwel kelma tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u għalhekk jiġi ppronunzjat l-ewwel. La ż-żieda tal-espressjoni “della costiera amalfitana” u lanqas iż-żieda tal-kelma “shaker” ma jneħħu dan ix-xebh peress li b’ebda mod ma jista’ jiġi eskluż li, waqt ordnijiet bil-fomm, il-konsumatur ikkonċernat jgħid biss din l-ewwel kelma. Huwa magħruf li l-likur mil-lumi huwa ħafna drabi kkunsmat wara kmand mogħti bil-fomm, bħala diġestiv fl-aħħar ta’ ikla. F’dan ir-rigward, ma jistax jirnexxi l-argument tar-rikorrenti li, f’ristorant, il-klijent jordna l-prodott b’mod ġeneriku (“limoncello”) mingħajr ma jkun jista’ jagħmel dan abbażi ta’ trade mark speċifika, u li x-xiri rilevanti huwa għalhekk dak magħmul minn qabel minn min għandu r-ristorant, li effettivament ikollu l-possibbiltà li jagħżel il-prodott fuq il-bażi tat-trade mark. Fil-fatt, ir-ristoranti jista’ jkollhom prodotti ta’ diversi ditti u, għalhekk, il-konsumatur finali xorta jkun jista’ jagħżel meta jagħmel l-ordni tiegħu. Il-kelma “limoncello” tikkostitwixxi għalhekk l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni mill-aspett fonetiku. Għalhekk, hemm xebh fonetiku qawwi bejn is-sinjali konfliġġenti.

49      F’dak li jikkonċerna t-tqabbil kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, m’huwiex eskluż li l-kliem “limoncello” jew “limonchelo” jistgħu jirreferu għal likur mil‑lumi. Rigward l-espressjoni “della costiera amalfitana”, din probabbli tinftiehem fis-sens li tindika li l-prodott inkwistjoni jiġi minn kosta partikolari. Għalhekk, it-tifsira kunċettwali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-pubbliku Spanjol hija “likur mil-lumi, li ġej minn kosta partikolari”. Għalhekk, l-unika differenza kunċettwali meta mqabbla mat-trade mark preċedenti tikkonsisti fl-ispjegazzjoni li dan il-likur ġej minn kosta partikolari. Issa, xejn ma jimpedixxi li l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti jiġu mill‑istess kosta, għalkemm il-kelma li tikkostitwixxi din it-trade mark hija miktuba skont ir-regoli ortografiċi Spanjoli. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li ma tistax tiġi eskluża kull probabbilità ta’ konfużjoni għas-sempliċi raġuni li l‑postijiet ta’ produzzjoni tax-xorb inkwistjoni huma differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punti 29 u 30, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ April 2007, Castellblanch vs UASI, C-131/06 P, Ġabra p. I-63, punt 46). Għalhekk, hemm ukoll xebh kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li hemm ċertu xebh bejn it-trade marks inkwistjoni. Għalhekk ma tistax tiġi aċċettata l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li t-trade marks huma kważi identiċi mill-aspett viżiv u mill-aspett fonetiku. Madankollu, dan l-iżball mhuwiex biżżejjed fih innifsu sabiex iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jekk il-Bord tal-Appell ikkonkluda korrettament li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni.

51      Għalhekk, għad hemm bżonn li ssir evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk globalment teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

52      Għandu jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u x-xebh tal-prodotti jew servizzi koperti. B’hekk, grad żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra (sentenza Canon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17.

53      Il-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni hija spjegata, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġej:

“Ikkunsidrati x-xebh bejn it-trade marks u l-konkordanza bejn il-prodotti li huma jidentifikaw, inklużi fil-klassi 33, hemm probabbilità li l-konsumaturi Spanjoli jikkonfondu jew jassoċjaw l-oriġini kummerċjali tagħhom”.

54      Ir-rikorrenti ssostni li d-differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti jikkumpensaw għall-identiċità tal-prodotti inkwistjoni u li, għalhekk, ma hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti, ħaġa din li hija msaħħa mill‑karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti LIMONCHELO, li għalhekk tibbenefika biss minn protezzjoni mnaqqsa.

55      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma eżamina l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti LIMONCHELO jew tal‑kelma Taljana “limoncello”. Madankollu, għalkemm il-Bord tal-Appell ma rrikonoxxiex, b’mod żbaljat, li dawn il-kelmiet għandhom karattru distintiv dgħajjef, dan l-iżball ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

56      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li r-rikonoxximent ta’ karattru distintiv dgħajjef tat‑trade mark preċedenti ma jostakolax il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, għalkemm il-karattru distintiv tat‑trade mark preċedenti għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Canon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24), dan mhuwiex ħlief element wieħed fost oħrajn li huma involuti f’din l-evalwazzjoni. Għaldaqstant, anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti li jkollha karattru distintiv dgħajjef, tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari, minħabba xebh bejn is-sinjali u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti [sentenza PAGESJAUNES.COM, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T‑112/03, Ġabra p. II‑949, punt 61].

57      Minbarra dan, l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu bħala effett li jinnewtralizza l-fattur ibbażat fuq ix-xebh tat-trade marks favur dak ibbażat fuq il‑karattru distintiv tat-trade mark nazzjonali preċedenti, li jingħatalu importanza eċċessiva. Ir-riżultat ta’ dan ikun li, meta t-trade mark nazzjonali preċedenti jkollha biss karattru distintiv dgħajjef, probabbiltà ta’ konfużjoni teżisti biss f’każ ta’ riproduzzjoni kompleta tagħha mit-trade mark li għaliha ssir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u dan indipendentement mil-livell ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2006, L’Oréal vs UASI, C-235/05 P, Ġabra p. I-57, punt 45). Riżultat bħal dan madankollu ma jkunx konformi man-natura stess tal-evalwazzjoni globali li l-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli li jwettqu skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2007, T.I.M.E. ART vs Devinlec u UASI, C-171/06 P, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 41, u s-sentenza PAGESJAUNES.COM, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

58      Minn dak li ngħad qabel, b’mod partikolari mill-fatt li l-pubbliku rilevanti, fil‑memorja tiegħu, iżomm biss stampa imperfetta tat-trade marks inkwistjoni, hekk li l-element komuni tagħhom, il-kelma “limoncello” jew “limonchelo”, joħloq ċertu xebh bejniethom, u mill-interdipendenza tad-diversi fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati, peress li l-prodotti kkonċernati huma identiċi, jirriżulta li f’din il‑kawża teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni.

59      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. Għalhekk l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter

60      Ir-rikorrenti tikkunsidra li, minħabba l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li vvizzja d-deċiżjoni kkontestata, l-UASI wettaq abbuż ta’ poter.

61      Skont ir-rikorrenti, in-natura manifesta tal-iżball ta’ evalwazzjoni tal-UASI tirriżulta, minn naħa, mit-teħid inkunsiderazzjoni biss tat-terminu “limoncello” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti, li jmur kontra evalwazzjoni globali tad-diversi fatturi li jistgħu joħolqu probabbiltà ta’ konfużjoni.

62      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tara żball manifest ta’ evalwazzjoni fit-teħid ta’ pożizzjoni mill-UASI matul il-proċedimenti sa fejn dawn huma għal kollox kontradittorji. Għal dan il-għan hija tikkonfronta l-ittra tal-UASI tat-23 ta’ Novembru 1999 mad-deċiżjoni kkontestata.

63      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

64      Għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ abbuż ta’ poter għandu portata preċiża fid-dritt Komunitarju u jipprevedi s-sitwazzjoni fejn awtorità amministrattiva tuża l‑poteri tagħha għal għan li ma jkunx dak li għalih ingħatawlha l-poteri. Hemm f’dan ir-rigward ġurisprudenza kostanti li deċiżjoni ma tkunx affettwata minn abbuż ta’ poter ħlief jekk din tkun tidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u koerenti, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ April 1996, Industrias Pesqueras Campos et vs Il-Kummissjoni, T‑551/93 u T‑231/94 sa T‑234/94, Ġabra p. II‑247, punt 168; tat-12 ta’ Jannar 2000, DKV vs UASI (COMPANYLINE), T‑19/99, Ġabra p. II‑1, punt 33; tad-19 ta’ Settembru 2001, Henkel vs UASI (Pillola tonda ħamra u bajda), T‑337/99, Ġabra p. II‑2597, punt 66, u tat-12 ta’ Diċembru 2002, eCopy vs UASI (ECOPY), T‑247/01, Ġabra p. II‑5301, punt 22].

65      Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tressaq ebda element li minnu jista’ jiġi konkluż li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kellha għan differenti minn dak li jiġi vverifikat jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellhiex jew le tiġi rrifjutata skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

66      F’dak li jikkonċerna l-allegat teħid inkunsiderazzjoni tat-terminu “limoncello” biss, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, il-Bord tal‑Appell ikkonkluda ġustament li, f’din il-kawża, kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti. Għalhekk, l-allegati żbalji li l-Bord tal-Appell seta’ wettaq sabiex wasal għal din il-konklużjoni mhumiex suffiċjenti sabiex iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

67      F’dak li jikkonċenra l-pożizzjoni allegatament kontradittorja meħuda mill-UASI, ir-rikorrenti tindika li, meta ddikjara fl-ittra tiegħu tat-23 ta’ Novembru 1999 li kien meħtieġ li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiġi limitata għall-klassi speċifika ta’ prodotti kkostitwita minn likuri tal-lumi li ġejjin mill-kosta Amalfitana, minħabba l-ispeċifiċità tal-oriġini tal-limoncello fid-determinazzjoni tal-għażla tal-konsumatur, l-UASI ried jevita l-probabbiltà ta’ konfużjoni dwar il‑provenjenza tal-likur. L-UASI għalhekk iddikjara l‑kapaċità intrinsika tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni sabiex jiġi identifikat il-likur ta’ lumi prodott fiż-żona tal-kosta Amalfitana. Bil-kontra, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal‑Appell, b’mod kontradittorju skont ir-rikorrenti, ikkunsidra li l-istess espressjoni setgħet toħloq probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumatur medju Spanjol.

68      Dawn l-argumenti ma jistgħux jirnexxu. Fil-fatt, meta talab li tiġi limitata l‑kategorija tal-prodotti li għalihom it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħet tiġi rreġistrata, l-UASI vverifika jekk it-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni kinitx taqa’ taħt ir-raġunijiet assoluti għal rifjut u, b’mod partikolari, taħt l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 40/94, fis-sens li seta’ jkun hemm, mingħajr din il-limitazzjoni, riskju ta’ qerq għall-konsumatur dwar l‑oriġini ġeografika tal-prodott kopert mit-trade mark. L-UASI għalhekk bl-ebda mod ma indika li l-indikazzjoni ġeografika kienet teskludi kull probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ ta’ eventwali oppożizzjoni mqajma fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament.

69      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

70      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata min-nuqqas ta’ motivazzjoni peress li ma turix b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal‑Bord tal-Appell. Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija kkaratterizzata mill‑preżenza ta’ diversi omissjonijiet min-naħa tal-Bord tal-Appell waqt it‑tqabbil tiegħu tas-sinjali u waqt l-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

71      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

72      Sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti jammontaw għal ilment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, dawn diġà ġew eżaminati fil-kuntest tal-ewwel motiv.

73      F’dak li jikkonċerna l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fiha nnifisha, għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 73 tar‑Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu motivati. Barra minn hekk, ir-Regola 50(2)(h) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), tipprovdi li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandha jkollha r‑raġunijiet tad-deċiżjoni. Dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 253 KE. Skont ġurisprudenza stabbilita l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att. Dan l-obbligu għandu l-għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti Komunitarja li tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni. Il‑kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn l-eżiġenzi għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, imma anki tal-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat [sentenzi tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 2004, Sunrider vs UASI – Vitakraft‑Werke Wührmann u Friesland Brands (VITATASTE u METABALANCE 44), T‑124/02 u T‑156/02, Ġabra p. II‑1149, punti 72 u 73, u tal-21 ta’ Novembru 2007, Wesergold Getränkeindustrie vs UASI – Lidl Stiftung (VITAL FIT), T-111/06, Ġabra p. II-159, punt 62].

74      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ddikjara li ż-żewġ trade marks huma viżwalment u fonetikament simili ħafna mingħajr ma saret ebda analiżi.

75      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-Premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika, wara li fakkar il-kontenut ta’ u l-interpretazzjoni mogħtija mill-ġurisprudenza lill-Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, li huwa kien jaqbel mad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fuq il-fatt li t-trade marks konfliġġenti, fir-rigward tal-prodotti koperti minnhom, li jaqgħu fil-klassi 33, kienu simili b’mod joħolqu konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94.

76      Huwa spjega li l-likur tal-lumi li ġej mill-kosta Amalfitana, invokat mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kien b’mod ċar inkluż fil-kategorija “likuri” koperta mit-trade mark preċedenti. Wara dan, huwa spjega li l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kien it-terminu “limoncello”, peress li kienet din il-kelma, u mhux it-tikketta mżejna u kkulurita li fuqha kienet tidher, li kienet l-element prinċipali distitntiv għall-konsumatur ikkonċernat. Huwa indika li, ikkunsidrati d-daqs akbar tal-ittri tal-kelma “limoncello” u l-pożizzjoni prominenti tagħha, kien probabbli li l-kliem addizzjonali ta’ daqs iżgħar li hemm taħtha ma jiġux, fil-biċċa l-kbira tagħhom, innutati f'għajnejn il-konsumaturi.

77      Il-Bord tal-Appell indika li t-trade mark preċedenti kienet ikkostitwita mis-sinjal LIMONCHELO, li t-trade marks konfliġġenti kienu simili ħafna mill-aspett viżiv u mill-aspett fonetiku u li kien inutli, minħabba x-xebh globali li immedjatament jiġi nnutat bejn is-sinjali konfliġġenti, li jsir eżerċizzju ta’ analiżi dettaljata ittra wara ittra, sillaba wara sillaba, sabiex jintwera x-xebh tagħhom. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade marks kienu kważi identiċi mill-aspett viżiv u mill-aspett fonetiku.

78      Huwa għalhekk ikkonkluda li, ikkunsidrat ix-xebh bejn it-trade marks konfliġġenti u l-konkordanza bejn il-prodotti li huma jidentifikaw, kien hemm probabbilità li l‑konsumaturi Spanjoli jikkonfondu jew jassoċjaw l-oriġini kummerċjali tagħhom.

79      Anki jekk jitqies li din il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija fil-qosor u ma tindikax biżżejjed ir-raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell wasal għal din il-konklużjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni iktar dettaljata, fuq dan il-punt, li hemm fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Fil-fatt, il‑Bord tal-Appell indika, fil-Premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa kien jaqbel mad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fuq il-fatt li t-trade marks, fir-rigward tal‑prodotti koperti minnhom, li jaqgħu fil-klassi 33, kienu simili b’mod li joħolqu konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Ikkunsidrata l‑kontinwità funzjonali bejn id-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni u l-Bordijiet tal‑Appell, li toħroġ mill-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94 [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C-29/05 P, Ġabra p. I 2213, punt 30; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Lulju 2006, La Baronia de Turis vs UASI – Baron Philippe de Rothschild (LA BARONNIE), T- 323/03, Ġabra p. II-2085, punti 57 u 58], din id-deċiżjoni, kif ukoll il-motivazzjoni tagħha, jagħmlu parti mill-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, kuntest li r-rikorrenti hija familjari miegħu u li jippermetti lill-qorti teżerċita l‑istħarriġ ġudizzjarju kollu tagħha fir-rigward tal-mertu tal-evalwazzjoni tal‑probabbiltà ta’ konfużjoni. Għandu jiġi rrilevat li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni indikat fid-deċiżjoni tagħha f’liema sens it-trade marks konfliġġenti kienu viżwalment u fonetikament jixtiebhu u r‑raġunijiet għalxiex kien hemm probabbilità ta’ konfużjoni f’dan il-każ.

80      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tispeċifikax ir‑raġunijiet għalxiex il-motivi u l-elementi ta’ prova proposti mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi konkluż li ma hemmx konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti f’moħħ il-konsumaturi rilevanti.

81      F’dan ir-rigward, ikun biżżejjed li jiġi mfakkar li l-istituzzjonijiet mhumiex obbligati, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati minnhom, li jieħdu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-partijiet interessati jinvokaw quddiemhom. Ikun biżżejjed li huma jesponu l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni [digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Frar 2008, Altana Pharma vs UASI – Avensa (PNEUMO UPDATE), T‑327/06, Ġabra p. II-24, punt 18; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Haladjian Frères vs Il‑Kummissjoni, T‑204/03, Ġabra p. II-3779, punt 199].

82      Għandu jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, il-Bord tal‑Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, spjega l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li wassluh sabiex jieħu din id-deċiżjoni, kif jirriżulta mid-deskrizzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-punti 75 sa 78 iktar ’il fuq. Għalhekk, ma jistax jiġi kkritikat li ma rrispondix għall-argument tar-rikorrenti li t-terminu “limoncello” għandu natura purament deskrittiva u sar jintuża b’mod normali fid-deskrizzjonijiet ġeneriċi ta’ tip ta’ likur, jew għall-argumenti tar-rikorrenti li l-UASI stess issuġġerixxa li l-prodotti koperti mir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jitnaqqsu għal-likuri ta’ lumi ġejjin mill-kosta Amalfitana, peress li t-trade mark tkun qarrieqa jekk il-likur inkwistjoni jkollu oriġini differenti.

83      Għalhekk, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud.

84      Minn dan kollu li ngħad qabel jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

85      Ir-rikorrenti titlob li l-UASI jiġi kkundannat għall-ispejjeż kollha marbuta, minn naħa, mal-proċeduri li saru quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u, min-naħa l-oħra, mal-proċeduri tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Rigward it-tieni aggravju mqajjem mill-UASI quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja, fejn ikkritika l-kontradizzjoni evidenti u n-natura illoġika tas-sentenza annullata, huwa għandu f’kull każ jiġi kkundannat għall-ispejjez dwar dan l-aggravju, independentement minn jekk il‑Qorti tal-Prim’Istanza tilqax it-talbiet dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni. Ir-rikorrenti tfakkar li l-UASI rrinunzja għal dan l-aggravju wara d‑digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 2006, iċċitat iktar ’il fuq, li laqgħet dan il-punt.

86      L-UASI jitlob li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha marbuta mal‑proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja.

87      Fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-UASI ġie kkundannat għall-ispejjeż. Fis‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din irriżervat l‑ispejjeż. Hija għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tiddeċiedi, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż kollha marbuta mad-diversi proċeduri, skont l-Artikolu 121 tar-Regoli tal-Proċedura.

88      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet fuq it‑talbiet tagħha kollha, ma hemmx lok li jinqasmu l-ispejjeż, fin-nuqqas ta’ motivi eċċezzjonali f’din il-kawża. Għalhekk hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tal-UASI quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-talbiet tiegħu f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Shaker di L. Laudato & C. Sas hija kkundannata għall-ispejjeż kollha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal‑Ġustizzja.

Tiili

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Novembru 2008.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.