Language of document : ECLI:EU:T:2007:321

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

25 ta’ Ottubru 2007

Kawża T-27/05

Carmela Lo Giudice

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Uffiċjali – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2003 – Irregolaritajiet proċedurali – Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal – Dritt għal smigħ – Leave tal-mard – Ċertifikat mediku”

Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tal-proċedura ta’ evalwazzjoni li tkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2003 u, sussidjarjament, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Mejju 2004, li tistabbilixxi b’mod definittiv ir-rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera tar-rikorrenti għall-perijodu kkonċernat.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2004 dwar ir-redazzjoni definittiva tar-rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera tar-rikorrenti għall-proċedura ta’ evalwazzjoni 2003 hija annullata. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikorsi – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Proċedura ta’ evalwazzjoni tal-persunal – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Redazzjoni fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-proċedura

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Inkapaċità ta’ l-uffiċjal milli jipparteċipa fil-proċedura ta’ redazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni

4.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Termini ta’ kontestazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      Jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu suġġett għal rikors dawk il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu, b’mod rilevanti, is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, u li jiffissaw definittivament il-pożizzjoni ta’ l-istituzzjoni.

Proċedura ta’ evalwazzjoni ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju fis-sens ta’ l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta ma tipproduċi l-ebda effett legali li jista’ jaffettwa l-interess ta’ uffiċjal. Il-proċedura in kwistjoni tikkostitwixxi serje ta’ atti preparatorji li jwasslu għal rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera, iżda li, bil-kontra tagħha, ma tipproduċix effetti ġuridiċi fir-rigward tar-rikorrent.

(ara l-punti 27 u 28)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Ġunju 1993, Seghers vs Il-Kunsill, T‑69/92, Ġabra p. II‑651, punt 28; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Settembru 1993, Yorck von Wartenburg vs Il-Parlament, T‑57/92 u T‑75/92, Ġabra p. II‑925, punt 36; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 25 ta’ Ottubru 2005, Fardoom u Reinard vs Il-Kummissjoni, T‑43/04, Ġabra SP p. I‑A‑329 u II‑1465, punti 26 u 27

2.      Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera ma jistax jiġi adottat definittivament mingħajr ma l-uffiċjal ikkonċernat ma jkun ingħata l-possibbiltà għal smigħ. Fil-fatt, irregolarità fil-proċedura relatata mar-redazzjoni ta’ rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera, dovuta għall-esklużjoni ta’ djalogu ma’ l-uffiċjal, liema djalogu huwa l-fundament tas-sistema ta’ evalwazzjoni, tikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ.

Isegwi li l-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra tmexxi l-proċedura kollha ta’ redazzjoni ta’ rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera u ttemm din il-proċedura f’perijodu li matulu l-uffiċjal evalwat ma kienx jinsab fil-kapaċità li jaħdem kompletament, u fin-nuqqas ta’ kull parteċipazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar, jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ u, għaldaqstant, ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li ma teżisti l-ebda dispożizzjoni fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Kummissjoni, li jippermettu lil uffiċjal li jinsab bil-leave minħabba mard, iżda li għandu aċċess għas-sistema informatika tal-Kummissjoni, jibbenefika minn sospensjoni tat-termini sabiex ikun possibbli li dan jipparteċipa fir-redazzjoni tar-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera. Anki li kieku kellu jitqies li l-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni ġew interpretati korrettament, dawn ma jistgħux jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jew tad-dritt li wieħed jinstema’.

(ara l-punti 46 sa 48, 52, 74 u 75)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Settembru 2004, Ferrer de Moncada vs Il-Kummissjoni, T‑16/03, Ġabra SP p. I‑A‑261 u II‑1163, punt 40; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 14 ta’ Settembru 2006, Laroche vs Il-Kummissjoni, T‑115/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 25 ta’ Ottubru 2006, Carius vs Il-Kummissjoni, T‑173/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 69

3.      Ladarba l-Kummissjoni rrikonoxxiet li uffiċjal kien, matul il-perijodu sħiħ tar-redazzjoni tar-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera, f’inkapaċità li jaħdem kompletament, hija ma tistax validament tikkontesta, mingħajr ma tressaq prova kuntrarja, li l-imsemmi uffiċjal kien ukoll fl-impossibbiltà li jwettaq l-inkarigi speċifiċi marbuta mal-proċedura ta’ evalwazzjoni u li din l-inkapaċità ċaħditu mill-possibbiltà li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal smigħ. Dawn l-inkarigi huma strettament marbuta mal-funzjonijiet eżerċitati mill-uffiċjal fil-post tax-xogħol tiegħu u jeħtieġu essenzjalment l-istess kapaċitajiet fiżiċi u mentali bħal dawk neċessarji għat-twettiq ta’ l-inkarigi tiegħu ta’ kuljum.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-uffiċjal evalwat fetaħ il-messaġġi elettroniċi relatati mal-proċedura ta’ evalwazzjoni u li aċċeda għas-sistema informatika tal-Kummissjoni ma jistax ikun tali li jipprova li kien kapaċi jipparteċipa fil-proċedura ta’ redazzjoni tar-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera.

Fil-fatt, il-fatt li huwa kellu l-kapaċitajiet fiżiċi u mentali neċessarji sabiex iwettaq dawn l-operazzjonijiet informatiċi, li ma jimplikaw l-ebda evalwazzjoni tas-sitwazzjoni professjonali tiegħu u lanqas komunikazzjoni mas-superjuri ġerarkiċi tiegħu sabiex jiġu ssalvagwardati l-interessi tiegħu, ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi pprovat li kien kapaċi jfassal l-awtoevalwazzjoni tiegħu, li jkun preżenti fi djalogu jew li jimmotiva, kif jipprovdi l-Artikolu 8(9) tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Kummissjoni, talba sabiex jiġi rrivedut ir-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera tiegħu.

(ara l-punti 59, 60, 63 u 65)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Jannar 1995, O vs Il-Kummissjoni, T‑527/93, Ġabra SP p. I‑A‑9 u II‑29

4.      It-termini stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ġenerali għall-eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Kummissjoni, għall-kontestazzjoni ta’ rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera fil-fażijiet differenti tal-proċedura għandhom bħala għan mhux biss li jiggarantixxu l-amministrazzjoni tajba tal-ħafna rapporti ta’ l-iżvilupp tal-karriera li l-Kummissjoni ta’ kull sena jkollha f’idejha, iżda wkoll li jiġi żgurat li l-uffiċjal evalwat jibbenefika minn terminu ta’ riflessjoni suffiċjenti sabiex, wara li jkun ikkonsulta r-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera li jikkonċernah, ikun jista’ japprovah jew jikkontestah quddiem l-awtorità kkonċernata. B’hekk, jeħtieġ li jiġi sospiż it-terminu ta’ ħamest ijiem ta’ xogħol disponibbli għat-talba ta’ reviżjoni tar-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera fil-każ ta’ assenza ġustifikata ta’ uffiċjal, sabiex ma jiċċaħħadx mid-dritt tiegħu għal terminu ta’ riflessjoni.

(ara l-punt 68)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Diċembru 2005, Bauwens vs Il-Kummissjoni, T‑154/04, Ġabra SP p. I‑A‑425 u II‑1933, punti 40 u 42