Language of document : ECLI:EU:T:2010:453

Kawża T-24/05

Alliance One International, Inc. et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq — Obbligu ta’ motivazzjoni — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Trattament ugwali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Impriża — Kunċett — Unità ekonomika

(Artikolu 81(1) KE)

2.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni – Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Impriża suġġetta għall-kontroll konġunt ta’ diversi impriżi jew persuni oħra

(Artikolu 81(1) KE)

5.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni

(Artikoli 81 KE u 253 KE)

6.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

1.      Id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi. Il‑kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata. Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Meta entità ekonomika bħal din tikser ir-regoli tal‑kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur.

(ara l-punti 122-124)

2.      Il-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni għandu inekwivokament jiġi imputat fuq persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi. Għall-finijiet tal-applikazzjoni u t-twettiq tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa meħtieġ, fil-fatt li tiġi identifikata, bħala destinatarja, entità li jkollha personalità ġuridika.

L-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika. Għaldaqstant, ma hijiex rabta ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s‑sussidjarja tagħha u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tindirizza d-deċiżjoni li timponi l-multi lill-kumpannija parent.

Il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li tikkonstata li l-kumpannija parent qiegħda f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, iżda għandha wkoll tivverifika jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata. Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni sempliċi li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent iżżomm il-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is‑sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta lill-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li taqleb din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Il-preżunzjoni bbażata fuq iż-żamma tat-totalità ta’ kapital tista’ tapplika mhux biss f’każ fejn teżisti relazzjoni diretta bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, iżda wkoll fil-każ, bħal dak fil-kawża preżenti, fejn din ir-relazzjoni hija indiretta, permezz ta’ sussidjarja intermedjarja.

Il-Kummissjoni tista’ madankollu tagħżel li ma tillimitax ruħha għal din il‑preżunzjoni, iżda li tibbaża ruħha wkoll fuq punti ta’ fatt intiżi sabiex jistabbilixxu li l-kumpanniji parent fil-fatt jeżerċitaw influwenza determinanti fuq is‑sussidjarja tagħhom u, għaldaqstant, sabiex isostnu din il-preżunzjoni.

(ara l-punti 125-130, 132, 141)

3.      L-element ċentrali li fuqu tibbaża ruħha l-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi li l‑kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jinsabu fl-istess unità ekonomika huwa n‑nuqqas ta’ awtonomija ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-aġir tagħha fis-suq, peress li dan in-nuqqas ta’ awtonomija huwa korollarju tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

L-influwenza determinanti li għandha teżerċita kumpannija parent sabiex tinżamm responsabbli għal ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha ma tistax tkun limitata għall-attivitajiet li jaqgħu taħt il-politika kummerċjali stricto sensu tagħha u li, barra minn hekk, huma direttament marbuta mal-imsemmi ksur. Fil-fatt, sabiex jiġi stabbilit jekk sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fuq is-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jorbtu s-sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux ikunu is-suġġett ta’ lista eżawrjenti.

(ara l-punti 135, 170, 171)

4.      Meta impriża hija suġġetta għall-kontroll konġunt ta’ żewġ impriżi jew persuni oħra jew iktar, dawn tal-aħħar għandhom bħala definizzjoni, il-possibbiltà li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-ewwel impriża. Madankollu, dan ma huwiex suffiċjenti sabiex jinżammu responsabbli għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq minn impriża li għandhom il-kontroll konġunt tagħha, peress li tali imputabbiltà teħtieġ barra minn hekk li l-kundizzjoni dwar l‑eżerċizzju effettiv tal-influwenza determinanti tkun sodisfatta. Jekk dan ikun il-każ, l-impriżi jew persuni differenti li jeżerċitaw kontroll konġunt ikunu jistgħu jinżammu responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħhom. Kieku kellu jidher li, fir-realtà, waħda biss minn dawn l-impriżi jew persuni li jżommu l‑kontroll konġunt jeżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħhom jew jekk ċirkustanzi speċifiċi oħra kellhom jiġġustifikawh, il‑Kummissjoni tkun tista’ biss iżżomm responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn din is-sussidjarja lil din l-impriża jew persuna.

(ara l-punt 165)

5.      Il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata min-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati li jifhmu l‑ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-eżiġenza ta’ motivazzjoni għandha tinftiehem fil-funzjoni taċ‑ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jistgħu jkollhom id-destinatarji jew ta’ partijiet oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha tal-elementi ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-motivazzjoni ta’ att jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħhom, imma wkoll tal-kuntest tagħhom kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

Meta deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE tikkonċerna bosta destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, hija għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur.

(ara l-punti 149, 150)

6.      Il-Kummissjoni hija marbuta li tirrispetta l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat.

B’hekk, meta, f’kawża jiddaħħal inkwistjoni ksur li jimplika diversi impriżi differenti, il-Kummissjoni tadotta, f’kuntest stabbilit mill-ġurisprudenza, metodu partikolari sabiex tiddetermina jekk hemmx lok li jinżammu responsabbli kemm is-sussidjarji li wettqu materjalment dan il-ksur, kif ukoll il-kumpanniji parent tagħhom, hija għandha, ħlief f’ċirkustanzi speċifiċi, tibbaża ruħha għal dan il-għan fuq l-istess kriterji fil-każ ta’ dawn l-impriżi kollha.

(ara l-punti 156, 157)