Language of document : ECLI:EU:T:2014:814

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

25 ta’ Settembru 2014 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokument li joriġina mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot – Artikolu 4(4) u (5) – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Rifjut ta’ aċċess – Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali – Obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali – Aċċess parzjali – Interess pubbliku superjuri”

Fil-Kawża T‑669/11,

Darius Nicolai Spirlea u Mihaela Spirlea, residenti fi Capezzano Pianore (l-Italja), irrappreżentati inizjalment minn V. Foerster u T. Pahl, sussegwentement minn V. Foerster u E. George, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Costa de Oliveira u H. Kraemer, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Novembru 2012, li tirrifjuta li tagħti aċċess lir-rikorrenti għall-osservazzjonijiet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja indirizzat lill-Kummissjoni, fis-7 ta’ Lulju 2011, fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Fuq l-aċċess għal dokumenti

1        L-Artikolu 15(3) TFUE jipprevedi li:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom, suġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond dan il-paragrafu.

Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti permezz ta’ regolamenti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja.

Kull istituzzjoni, korp jew organu għandu jassigura t-trasparenza tal-ħidma tiegħu u jelabora fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu d-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess għad-dokumenti tiegħu, skond ir-regolamenti previst fit-tieni subparagrafu […]”

2        L-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, intitolat “Id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti”, jipprevedi li:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom.”

3        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu [15 TFUE].

4        Il-premessi 4 u 11 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedu li:

“(4) L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) tat-Trattat tal-KE.

[…]

(11) Bħala prinċipju, kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l-konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom. Meta jagħmlu stima ta’ l-eċċeżżjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni.”

5        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

(a)      li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ‘l-istituzzjonijiet’) previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat tal-KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti,

(b)      li jistabbilixxi regoli li jiżguraw l-aktar faċilità fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, u

(ċ)      li jimmpromwovi prattika amministrattiv tajba fl-aċċess għad-dokumenti.”

6        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3. Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]”

7        L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jipprevedi li:

“L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

8        L-Artikolu 4(4) sa (6) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistabbilixxi li:

“4. Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

5. Stat Membru jista' jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma' jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

6. Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.”

 Fuq il-proċedura EU Pilot

9        Il-proċedura EU Pilot hija proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri li tippermetti li jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-UE huwiex osservat u applikat korrettament fi ħdan l-Istati Membri. Hija għandha l-għan li tirrisolvi ksur eventwali tad-dritt tal-UE b’mod effikaċji billi jiġi evitat, sa fejn ikun possibbli, il-ftuħ formali tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

10      L-aspetti operattivi tal-proċedura EU Pilot ġew deskritti, inizjalment, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Settembru 2007, intitolata “Ewropa li tikseb ir-riżultati – l-applikazzjoni tal-liġi komunitarja” [COM(2007) 502 finali]. B’mod partikolari, il-punt 2.2 ta’ din il-komunikazzjoni, intitolat “It-titjib tal-metodi ta’ ħidma” jipprevedi dan li ġej:

“[…] Fil-qagħda attwali, il-mistoqsijiet u l-ilmenti kollha li jqajmu dubji dwar l-applikazzjoni korretta tal-liġi Komunitarja mibgħuta lill-Kummissjoni jiġu rreġistrati u rikonoxxuti [r-riċezzjoni tagħhom tiġi kkonfermata] […]. Fejn xi kwistjoni tkun teħtieġ kjarifika dwar il-pożizzjoni fattwali jew legali fl-Istat Membru, din tintbagħat lill-Istat Membru kkonċernat. […] l-Istat Membru jingħata skadenza qasira ta’ żmien biex iressaq il-kjarifiki, l-informazzjoni u s-soluzzjonijiet meħtieġa direttament liċ-ċittadini u n-negozji kkonċernati u jgħarraf lill-Kummissjoni. Meta l-kwistjoni tirriżulta li tkun ksur tal-liġi Komunitarja, l-Istat Membru jkunu mistenni jagħti rimedju, jew li joffri rimedju, fi skadenzi stipulati ta’ żmien. Meta ma tiġi proposta l-ebda soluzzjoni, il-Kummissjoni ssegwi l-każ, filwaqt li tieħu azzjoni ulterjuri, inkluż permezz ta' proċedimenti ta' ksur, skond il-prattika eżistenti. […] Ir-riżultati tal-każi jiġu rreġistrati sabiex ikun jista’ jsir rappurtaġġ dwar il-prestazzjoni u kull segwitu li jsir, inklużi r-reġistrazzjoni u l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ ksur. Dan ir-rappurtaġġ jidentifika l-volum, in-natura u s-serjetà tal-problemi li jibqgħu mingħajr soluzzjoni, filwaqt li tiġi indikata l-ħtieġa ta’ mekkaniżmi addizzjonali ta’ soluzzjoni ta’ problemi jew ta’ inizjattivi għas-settur aktar adatti għall-każ. Dawn il-miżuri kollha għandhom jikkontribwixxu għal tnaqqis fl-għadd ta’ proċeduri ta’ ksur u għal effiċjenza mtejba fil-ġestjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi eżerċizzju pilota li jinvolvi xi Stati Membri fl-2008, li wara evalwazzjoni ta’ l-ewwel sena ta’ ħidma, jkun jista’ jiġi estiż għall-Istati Membri kollha. […]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Ir-rikorrenti, Darius Nicolai Spirlea u Mihaela Spirlea, huma l-ġenituri ta’ tifel li miet f’Awwissu 2010, allegatament minħabba trattament terapewtiku abbażi ta’ ċelloli staminali awtologi li ngħata fi klinika privata stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“klinika privata”).

12      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti ressqu lment quddiem id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Saħħa” tal-Kummissjoni Ewropea, li fih huma jsostnu, essenzjalment, li l-klinika privata setgħet twettaq l-attivitajiet terapewtiċi tagħha minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Ġermaniżi, li b’hekk kisru d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1394/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar prodotti mediċinali ta’ terapija avvanzata u li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 (ĠU L 324, p. 121).

13      Wara dan l-ilment, il-Kummissjoni fetħet proċedura EU Pilot, bir-referenza 2070/11/SNCO, u kkuntattjat l-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex tivverifika sa fejn l-avvenimenti deskritti mir-rikorrenti fl-ilment tagħhom, dwar il-prattika tal-klinika privata, setgħux jiksru r-Regolament Nru 1394/2007.

14      Fl-10 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żewġ talbiet għal informazzjoni, li din tal-aħħar ikkonformat ruħha magħhom fis-7 ta’ Lulju u fl-4 ta’ Novembru 2011 rispettivament.

15      Fil-11 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti talbu l-aċċess, bis-saħħa tar-Regolament Nru 1049/2001, għal informazzjoni dwar it-trattament tal-ilment. B’mod partikolari, huma talbu sabiex jikkonsultaw l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fis-7 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem id-“dokument kontenzjuż”).

16      Fit-12 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Ġermaniżi dwar it-talba għal aċċess tar-rikorrenti għad-dokument kontenzjuż.

17      Fid-19 ta’ Awwissu 2011, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Kummissjoni li kienet qed topponi l-għoti ta’ aċċess għad-dokument kontenzjuż abbażi tal-eċċezzjonijiet dwar, minn naħa, il-protezzjonijiet tar-relazzjonijiet internazzjonali, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament.

18      Fit-22 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni rrifjutat it-talba għal aċċess tar-rikorrenti għad-dokument kontenzjuż.

19      Fis-27 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ressqu quddiem il-Kummissjoni talba konfermattiva skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

20      Fid-9 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni preċedenti tagħha billi rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għad-dokument kontenzjuż abbażi tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

21      Qabelxejn, il-Kummissjoni spjegat li, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet Ġermaniżi, dawn kienu qed jopponu l-iżvelar tal-imsemmi regolament billi jinvokaw b’mod partikolari l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-investigazzjonijiet prevista fir-Regolament Nru 1049/2001. Sussegwentement, hija osservat li, billi din il-motivazzjoni kienet tidher, prima facie, fondata, hija kellha tirrifjuta l-aċċess għad-dokument kontenzjuż bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, hija qieset li aċċess parzjali għad-dokument kontenzjuż skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kienx possibbli f’dan il-każ. Fl-aħħar nett, hija kkonstatat li ma kien jeżisti l-ebda interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiġġustifika l-iżvelar tal-imsemmi dokumenti.

22      Fis-27 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO kienet ingħalqet definittivament.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw din l-azzjoni.

24      Wara tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, li lilha ġiet assenjata din il-kawża.

25      Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Frar 2014, il-Qorti Ġenerali ordnat, abbażi tal-Artikolu 65(b), tal-Artikolu 66(1) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokument kontenzjuż, filwaqt li pprovdiet li dan id-dokument ma kienx ser jiġi kkomunikat lir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Il-Kummissjoni kkonformat ruħha ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

26      Fl-4 ta’ Frar 2014, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet fuq il-konsegwenzi, għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, li għandhom jitnisslu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni (C‑135/11 P). Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din l-istedina fit-terminu stabbilit.

27      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

28      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2014.

29      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

31      Ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, tliet motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tal-imsemmi regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

32      Ir-rikorrenti jilmentaw, essenzjalment, li l-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-oppożizzjoni waħedha min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-iżvelar tad-dokument kontenzjuż kienet biżżejjed sabiex tiġi miċħuda t-talba tagħhom abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji fit-trattament tat-talba tagħhom għal aċċess u ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata.

33      Qabelxejn, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-każ ta’ talba għal aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru, bħal f’dan il-każ, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tikkonsulta immedjatament lill-Istat Membru kkonċernat dwar l-aċċess jekk ikun ċar li d-dokument inkwistjoni għandu jiġi żvelat. F’dan il-każ, ir-rikorrenti josservaw li ebda element tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermetti li jitqies li tali marġni ta’ diskrezzjoni ġiet eżerċitata mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-talba tagħhom għal aċċess.

34      Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li, anki wara l-konsultazzjoni mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni kellha tivverifika fid-dettall jekk il-fatti u l-motivazzjoni invokati mill-Istat Membru kontra l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż kinux fondati. Skonthom, hija l-Kummissjoni li għandha, mhux biss tivverifika jekk l-imsemmi Stat Membru mmotivax formalment l-oppożizzjoni tiegħu, iżda li tikkontrolla wkoll jekk din il-motivazzjoni kinitx marbuta mal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u li tevalwa in concreto jekk l-eċċezzjonijiet u l-motivi invokati kinux applikabbli għad-dokument kontenzjuż.

35      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tuża l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, huma jqisu li, sabiex jiġi evitat l-aċċess tar-rikorrenti għad-dokument kontenzjuż, il-Kummissjoni ordnat direttament lill-Istat Membru sabiex jopponi u li hija stess tat istruzzjonijiet dwar il-mod kif kellhom jiġu invokati l-eċċezzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001. Issa, tali approċċ ikun kontra l-iskop tal-imsemmi regolament, jiġifieri t-trasparenza u l-oġġettività tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

36      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ta’ dritt għal smigħ fil-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huma josservaw li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet informata dwar ir-raġunijiet li huma invokaw insostenn tat-talba tagħhom għal aċċess, filwaqt li huma ma ġewx informati dwar ir-raġunijiet li għalihom l-imsemmi Stat Membru oppona l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma ma setgħux jesprimu ruħhom dwar il-fondatezza tal-oppożizzjoni ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Fl-aħħar nett, huma jqisu li, bħala partijiet fil-proċedura fis-sens tal-imsemmi regolament, huma suppost kellhom aċċess għat-tweġiba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

37      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni estendiet b’mod żbaljat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 lill-“awtoritajiet Ġermaniżi”, filwaqt li l-uniku interlokutur validu għall-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-artikolu kienet ir-“Repubblika Federali tal-Ġermanja”.

38      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

39      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jressqu, essenzjalment, żewġ ilmenti, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001, u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

–       Osservazzjonijiet preliminari

40      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku d-dritt ta’ aċċess l-iktar estensiv possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 33, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il‑Kunsill, T‑63/10, punt 28). Bis-saħħa tal-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, dan id-dritt ikopri mhux biss id-dokumenti redatti minn istituzzjoni, imma wkoll dawk li tirċievi minn terzi, li fosthom hemm l-Istati Membri, hekk kif jippreċiża espressament l-Artikolu 3(b) tal-istess regolament.

41      Madankollu, dan id-dritt ta’ aċċess huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 62, u s-sentenza Jurašinović vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29). B’mod partikolari, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li joriġina minn dan l-Istat mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu (sentenza IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

42      F’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja eżerċitat il-possibbiltà mogħtija lilha mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u talbet lill-Kummissjoni biex ma tiżvelax l-osservazzjonijiet li hija kienet bagħtitilha fis-7 ta’ Lulju 2011 fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO. Dan l-Istat Membru bbaża l-oppożizzjoni tiegħu b’mod partikolari fuq l-eċċezzjoni dwar l-attivitajiet ta’ investigazzjoni, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni bbażat ir-rifjut tagħha ta’ aċċess għad-dokument kontenzjuż fuq l-oppożizzjoni murija mill-awtoritajiet Ġermaniżi skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tispeċifika, fis-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni (C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389), u IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-portata tal-oppożizzjoni magħmula minn Stat Membru bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjoni.

44      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 kellu natura proċedurali sa fejn jillimita ruħu li jipprevedi r-rekwiżit ta’ kunsens minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat meta dan tal-aħħar ikun ifformula talba speċifika f’dan is-sens u meta din tkun iddedikata għall-proċess ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Unjoni (sentenzi L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 78 u 81, u IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

45      Kuntrarjament għall-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jagħti lil terzi, fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minnhom, biss id-dritt li jiġu kkonsultati mill-istituzzjoni kkonċernata fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess Artikolu 4, il-paragrafu 5 tiegħu jistabbilixxi kunsens minn qabel tal-Istat Membru bħala kundizzjoni neċessarja għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minn dan tal-aħħar fil-każ fejn dan l-istess Stat jitlob hekk (sentenza IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

46      B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta Stat Membru jkun eżerċita l-possibbiltà mogħtija lilu mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jitlob li dokument speċifiku, li joriġina minn dan l-istess Stat, ma jiġix żvelat mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu, l-iżvelar eventwali ta’ dan id-dokument mill-istituzzjoni jeħtieġ il-kisba ta’ kunsens minn qabel tal-imsemmi Stat Membru (sentenzi L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50, u IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

47      A contrario, jirriżulta li l-istituzzjoni li ma jkollhiex il-kunsens tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tiżvela d-dokument inkwistjoni (sentenzi L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44, u IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

48      Madankollu, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħtix lill-Istat Membru kkonċernat dritt ta’ veto ġenerali u inkundizzjonat li jippermettilu jopponi, b’mod purament diskrezzjonali u mingħajr ma jkollu bżonn jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, l-iżvelar ta’ kull dokument fil-pussess ta’ istituzzjoni għas-sempliċi fatt li dan id-dokument joriġina minn dan l-Istat Membru (sentenzi L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58, u IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

49      Fil-fatt, l-eżerċizzju tas-setgħa li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħti lill-Istat Membru kkonċernat huwa ddelimitat permezz tal-eċċezzjonijiet materjali elenkati fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-istess artikolu, peress li f’dan ir-rigward dan l-Istat Membru jingħata biss il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjoni tal-istituzzjoni. Il-kunsens minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat li għalih jirreferi dan l-artikolu jixbah, għalhekk, mhux dritt ta’ veto diskrezzjonali, iżda forma ta’ opinjoni li tikkonferma l-ineżistenza ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tal-istess artikolu. Il-proċess deċiżjonali stabbilit b’dan il-mod mill-imsemmi artikolu jirrikjedi għaldaqstant li l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernati josservaw l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-imsemmija paragrafi 1 sa 3 (sentenzi L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 76 u 83, u IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

50      Konsegwentement, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat jopponi l-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu biss abbażi tal-eċċezzjonijiet materjali previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu u billi jimmotiva debitament il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward (sentenzi L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99, u IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

51      Għal dak li jirrigwarda, f’dan il-każ, il-portata tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-konfront tal-istituzzjoni adita b’talba għal aċċess għal dokument, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-intervent tal-Istat Membru kkonċernat ma jaffettwax, fir-rigward ta’ min iressaq it-talba, in-natura ta’ att tal-Unjoni tad-deċiżjoni indirizzata lilu sussegwentement mill-istituzzjoni bi tweġiba għat-talba tiegħu għal aċċess għal dokument miżmum minnha (sentenzi L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94, u IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

52      L-istituzzjoni adita b’talba għal aċċess għal dokument, bħala awtriċi ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti, hija għaldaqstant responsabbli mil-legalità tagħha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-istituzzjoni ma tistax taġixxi skont l-oppożizzjoni murija minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu jekk din l-oppożizzjoni bl-ebda mod ma tkun immotivata jew jekk ir-raġunijiet li fuqhom jibbaża ruħu dan l-Istat Membru sabiex jirrifjuta l-aċċess għad-dokument inkwistjoni ma jirreferux għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88, u IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

53      Minn dan jirriżulta li, qabel ma tirrifjuta l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha teżamina jekk dan tal-aħħar ibbażax l-oppożizzjoni tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jekk immotivax debitament il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-proċess ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess, l-imsemmija istituzzjoni għandha tiżgura ruħha mill-eżistenza ta’ tali motivazzjoni u tirreferi għaliha fid-deċiżjoni adottata minnha fi tmiem il-proċedura (sentenzi L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99, u IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

54      Min-naħa l-oħra, ma hijiex l-istituzzjoni adita b’talba għal aċċess għal dokument li għandha d-dmir li twettaq evalwazzjoni eżawrjenti tad-deċiżjoni ta’ oppożizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, billi twettaq kontroll li jmur lil hinn mill-verifika tas-sempliċi eżistenza ta’ motivazzjoni li tirreferi għall-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

55      Fil-fatt, jekk tiġi mitluba tali evalwazzjoni eżawrjenti din tista’ twassal sabiex, ladarba din issir, l-istituzzjoni adita b’talba għal aċċess għal dokument tista’, b’mod żbaljat, tipproċedi sabiex tikkomunika d-dokument inkwistjoni lil min ikun ressaq it-talba minkejja l-oppożizzjoni, debitament immotivata fis-sens tal-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, tal-Istat Membru li minnu joriġina dan id-dokument (sentenza IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

56      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġi eżaminati ż-żewġ ilmenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv.

–       Fuq l-allegat ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

57      Għal dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni, qabel il-konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat fis-sens tal-paragrafu 5 tal-istess artikolu, għandha tivverifika, bis-saħħa tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, jekk id-dokument li għalih intalab l-aċċess għandux jew le jiġi żvelat fid-dawl tal-eċċezzjonijiet previsti fl-imsemmi regolament.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din l-allegazzjoni hija intiża li tiġi kkontestata l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, ifformulata kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li tgħid li, meta talba għal aċċess tirrigwarda dokument li joriġina minn Stat Membru, hija titlob sussegwentement lil dan l-Istat il-kunsens tiegħu għall-iżvelar.

59      Issa, ir-rikorrenti jikkritikaw ġustament tali affermazzjoni tal-Kummissjoni, għaliex l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li, fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, inklużi l-Istati Membri (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), l-istituzzjoni adita b’talba għal aċċess għal dokument għandha tikkonsulta mat-terz sabiex tiddetermina jekk eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2 tal-istess artikolu tapplikax, sakemm ma jkunx ċar li d-dokument għandu jew ma għandux jiġi żvelat.

60      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, stabbilixxiet li, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk l-istituzzjoni kkonċernata tqis li jirriżulta b’mod ċar li rifjut ta’ aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru għandu jkun ibbażat fuq l-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 jew 2 tal-istess artikolu, din għandha tirrifjuta l-aċċess lil min ikun ressaq it-talba mingħajr lanqas ma hija obbligata tikkonsulta mal-Istat Membru li minnu joriġina d-dokument, u dan, kemm jekk dan l-Istat Membru ikun jew ma jkunx ressaq preċedentement talba abbażi tal-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

61      Għaldaqstant, hekk kif isostnu r-rikorrenti, jekk id-dokument li joriġina minn Stat Membru u li għalih intalab l-aċċess ma jkun jirrigwarda bl-ebda mod l-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkonsulta dan l-Istat Membru u għandha tipproċedi direttament bl-iżvelar tad-dokument kontenzjuż mingħajr il-kunsens tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, l-Istati Membri ma għandhomx dritt ta’ veto ġenerali u inkundizzjonat li jippermettilhom jopponu l-iżvelar ta’ kull dokument fil-pussess ta’ istituzzjoni għas-sempliċi fatt li dan id-dokument joriġina minn dawn l-Istati Membri.

62      F’dan il-każ, madankollu, ebda ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jista’ jiġi imputat lill-Kummissjoni sa fejn, hekk kif hija indikat fid-deċiżjoni kkontestata, id-dokument kontenzjuż jaqa’ taħt proċedura EU Pilot u l-eċċezzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 setgħet għalhekk tiġi invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li r-rikorrenti ma jikkontestawx li d-dokument kontenzjuż jaqa’ taħt attività ta’ “investigazzjoni” fis-sens tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

64      F’kull każ, mill-Komunikazzjoni tal-5 ta’ Settembru 2007 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-għan tal-proċeduri EU Pilot huwa li jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-UE huwiex osservat u applikat korrettament fi ħdan l-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tirrikorri ta’ spiss għal talbiet għal informazzjoni, indirizzati kemm lill-Istati Membri implikati kif ukoll liċ-ċittadini u lill-impriżi kkonċernati. B’mod partikolari, fil-kuntest speċifiku tal-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO, il-Kummissjoni eżaminat jekk, effettivament, il-fatti deskritti mir-rikorrenti fl-ilment tagħhom setgħux jikkostitwixxu ksur tar-Regolament Nru 1394/2007 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. F’dan ir-rigward, hija, qabelxejn, bagħtet it-talbiet għal informazzjoni lil dan l-Istat Membru. Sussegwentement, hija evalwat it-tweġibiet miksuba. Fl-aħħar nett, hija esponiet il-konklużjonijiet tagħha, għalkemm provviżorjament, fil-kuntest ta’ rapport indirizzat lir-rikorrenti.

65      Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 meta hija kkonsultat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-kwistjoni jekk, fl-opinjoni tagħha, l-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 kinux applikabbli għat-talba tagħhom ta’ aċċess. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba ta’ aċċess kienet tiddependi mid-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest tal-proċess ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

66      It-tieni nett, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex topponi l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali allegazzjoni bl-ebda mod ma ġiet issostanzjata. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ittra tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Awwissu 2011 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), din tal-aħħar informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar it-talba għal aċċess tar-rikorrenti għad-dokument kontenzjuż u, f’dan il-kuntest, hija llimitat ruħha li tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dan ma jikkostitwixxix stedina sabiex issir oppożizzjoni għat-talba tagħhom ta’ aċċess, iżda huwa biss intiż li jissodisfa l-obbligu tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2011 li tikkonsulta l-Istat Membru kkonċernat minn din it-talba.

67      It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni rreferiet b’mod żbaljat għall-“awtoritajiet Ġermaniżi” u mhux għar-“Repubblika Federali tal-Ġermanja”. F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li din l-allegazzjoni tirriżulta minn ftehim ħażin tal-kliem tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-kuntest tal-motivazzjoni tagħha, il-Kummissjoni użat l-espressjoni “awtoritajiet Ġermaniżi” bħala espressjoni ekwivalenti għall-espressjoni “Repubblika Federali tal-Ġermanja”. Sa fejn iż-żewġ espressjonijiet kienu qed jirreferu, f’dan il-każ, għall-Istat Membru kkonċernat li minnu oriġina d-dokument li huwa s-suġġett tat-talba għal aċċess, fis-sens tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, ebda ksur tal-imsemmi artikolu ma jista’ jiġi imputat lill-Kummissjoni. Għandu jitfakkar li dan l-artikolu jkopri d-dokumenti kollha li joriġinaw mill-Istati Membri u li dawn ikunu bagħtu lil istituzzjoni, ikun min ikun l-awtur ġewwa l-imsemmija Stati skont it-tqassim nazzjonali ta’ kompetenzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

68      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jilmentaw, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u li ma ppermettietx li jsiru jafu l-opinjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja wara l-konsultazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabelxejn, l-istess bħalma tosserva l-Kummissjoni, li hija ma għandhiex il-kompitu, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, li tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, dwar kwistjoni bejn min iressaq talba għal aċċess għal dokumenti u l-Istat Membru li huwa l-awtur ta’ dan id-dokument. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha, bħala istituzzjoni kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-aċċess għad-dokument kontenzjuż, teżamina jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kinitx ipprovdiet, fid-dawl tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-raġunijiet li jistgħu jimmotivaw prima facie r-rifjut tat-talba għal aċċess.

70      Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha biss li tesponi l-pożizzjoni meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar it-talba tagħhom għal aċċess, iżda rriproduċiet ukoll, b’mod litterali, is-siltiet tal-opinjoni li din tal-aħħar kienet bagħtitilha wara l-konsultazzjoni (taqsima 3 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, dawn huma siltiet fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja spjegat, essenzjalment, li, fl-opinjoni tagħha, fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot, għandu jkun hemm ambjent ta’ fiduċja reċiproka mal-Kummissjoni li jippermetti li jinbeda proċess ta’ negozjar u ta’ kompromess bl-għan li t-tilwima tiġi riżolta malajr u kompletament. Minn dawn is-siltiet jirriżulta wkoll li, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż ma kien jagħmel xejn ħlief jippreġudika l-kooperazzjoni leali bejnha u l-Kummissjoni, li ż-żamma tagħha kienet neċessarja fil-kuntest tal-investigazzjoni mibdija.

71      Konsegwentement, għandu jitqies li l-Kummissjoni ppermettiet lir-rikorrenti jsiru jafu l-motivazzjoni mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex topponi l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż.

72      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, essenzjalment, il-Kummissjoni kisret id-dritt tagħhom li jinstemgħu billi hija ma tathomx il-possibbiltà li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġiba mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa previst li, wara l-ewwel deċiżjoni ta’ rifjut min-naħa tal-istituzzjoni adita b’talba għal aċċess għal dokument, min ikun ressaq it-talba għal aċċess għandu jippreżenta, skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament, talba għal deċiżjoni konfermattiva. F’dak il-mument, huwa jkollu l-possibbiltà li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu kontra, skont il-każ, il-pożizzjoni meħuda mill-imsemmija istituzzjoni. B’mod partikolari, fil-każ fejn Stat Membru jkun oppona l-iżvelar mitlub skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi jinvoka l-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess dispożizzjoni, min ikun ressaq it-talba għandu, permezz tat-talba għal deċiżjoni konfermattiva, il-possibbiltà li jesprimu ruħu dwar il-motivazzjoni mogħtija mill-imsemmi Stat Membru.

74      Issa, f’dan il-każ, wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Settembru 2011 li rrifjutat it-talba għal aċċess tar-rikorrenti għad-dokument kontenzjuż (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), dawn tal-aħħar ressqu quddiem il-Kummissjoni talba konfermattiva skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, għandu jitqies li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tagħhom, huma kellhom il-possibbiltà li jikkontestaw kemm il-passi meħuda mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-konsultazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont l-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament kif ukoll il-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar kontra t-talba tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-motivazzjoni tagħha, il-Kummissjoni wieġbet b’mod konkret għall-allegazzjonijiet u għall-osservazzjonijiet sottomessi mir-rikorrenti fit-talba konfermattiva (taqsima 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

75      Il-ħames nett, filwaqt li r-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma identifikatx tajjeb id-dokument li huwa s-suġġett tat-talba tagħhom għal aċċess, għandu jiġi kkonstatat, għall-kuntrarju, li l-Kummissjoni rreferiet b’mod korrett għal dan id-dokument, kemm fil-kuntest tat-talba tagħha lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, l-istess bħat-tweġiba li dan l-Istat Membru kien indirizza lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Lulju 2011 wara t-talba mressqa fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

76      Konsegwentement, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni osservat l-obbligi tagħha b’mod partikolari taħt l-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li hija kisret il-forom proċedurali sostanzjali fit-trattament tat-talba tagħhom għal aċċess.

77      Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

78      Għal dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-rikorrenti jressqu numru ta’ argumenti intiżi li juru li l-Kummissjoni naqset meta llimitat ruħha li tivverifika b’mod superfiċjali l-motivazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja invokata insostenn tar-rifjut tagħha tat-talba għal aċċess. Huma jsostnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li teżamina, b’mod konkret u individwali, l-imsemmija motivazzjoni u li tispjega, fil-każ ta’ rifjut, ir-raġuni għalfejn l-aċċess għad-dokument kontenzjuż seta’ jikser id-dispożizzjoni invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jiġifieri t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

79      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, permezz ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti jqajmu l-kwistjoni tan-natura u tal-intensità tal-eżami li għandu jsir u dik tal-motivazzjoni li għandha tingħata mill-Kummissjoni meta hija tiddeċiedi tinvoka l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

80      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu ġustament li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, bħala prinċipju, li, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument li l-iżvelar tiegħu jkun intalab, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument jaqa’ taħt attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni kkonċernata għandha tagħti wkoll spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għall-imsemmi dokument jista jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett b’eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, Ġabra p. I‑5885, punt 53; tal-21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punt 72, u tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, punt 44).

81      Issa, għandu jiġi osservat li l-obbligu ta’ eżami konkret u individwali li jirriżulta mill-prinċipju ta’ trasparenza kif stabbilit fil-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ma japplikax meta t-talba għal aċċess tirrigwarda dokument li joriġina minn Stat Membru skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

82      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 53 u 55 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, fil-kuntest tal-proċess ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess, il-Kummissjoni għandha sempliċiment tiżgura ruħha, minn naħa, jekk l-Istat Membru kkonċernat ibbażax l-oppożizzjoni tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, jekk immotivax debitament il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward.

83      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, bi tweġiba għal argumenti simili għal dawk imressqa mir-rikorrenti f’dan il-każ, li ma hijiex l-istituzzjoni adita b’talba għal aċċess għal dokument li għandha d-dmir li twettaq evalwazzjoni eżawrjenti tad-deċiżjoni ta’ oppożizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, billi twettaq kontroll li jmur lil hinn mill-verifika tas-sempliċi eżistenza ta’ motivazzjoni li tirreferi għall-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

84      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni vverifikat li l-oppożizzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet qiegħda tagħmel riferiment għall-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li l-imsemmija oppożizzjoni kienet ġiet immotivata debitament f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, hija, qabelxejn, osservat li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu opponew għall-iżvelar tad-dokument kontenzjuż billi bbażaw ruħhom fuq l-eċċezzjoni, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. F’dan ir-rigward, hija ċċitat ukoll litteralment it-test tat-tweġiba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Sussegwentement, hija osservat li l-ispjegazzjonijiet ta’ din tal-aħħar kienu jidhru prima facie fondati, kif mitlub, skontha, mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, hija wieġbet għall-argumenti li r-rikorrenti ressqu fit-talba tagħhom għal deċiżjoni konfermattiva tas-27 ta’ Settembru 2011 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq) kontra l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet Ġermaniżi.

85      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ eżami diliġenti billi osservat il-livell ta’ intensità meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha fil-kuntest tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

86      Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

87      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

 L-argumenti tal-partijiet

88      Ir-rikorrenti jallegaw, prinċipalment, li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha għal dak li jirrigwarda l-ineżistenza ta’ interess superjuri fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Sussidjarjament, huma jqisu li l-Kummissjoni ma wettqitx ibbilanċjar korrett tal-interessi kunfliġġenti fil-każ ineżami u jikkontestaw, għalhekk, il-konklużjoni li tgħid li ebda interess superjuri għall-interess tal-proċedura EU Pilot ma seta’ jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż. Essenzjalment, huma jsostnu li l-iskop ta’ protezzjoni tas-saħħa kellu jieħu preċedenza fuq l-interess partikolari tal-Kummissjoni li tkompli l-investigazzjoni tagħha.

89      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

90      Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, anki fil-każ fejn, bħal fil-każ ineżami, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba, il-possibbiltà li jintwera li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-imsemmija dokumenti bis-saħħa tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament ma hijiex eskluża. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq, il-proċess deċiżjonali stabbilit mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirrikjedi li l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernati josservaw l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tal-istess regolament, li jinkludi neċessarjament l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2).

91      Issa, skont il-ġurisprudenza, hija dik il-persuna li tallega l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li għandha tinvoka b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, punt 68; Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62; L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103, u LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94).

92      Barra minn hekk, l-espożizzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ġenerali ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li interess pubbliku superjuri għandu jipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokument inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93).

93      Barra minn hekk, l-interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument ma għandux neċessarjament ikun distint mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 74 u 75, u LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92).

94      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li ebda interess pubbliku superjuri ma kien jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għaliex l-aħjar mod li jintlaħaq l-interess ġenerali f’dan il-każ kien li tiġi konkluża l-proċedura EU Pilot mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Skont il-Kummissjoni, li rrepetiet, essenzjalment, il-motivazzjoni mogħtija f’dan ir-rigward mill-awtoritajiet Ġermaniżi fl-ittra tagħhom tad-19 ta’ Awwissu 2011 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq kif ukoll il-punti 3 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata), dan jippermetti li jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni kienx ġie effettivament miksur fid-dawl tal-fatti allegati mir-rikorrenti fl-ilment tagħhom kontra l-awtoritajiet Ġermaniżi.

95      Din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma hija vvizzjata b’ebda żball.

96      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jitqies li, hekk kif jirriżulta mill-punt 94 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni mmotivat il-konklużjoni tagħha li tgħid li interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma setax jiġġustifika, f’dan il-każ, l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward ma jistax jintlaqa’.

97      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, ħlief għal allegazzjonijiet ġenerali dwar in-neċessità ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u dwar il-fatt li t-trattamenti tal-klinika privata kkawżaw il-mewt ta’ diversi pazjenti fil-Ġermanja, ma jistabbilixxux ir-raġunijiet konkreti li jiġġustifikaw, f’dan il-każ, l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż. B’mod partikolari, ma jispjegawx sa fejn l-iżvelar ta’ dan id-dokument lir-rikorrenti, jiġifieri t-tweġiba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot inkwistjoni, iservi l-interess li tiġi protetta s-saħħa pubblika. Issa, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 91 u 92 iktar ’il fuq, għalkemm, fl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija l-istituzzjoni li tinvoka l-imsemmija eċċezzjoni li għandha l-oneru tal-prova, min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, huma dawk li jeċċepixxu interess pubbliku superjuri fis-sens tal-aħħar sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni li għandhom jipproduċu prova ta’ dan.

98      It-tielet nett, anki li kieku l-allegazzjonijiet ġenerali dwar l-eżistenza ta’ interess ġenerali għall-protezzjoni tas-saħħa kellhom jintlaqgħu, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, f’dan il-każ, ma jistax jitqies bħala li jippermetti li tali interess jiġi ssodisfatt. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li ma humiex ir-rikorrenti li għandhom jistabbilixxu sa fejn id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament Nru 1394/2007, kienx ġie osservat mill-awtoritajiet Ġermaniżi fid-dawl tal-kuntest fattwali espost fl-ilment tagħhom. Għall-kuntrarju, għandha tiġi milqugħa l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-interess pubbliku li jiġi kkjarifikat, minnha stess, jekk id-dritt tal-Unjoni kienx ġie osservat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kien jikkostitwixxi l-iktar mod effikaċi sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika.

99      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-dokument kontenzjuż huma ta’ natura li jagħtu lok għal azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali li eventwalment ikunu jistgħu jressqu quddiem il-qrati nazzjonali Ġermaniżi. Essenzjalment, it-talba tar-rikorrenti hija intiża li jiksbu d-dokumenti ta’ prova insostenn tal-azzjoni tagħhom sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà billi jużaw għal dan il-għan lill-Kummissjoni u s-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha li hija għandha bħala gwardjan tat-Trattat FUE. Issa, l-interess tar-rikorrenti li jipproduċu dokumenti ta’ prova quddiem il-qorti nazzjonali ma jistax jitqies li jikkostitwixxi “interess pubbliku superjuri” fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda interess privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86). Għaldaqstant, ma jistax jiġi permess li l-Kummissjoni tiġi strumentalizzata sabiex jinkiseb l-aċċess għal provi li ma jkunux disponibbli permezz ta’ mezzi oħra.

100    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minkejja li l-fatti li l-azzjoni tar-rikorrenti quddiem il-qorti Ġermaniża u Ewropea tqajjem huma ċertament deplorevoli u joħolqu dispjaċir, il-Kummissjoni enfasizzat korrettament li r-rikorrenti għandhom iressqu azzjoni ġudizzjarja billi jużaw ir-rimedji ġudizzjarji u l-mezzi ta’ kisba tal-provi mogħtija lilhom mill-ordinament ġuridiku nazzjonali.

101    Il-ħames nett, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma tathomx l-aċċess għad-dokument kontenzjuż, fid-dawl tal-interess pubbliku invokat, anki wara l-għeluq tal-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO.

102    F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, il-legalità ta’ att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fid-data li fiha l-att ġie adottat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑432/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-għeluq tal-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

104    F’kull każ, ma jistax jiġi eskluż li, hekk kif jirriżulta, minn naħa, mill-punt 12 tas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni waqt is-seduta, l-aċċess sħiħ jew parzjali għad-dokumenti involuti f’dan il-każ ikun jista’ jingħata lir-rikorrenti, sa fejn l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tkunx iktar applikabbli wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tittiħidx azzjoni fuq ilment, bil-kundizzjoni li l-imsemmija dokumenti ma kinux koperti b’eċċezzjoni oħra fis-sens ta’ dan ir-regolament. Issa, dan ikun possibbli biss jekk il-Kummissjoni tkun adita b’talba ġdida għal aċċess.

105    Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqet la ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u lanqas żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

106    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001

 L-argumenti tal-partijiet

107    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħhom li jiksbu aċċess parzjali għad-dokument kontenzjuż.

108    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

109    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20, u tal-11 ta’ Lulju 2005, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, T‑294/04, Ġabra p. II‑2719, punt 23).

110    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, ħlief għal riferiment astratt, fil-kuntest tar-rikors, għal motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara b’mod partikolari l-punt 91 tar-rikors), ir-rikorrenti ma jiżviluppaw ebda argument insostenn ta’ dan. Fil-fatt, huma jillimitaw ruħhom li jindikaw li “il-Kummissjoni kellha tindika b’mod preċiż l-awtur tad-dokument kontenzjuż, it-tul ta’ dan tal-aħħar kif ukoll l-annessi tiegħu, ir-referenza tiegħu, etc., sabiex tkun tista’ ssir l-identifikazzjoni tal-imsemmi dokument” u li, “fl-assenza ta’ tali identifikazzjoni tad-[dokument kontenzjuż] tal-‘awtoritajiet Ġermaniżi’, […] ma jkunx hemm proċedura ekwa”.

111    Issa, sa fejn din l-allegazzjoni ma għandha ebda relazzjoni mal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-każ ineżami, iżda iktar mal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ġie eżaminat fil-punti 78 sa 86 iktar ’il fuq, hija għandha titqies irrilevanti sabiex tikkostitwixxi bażi għal għal dan il-motiv.

112    Barra minn hekk, għandu jitqies li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika lanqas ma jistgħu jiġu eżaminati, peress li, b’mod partikolari, huma bbażati fuq elementi tad-deċiżjoni kkontestata li kienu magħrufa fid-data tal-preżentata tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2010, Umbach vs Il‑Kummissjoni, T‑474/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 60).

113    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

114    Ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

115    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

116    Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Settembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.