Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Ġunju 2011 - Besselink vs Il-Kunsill

(Kawża T-331/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Leonard Besselink (Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi) (irrappreżentat minn: O. Brouwer u J. Blockx, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

It-talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta' April 2011 li tirrifjuta li tagħti aċċess komplet għad-dokument 9689/10 skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), skont kif ġie kkomunikat lir-rikorrent fis-7 ta' April 2011 f'ittra bir-referenza "04/c/01/11"; u

tordna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż tar-rikorrent skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż tal-partijiet intervenjenti, jekk ikun il-każ.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, li jallega li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, li jikkonċerna l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijeit internazzjonali, peress li:

-    Il-Kunsill żbalja meta ma ħax inkunsiderazzjoni n-natura kostituzzjonali tad-dokument li għalih qed jintalab aċċess mir-rikorrent;

-    Ir-rikorrent iqis li l-aċċess għad-dokument 9689/10 huwa wkoll iggarantit abbażi tal-libertà tal-espressjoni prevista fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

-    Il-Kunsill naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi u s-suġġett speċifiku ta' din il-kawża; u

-    Il-Kunsill irrefera b'mod żbaljat għall-konsegwenzi negattivi ipotetiċi ta' żvelar fuq negozjati futuri li għandhom isiru mill-Unjoni.

It-tieni motiv, li jallega li l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ġie applikat b'mod żbaljat, u li l-prinċipju ta' proporzjonalità nkiser, sa fejn il-Kunsill naqas milli jikkunsidra jekk kienx xieraq li jingħata aċċess parzjali u li r-rifjut jiġi limitat għall-partijiet tad-dokument 9689/10 li kienu xierqa u strettament neċessarji.

It-tielet motiv, li jallega li l-Kunsill ma ssodisfax l-obbligi tiegħu li jagħti motivazzjoni suffiċjenti u adegwata għad-deċiżjoni kkontestata.

____________