Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Diċembru 2023 – Servier et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1152/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Servier SAS (Suresnes, Franza), Servier Laboratories Ltd (Slough, ir-Renju Unit), Les Laboratoires Servier SAS (Suresnes) (rappreżentanti: J. Killick, T. Reymond, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

(a) tordna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, tagħti kumpens finanzjarju:

i. li jikkorrispondi għall-interessi moratorji fuq is-somma ta’ EUR 102 668 310 bir-rata ta’ interessi tal-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid tiegħu, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, għall-perijodu ta’ bejn is-7 ta’ Ottubru 2014 u l-31 ta’ Jannar 2019, li jirriżulta fl-ammont ta’ EUR 15 965 920, jew, fin-nuqqas ta’ dan, bir-rata ta’ interessi li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa;

ii. sussidjarjament, li jikkorrispondi għall-interessi kumpensatorji dovuti sabiex jirriflettu d-deprezzament tal-valur tal-flus dovut għall-inflazzjoni bejn is-7 ta’ Ottubru 2014 u l-31 ta’ Jannar 2019, li jammontaw għal EUR 6 036 897, jew, fin-nuqqas ta’ dan, għall-ammont li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq;

(b) tordna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, tħallas interessi moratorji kkalkolati fuq il-kumpens finanzjarju mitlub taħt il-punt (a) preċedenti għall-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 2019 u d-data tal-pagament effettiv mill-Kummissjoni tal-ammont imħallas abbażi tal-punt (a) preċedenti konformement ma’ sentenza li tilqa r-rikors preżenti, bir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid tiegħu, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, jew, fin-nuqqas ta’ dan, bir-rata ta’ interessi li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa;

(c) sussidjarjament, tordna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea tħallas l-interessi moratorji kkalkolati fuq il-kumpens finanzjarju mitlub fil-punt (a) preċedenti għall-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 2019 u d-data tal-ħlas effettiv mill-Kummissjoni tal-ammont imħallas abbażi tal-punt (a) preċedenti konformement ma’ sentenza li tilqa dan ir-rikors, bir-rata annwali tal-inflazzjoni ddeterminata, għall-perijodu inkwistjoni, mill-iktar rata għolja ta’ inflazzjoni pprattikata mill-Eurostat għal Franza jew mir-rata ta’ inflazzjoni stabbilita mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għar-Renju Unit jew, fin-nuqqas ta’ dan, interessi li jikkumpensaw għall-inflazzjoni għall-imsemmi perijodu u bir-rata ta’ interessi li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa;

(d) b’mod iktar sussidjarju, tordna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, tħallas kumpens finanzjarju li jikkorrispondi għall-interessi moratorji fuq kwalunkwe somma oħra li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa bir-rata ta’ interessi tal-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid tiegħu, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, għall-perijodu ta’ bejn is-7 ta’ Ottubru 2014 u l-31 ta’ Jannar 2019, flimkien mal-interessi bl-istess rata (jew sussidjarjament, bir-rata ffissata taħt il-prinċipji stabbiliti fil-punt (c) preċedenti sad-data tal-ħlas effettiv mill-Kummissjoni; u

(e) tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

It-talba għall-kumpens tar-rikorrenti hija bbażata fuq ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 266 TFUE mwettaq mill-Kummissjoni billi naqset milli tħallas interessi moratorji mal-ħlas lura tal-multa imposta indebitament wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-691/14, Servier SAS et vs Il-Kummissjoni 1 .

Sussidjarjament, ir-rikorrenti jibbażaw it-talba għad-danni abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 266 TFEU billi naqset milli tħallas interessi kumpensatorji sabiex jirriflettu d-deprezzament tal-valur tal-flus mal-ħlas lura tal-multa imposta indebitament wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-691/14, Servier SAS et vs Il-Kummissjoni.

____________

1 Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni (T-691/14, EU:T:2018:922).